Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #27093 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Bidliet fl-istaġonalità fl-influss ta’ turisti lejn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inbidlet l-istaġonalità fl-influss ta’ turisti lejn Malta matul l-aħħar tliet snin? X’kienu r-raġunijiet prinċipali li wasslu għal dan it-tibdil? Minn liema swieq l-aktar li kien hemm kambjament pożittiv?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-istaġonalità minn aspett ta’ żieda perċentwali fil-volumi tat-turisti, l-aħħar xitwa 2015/2016, qed turi l-għola żieda ta’ 11% meta mqabbla mal-istaguni l-oħra fejn fil-perjodu tas-sajf żdied b’rata ta’ 6%. Barra minn hekk, jekk wieħed iħares kif l-influss tat-turisti huwa mqassam fuq l-istaġuni, jinnota, li s-sehem (share) tax-xitwa fl-aħħar sena (2015/2016) meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (2014/2015), żdied b’ 1 punt perċentwali, minn 24% għal 25%. Ir-raġuni prinċipali għal din iż-żieda, hi r-riżultat pożittiv ta’ xogħol kontinwu tal-Gvern mal-Malta International Airport biex ikomplu jtejbu l-konettivita’ ta’ Malta matul is-sena kollha, speċjalment fl-istaġun tax-xitwa. Fil-fatt, in-numru ta’ air seats fix-xitwa 2016/2015 żdied b’10.4% meta mqabbel max-xitwa ta’ qabel (Novembru sa Marzu). Reġuni oħra wara dawn ir-riżultati kien ix-xogħol tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu illi qassmet il-baġit tagħha aħjar u allokat iktar fondi għall-inizjattivi ta’ marketing li jiffokaw fuq ħolqien ta’ domanda addizzjonali għal pajjiżna fix-xhur tax-xitwa. L-Awtorità qed tiffoka wkoll fuq niċċeċ speċifiċi bħal ma huma turiżmu sportiv, turiżmu kulturali, btajjel qosra, turiżmu għat-terza eta', dak reliġjuz u gastronomiku, u turiżmu MICE. Qed naħdmu wkoll mas-settur privat u promoturi internazzjonali sabiex noħolqu u nippromwovu iktar avvenimenti ta' livell għoli, li bihom jirnexxielna nattiraw turiħmu ġdid lejn Malta u Ghawdex. L-influss ta’ turisti fl-aħħar staġun tax-xitwa meta mqabbel max-xitwa ta’ qabel żdied minn diversi pajjizi ta’ oriġini kemm miċ-ċentru u il-punent ta’ l-Ewropa (Ġermanja, Italja, Spanja, Kroazja), il-lvant ta’ l- Ewropa (Polonja, Litwanja, Latvja, Repubblika Ċeka,) mill-Ewropa ta’ fuq (Renju Unit, Irlanda u pajjiżi Nordiċi) u kif ukoll minn pajjiżi mbegħda bħall-Amerika. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella illi turi l-influss tat-turisti u żieda fil-persentaġġi perċentwali matul l-aħħar tlett snin. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, għall-benefiċċju ta’ din il-mistoqsija u l-informazzjoni li ser titpoġġa, l-istaġuni tat-turiżmu ser jiġu maqsumin fi tlett perjodi - minn Lulju sa Ottubru bħala x-xhur fejn l-influss jilħaq l-għola livelli, minn Novembru sa Marzu li hu l-perjodu meqjus bħala l-istagun tax-xitwa, u minn April sa Ġunju.
Leg 12 PQ #27094 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Servizzi provduti fil-bajjiet Maltin u Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-iżviluppi ewlenin fis-servizzi provduti fil-bajjiet Maltin u Għawdxin matul is-sajf 2016 komparat mas-snin ta’ qabel, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċessibilità? Kemm kienet in-nefqa din is-sena għal titjib fil-bajjiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu timmanniġja direttament numru ta’ bajjiet u fost ħidma oħra, tagħmel xogħol ta’ titjib sabiex il-bajjiet tagħna jkunu iktar aċċessibli għal kulħadd. In-nefqa totali għal dan it-titjib fuq il-bajjiet tammonta għal €64,150. Għas-sena 2016, l-Awtorità wettqet diversi proġetti li permezz tagħom individwi u familji bi bżonnijiet diversi, setgħu igawdu milli jżuru l-bajjiet b’iktar kumdità. Dan is-sajf, ġew installati żewġ pjattaformi ġodda ta’ 150 metru tul fil-bajja tal-Għadira fil-Mellieħa. Għall-ewwel darba, twaħħlu hoist chairs f’bajjiet bil-blat fil-Qawra u l-Exiles Sliema. Barra minn hekk, xtrajna u żidna wkoll l-ammont ta’ beach trotters (magħrufa wkoll bħala amphibious chairs) fil-bajjiet ramlin ta’ Malta. F’konformita’ ma’ politika sostenibbli u responsabbli għat-turiżmu, dan il-Gvern hu kommess illi jżid l-aċċessibilità u jgħin lin-nies u familji sabiex ikunu jistgħu igawdu l-ħin liberu tagħħom mingħajr tfixkil. Filwaqt li nifmhu li mhux kull żona jista’ jkollha l-istess livell ta’ aċċessibilita’, rridu naraw illi in-numru ta’ bajjiet aċċessibli jikber fis-sajf li ġej. Għalhekk, fuq din il-premessa kif ukoll b’konjezzjoni tal-kummenti pożittivi għall-inizjattivi li ttieħdu f’dan il-qasam, ser inkunu qed ninvestu aktar flus fiż-żieda ta’ aktar faċilitajiet għal aċċess aħjar f’Golden Sands, l-Armier, il-Bajja s-Sabiħa B’Bugia u l-bajja tal-Fajtata.
Leg 12 PQ #27095 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Awtorità Maltija għat-Turiżmu – pink tourism

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fir-rigward tas-segment magħruf bħala Pink Tourism fid-dawl tal-fatt li Malta kisbet reputazzjoni tajba ħafna fil-qasam tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ, kif konfermat mill-ILGA Rainbow Europe Index 2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-niċċa ta’ Pink Tourism illum hi realta’ mportanti fis-settur turistiku Malti. F’din in-niċċa għamilna avvanzi kbar f’dawn l-aħħar 3 snin speċjalment wara l-bidliet li saru minn dan il-Gvern fil-liġi taż-żwieġ ċivili fejn koppji ta’ l-istess sess bdew jistgħu jiżżewgu f’unjoni ċivili. Dan l-avvanż tella’ lil pajjiżna fil-quċċata ta’ l-ILGA Rainbow Europe Index u qed jgħin mhux ftit sabiex nippromwovu l-gżejjer Maltin għal btajjel qosra, btajjel b’temi ta’ attivita’ sportiva, lussu, kif ukoll għal żwieġ u honeymoon. Għal dan il-għan nippjanaw u nwettqu pjani ta’ marketing speċifikament għal din in-niċċa f’diversi pajjiżi fosthom l-Istati Uniti, l-Italja, ir-Renju Unit, Ġermanja, Awstrija, Svizzera, Spanja, Olanda, Repubblika Ċeka, Polonja u l-pajji¿i Nordiċi. Il-ħidma ta’ l-Awtorita’ qegħda tiġi rikonoxxuta u apparti r-riżultati pożittivi li qegħdin jinkisbu tista’ tgħid f’kull suq, fil-qasam ta’ Pink Tourism ġejna nominati u konna finalisti fil-kategorija ta’ LGBTIQ marketing fir-Renju Unit fit-TTG (Travel Trade Gazette) industry awards, l-iżjed awards importanti fil-qasam tat-turiżmu fir-Renju Unit. Fil-fatt ftit ġimgħat ilu id-Direttur ta’ l-MTA fl-ufficcju ta’ Londra rċieva l-premju għat-tielet post miksub għall-kampanja ta’ marketing fl-2016.
Leg 12 PQ #27096 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex – applikazzjonijiet għal stabbilimenti tal-akkomodazzjoni turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intlaqgħu applikazzjonijiet għal stabbilimenti tal-akkommodazzjoni turistiċi ġodda ġewwa Għawdex mill-bidu tas-sena 2016? Kemm inħarġu liċenzji ġodda? Kemm saru spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-akkommodazzjoni f’Għawdex matul l-istess perjodu u b’liema riżultat?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, it-total t’applikazzjonijiet għal stabbilimenti tal-akkommodazzjoni turistiċi ġodda ġewwa Għawdex minn Jannar sa Ottubru 2016, jammonta għal 203. Matul l-istess perjodu, ingħataw total ta’ 164 liċenzja ġdida. In-numru ta’ spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-akkomodazzjoni f’Għawdex jammonta għal 765. Meta tqabbel dawn il-figuri mas-sena 2012, fejn it-total t’applikazzjonijiet għal stabbilimenti tal-akkommodazzjoni ġodda jammonta għal 83, ingħataw total ta’ 84 liċenzja ġdida u saru 214 spezzjoni, jidher ċar illi l-politika tal-Gvern għal din il-gzira, sabiex isir iktar investiment f’dan is-settur, hija waħda konkreta u qed tħalli riżultati pożittivi ferm. Informazzjoni iktar speċifika qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #27097 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Awtorità Maltija għat-Turiżmu – suq Amerikan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati nkisbu mis-suq Amerikan minn mindu reġa’ nfetaħ uffiċċju tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’dan il-pajjiż fl-2014? Xi pjanijiet għandha l-Awtorità f’dan ir-rigward?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, n-numru ta’ turisti Amerikani li żaru Malta fl-2013 kien ta’ 19,502 persuna. Wara li ttieħdet id-deċizjoni li nerġgħu nidħlu fis-suq Amerikan u l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu appuntat rapprezentanza fi New York, rajna tkabbir kostanti mis-Suq Amerikan. Fil-fatt, fl-2014 kellna żieda ta’ 14.8% fuq l-2013. Ir-riżultati pożittivi fis-suq Amerikan komplew fl-2015 fejn reġa’ kellna żieda qawwija ta’ 16.4% fuq is-sena ta’ qabel. Skont l-aħħar figuri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena qed juru iktar riżultati pożittivi meta għandna tkabbir ta’ 17.2% fl-ammont ta’ turisti Amerikani li żaru pajjiżna meta mqabbel ma l-istess perjodu ta’ bejn Jannar u Settembru tal-2015. Il-ħidma li qiegħda ssir mill-MTA fl-Istati Uniti qed tiġi rikonoxxuta wkoll b’diversi premijiet prestiġjuzi li ntrebħu f’dawn l-aħħar sentejn kif ukoll f’midja mportanti Amerikana bħal Lonely Planet Magazine li poġġa lil pajjiżna fl-ewwel post fil-lista ta’ pajjiżi li wieħed għandu jżur u The New York Times li semmiet lil pajjiżna fit-tielet post f’lista ta’ 52 destinatinazzjoni li huma rakkomandati għall-2016. Fl-aħħar xhur ta’ din is-sena kif ukoll fl-2017, l-MTA qiegħda tippjana li tkompli tespandi l-ħidma tagħha f’dan is-suq billi tvara attivita ġdida ma’ operaturi turistiċi Amerikani li se jibdew jinkludu lil Malta fil-programmi tagħhom għall-ewwel darba, se tkompli tikkonsolida l-attivita tagħha ma’ l-aġenti ta’ l-ivjaġġar mferrxa madwar il-pajjiż, se żżid l-attivita’ fuq il-midja soċjali u online booking portals kif se tkompli bil-pjanijiet għal żjarat minn esponenti tal-midja Amerikana u social media influencers .

Żjarat Statali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ Żjarat Statali li saru barra minn Malta bejn April 2016 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (VELLA, GEORGE)

Bejn April 2016 u llum saret Żjara Statali waħda, fil-Montenegro bejn it-8 u l-10 ta' Ġunju 2016.

Consul on the Move

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra xi żviluppi kien hemm minn meta tħabbret l-inizjattiva Consul on the Move?

Response (VELLA, GEORGE)

Minn meta tħabbret l-inizjattiva Consul-on-the-Move fil-5 ta’ Mejju 2016 il-Ministeru beda jimplimenta dan il-proġett f’ħames pajjiżi fejn hemm konċentrazzjoni ta’ Maltin. Il-Konsli fl-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u New Zealand żaru 'l-Maltin f’xi postijiet fejn jgħixu biex ikunu jistgħu jipproċessaw it-talbiet tagħhom biex jinħarġilhom passaport bijometriku Malti. Dan sar b’koordinazzjoni mal-Konsli Onorarji u b’appuntamenti minn qabel biex il-ħidma tkun organizzata u ma tiħux żmien aħtar milli meħtieġ. Għas-servizz mogħti, il-klijenti kienu mitluba jħallsu tariffa amministrattiva u addizzjonli ta’ €100 biex il-Ministeru jkopri parti mill-ispejjeż. Din it-tariffa addizzjonali hija meqjusa raġonevoli ħafna meta wieħed iqis l-iskariġġ li jifranka l-applikant kif ukoll il-flus li jiffranka fi spejjeż ta' vjaġġar u akkommodazzjoni. Bejn Lulju u Settembru 2016 is-Servizz Konsolari (Consul-on-the –Move) kien provdut kif ġej: Stat/Belt/Pajjiż Dati Dokumenti proċessati San Francisco (L-Istati Uniti) 8-9 ta’ Lulju 2016 · Passaporti - 19 Adelaide (L-Awstralja) 8-9 ta’ Lulju 2016 · Reġistrazzjoni ta’ċertifikati – 6 · Passaporti – 14 · Talbiet għal informazzjoni dwar ċittadinanza - 2 Tasmanja (L-Awstralja) 29 ta’ Lulju 2016 · Reġistrazzjoni ta’ ċertifikati – 2 · Passaporti - 3 New Zealand 6-7 Awwissu 2016 · Reġistrazzjoni ta’ ċertifikati – 4 · Applikazzjoni għal ċittadinanza – 1 · Passaporti - 12 Vancouver (Il-Kanada) 9 ta’ Settembru 2016 · Reġistrazzjoni ta’ ċertifikati – 5 · Passaporti – 5 · Ċittadinanza - 8 Edmonton (Il-Kanada) 12-13 ta’ Settembru 2016 · Reistrazzjoni ta’ Ċertifikati – 8 · Passaporti – 14 · Ċittadinanza - 5 Fl-Italja minkejja li saret il-pubbliċita’ meħtieġa biex il-Maltin fl-inħawi tan-naħa t’isfel tal-Italja (Katanja, il-Kalabrija, il-Bażilikata u l-Puglia), jingħataw is-servizz mill-Konsolat Onorarju ibbażat f’Katanja, ma kienx hemm talbiet għal appuntamenti. Filwaqt li l-eżerċizzju kien suċċess u ntlaqa’ tajjeb mill-Maltin, għen ukoll biex il-komunitajiet Maltin jiltaqgħu mal-Konsli u jitkellmu dwar temi li jolqtuhom mill-qrib. Il-pjan hu li dan il-proġett pilota ikun mifrux fuq sentejn mill-2016 sa l-aħħar tal-2018. Dan il-programm huwa konformi mal-viżjoni tal-Gvern li jqarreb is-servizzi tiegħu aktar viċin iċ-ċittadin.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – xogħol għall-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18898, jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol li sar mid-data tat-tweġiba u li biħsiebu jagħmel il-Ministeru tiegħu fuq il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-xogħol prinċipali li għamel mit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18898 u li bi ħsiebu jagħmel il-Ministeru tiegħi fuq il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017 huwa dan: · Qbil fuq il-programm għat-18-il xahar mal-pajjiżi tat-Trio; · Secondment ta’ uffiċċjali ma’ Minsteri għall-Affarijiet Barranin ta’ Stati Membri oħra; · Talba lil Stati Membri oħra għal secondment ta’ uffiċċjali tagħhom mal-Ministeru tiegħi; · Tħejjijiet u loġistika għal-laqgħat informali li se jsiru mill-Ministeru f’Malta; · Intgħażlu l-uffiċċjali biex imexxu laqgħat fi Brussell fi ħdan il-Kunsill; · Tħejjijiet għal-laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin (magħrufa bħala l-Gymnich); · Tħejjijiet għal laqgħa bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, dawk tal- Gulf Co-operation Council u s- Southern Neighbourhood ; · Tħejjijiet għas- Senior Officials’ Meeting biex janalizza x-xogħol li sar u li għad irid isir wara s- Summit fuq il-Migrazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani; · Ingaġġ ta’ Senior Policy Officers , Policy Officers u interns ; · Taħriġ għall-uffiċċjali tal-Ministeru; · Żieda ta’ riżorsi umani f’Ambaxxati u Missjonijiet Permanenti partikolari; · Xogħol fuq il-Programm Kulturali fl-Ambaxxati; · Xogħol fuq il-taqsima tal-Ministeru tal-Programm Nazzjonali tal-Presidenza; · Attendejt għall-preżentazzjoni tal-prioritajiet tal-Presidenza Slovakka; · Iltqajt mar-Rappreżentanta Għolja u Viċi President tal-Kummissjoni l-E T Federica Mogherini, mal-Kummissarju għall-Koperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp l-E.T. Neven Mimica, mal-membri tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin (l-AFET) u l-membri tal-Kumitat tal-Iżvilupp (id-DEVE) tal-Parlament Ewropej; · Żjarat f’Malta tar-Rappreżentant Għolja u tal-Kummissarju għall-Politika tal-Viċinat u n-Negozjati dwar it-Tkabbir, l-E T Johannes Hahn; · Identifikar u diskussjonijiet dwar il- budget meħtieġ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iddettaljat ta’ din il-ħidma.

Laqgħa tal-Ambaxxaturi ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-aħħar laqgħa tal-Ambaxxaturi ta’ Malta li organizza l-Ministeru tiegħu f’Ġunju li għadda? X’kienu s-suġġetti diskussi?

Response (VELLA, GEORGE)

Din is-sena il-laqgħa tal-Ambaxxaturi Maltin seħħet bejn l-1-3 ta’ Ġunju fil-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu. L-għan ta’ dan l-avveniment annwali huwa li l-Ambaxxaturi Maltin jiltaqgħu lkoll flimkien sabiex niddiskutu kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-politika barranija ta’ Malta kif ukoll suġġetti ta' rilevanza għall-Ministeru u għal Malta. Din is-sena il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għax xhur li ġejjin kienet fuq nett fil-lista tas-suġġetti diskussi. L-Ambaxxaturi ngħataw informazzjoni dwar il-preparamenti għall-Presidenza ta’ Malta u l-involviment tagħhom matul din il-Presidenza, b’attenzjoni partikolari fuq dawk il-kwistjonijiet politiċi u suġġetti importanti għal Malta waqt il-Presidenza. L-Ambaxxaturi ġew infurmati wkoll, dwar il-loġistika, il-kommunikazzjonijiet mal-midja u l-programm kulturali għall-Presidenza. Bara minn hekk, l-Ambaxxaturi ingħataw informazzjoni u qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar l-Israel u l-Palestina kif ukoll dwar kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi limitati li jista’ jkollhom. Uffiċjali tal-Ministeru qasmu wkoll l-ideat tagħhom flimkien mal-uffiċjali tal-Ministeru dwar kif l-Ambaxxaturi jistgħu jingħaqdu b'mod aktar effettiv mal-Maltin barra minn Malta, u dwar il-miri strateġiċi tal-Politika Barranija ta' Malta relatati mal-kummerċ. Għall-ewwel darba din is-sena, saret sessjoni dedikata f’forma ta’ fiera fejn fiha l-Ambaxxaturi Maltin kellhom l-okkazjoni li jiltqgħu ma’ numru ta’ rappreżentanti ta’ entitajiet lokali minn oqsma differenti sabiex jitkellmu dwar kif jistgħu jtejbu l-kuntatti bejniethom u jippromwovu lil Malta barra minn xtutna. Saru wkoll preżentazzjonijiet mill-Malta Enterprise, l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu, Identity Malta u l-Universita' ta' Malta. Nixtieq ninnota li din il-laqħa ta’ l-Ambaxxaturi ta’ din is-sena kienet suċċess kif ġie deskritt kemm mill-Ambaxxaturi nfushom kif ukoll l-entitatjiet kollha li pparteċipaw.

Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra — laqgħa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-aħħar laqgħa tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra li organizza l-Ministeru tiegħu f’Mejju li għadda? X’kienu s-suġġetti diskussi?

Response (VELLA, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-aħħar laqgħa tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra.

Attivitajiet organizzati bħala diplomazija kulturali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18911, jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi tad-diplomazija kulturali ħa l-Ministeru tiegħu bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena (2016)?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inizjattivi prinċipali ta’ diplomazija kulturali li ħa l-Ministeru tiegħi bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena kienu dawn: · Proġetti kulturali taħt il-Fond tad-Diplomazija Kulturali; · Organizzazzjoni ta’ żjarat kulturali għal diplomatiċi barranin residenti Malta; · Xogħol dwar ġemellaġġi ta’ lokalitajiet Maltin ma’ bliet u rħula barra minn Malta; · Preparamenti għall-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding maċ-Ċina; · Parteċipazzjoni ta’ kittieba Maltija fir-raba’ laqgħa ta’ kittieba taż-żona Ewro-Maghrebija; · Għajnuna lill-Ambaxxata Maltija f’Riyadh għal esebizzjoni fil-Mużew Nazzjonali; · Parteċipazzjoni ta’ artist Malti fis-seba’ edizzjoni tal- Intercultural Art Dialogue f’Beyoglu, it-Turkija; · Għajnuna fil-preparamenti għall-Mediterranean Forum organizzat mill- Anna Lindh Foundation u l- International Federation of Arts Councils and Culture Agencies Summit ; · Promozzjoni tal-industrija tal-films; · Tħejjijiet għal-Laqgħa Informali tal-Uffiċċjali tal-Kultura fil-Ministeri tal-Kultura u l-Ministeri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea; · Xogħol relatat mal-Programm Kulturali tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iddettaljat dwar dawn l-inizjattivi.
Leg 12 PQ #28286 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Tqassim ta’ siringi b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tqassmu siringi b’xejn fl-2016 u jaqsam l-informazzjoni skont il-post minn fejn dawn tqassmu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar sa Ottubru tal-2016 tqassmu 783,309 siringi u nirrimarka li dawn is-siringi jitqassmu lill-pazjenti li jbatu bid-diabete jew kundizzjonijiet mediċi oħra, u kif ukoll lill-individwi li għandhom problema ta’ abbż mid-droga.
Leg 12 PQ #28287 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Retractable syringes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jikkunsidra li jintroduċi retractable syringes għal min jingħata s-siringi b’xejn sabiex jiġu evitati riskji minn siringi li jitħallew esposti f’postijiet pubbliċi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex innaqsu r-riskji ta’ nies li jittaqqbu b’mod aċċidentali minn labar użati, d-dipartiment tas-saħħa beda kampanja li jitqassmu kaxxi apposta (Sharp Containers) miċ-ċentri tas-saħħa biex il-labar użati jintremgħu b’mod aktar sikur.
Leg 12 PQ #28288 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Każijiet ta’ overdose ta’ droga

Question

Jista’ l- Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22438 u 23972 u jgħid kemm-il persuna tilfet ħajjitha kawża ta’ overdose ta’ droga fl-2015?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2015 kien hemm tmien imwiet kawża ta’ overdose ta’ droga.
Leg 12 PQ #28289 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Każijiet ta’ overdose ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna tilfet ħajjitha kawża ta’ overdose ta’ droga s’issa matul l-2016?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li dawn il-każijiet jeħtieġu analażi tossikoloġiku li jista jieħu ż-żmien, figuri aġġornati għas-sena 2016 għadhom mhux disponibbli.
Leg 12 PQ #28290 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Gvern ser jibda t-twettiq ta’ sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali li kien indikat li ser isir fil-viċinanzi tal-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej il-proċess sabiex jinħatar Board ta' Diretturi għas-Saħħa Mentali li se jfassal l-istrateġija f'dawn il-qasam. Dan il-board se jkollu rappreżentanza tal-istakeholders f'dawn is-settur.
Leg 12 PQ #28291 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Professjonisti fil-qasam tas-saħħa — polza ta’ assigurazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tobba, nurses u allied health care professionals humiex koperti minn polza tal-assigurazzjoni għal claims għal danni li jistgħu jiffaċċjaw jekk jagħtu għajnuna lil persuni barra l-ħin tax-xogħol tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jippreċiza għal liema polza ta' assigurazzjoni qed jirreferi għaliha.

Sajjieda – bejgħ ta’ ħut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li f'dawn l-aħħar xhur, iż-żmiem li fih sajjied ikun irid idaħħal il-karti ta' x'biegħ ħut lid-Dipartiment, niżel għal 24 siegħa? Huwa possibbli li jitwal iż-żmien li fih sajjied ikun irid jirreġistra x'ħut ikun biegħ, peress dan il-perjodu ta' 24 siegħa qed jagħmilha diffiċli lis-sajjieda jerġgħu joħorġu jistadu f'każ ta' bnazzi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-Artikolu 62 tar-“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, tal-20 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd”, il-preżentazzjoni tan-noti tal-bejgħ lill-Awtorita’ kompetenti għandha ssir fi żmien 48 siegħa minn meta isir il-bejgħ għal dawk l-operaturi b’fatturat finanzjarju annwali għall-ewwel bejgħ tal-prodotti tas-sajd inqas minn €200,000. Għal dawk li għandhom fatturat ikbar il-preżentazzjoni tan-noti għandha issir fi żmien 24 siegħa. Fil-kaz li l-bejgħ tal-ħut isir fil-pixkerija n-nota tal-bejgħ issir responsabilta’ tal-Pitkal li jkun għamel il-bejgħ tal-prodotti. Peress li dan huwa obbligu minn liġi ta’ l-Unjoni Ewropeja, ninsab infurmat li ma jistax jiġi applikat żmien itwal.

Promozzjoni ta’ esportazzjoni ta’ diversi prodotti agrikoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'ħidma qiegħda ssir mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja u s-Sajd kif ukoll mid-Dipartimenti li jaqgħu taħtu sabiex jippromwovu l-esportazzjoni ta' diversi prodotti agrikoli bħat-tadam, qarabagħli, brunġiel, bżar u anke ħass lejn diversi pajjiżi Ewropej, bħalma jsir fil-każ tal-esportazzjoni tal-patata?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-esportazjoni ta’ prodotti agrikoli bħal ma hi dik tal-patata hija attivita’ kummerċjali u li fiha ma jistax jiġi nvolut il-Gvern. Madanakollu, id-Direttorat tad-Diversifikazzjoni u Kompetittività fi ħdan id-Dipartiment tal-Iżvilupp Rurali jilqa’ talbiet għal pariri tekniċi fuq prodotti li jistgħu jiġu esportati lejn pajjizi Ewropej.

Force Majeur – kumpens lill-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se jinqasam il-kumpens li se jagħti l-Gvern lill-bdiewa għall-force majeure? Kemm hawn bdiewa li se jgawdu minn dan il-kumpens u l-bdiewa nvoluti se jkunu full-time jew part-time?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu għal liema force majeur qed jirreferi.