Jista’ d-Deputat Prim Ministru jikkonferma jekk il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hijiex tippjana li tawditja lil Malta għal darb’oħra, wara li fix-xhur li għaddew l-istess Istituzzjoni Ewropea awditjat, fost oħrajn, il-proġett ta’ Triq il-Kosta? Jista’ jelabora liema proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea se jiġu awditjati fil-ġimgħat li ġejjin, jekk dan hu l-każ? Jista’ jipprovdi lista li tinkludi l-awditjar li sar matul il-programm ta’ Fondi Ewropej 2007-2013, sena b’sena, kemm mill-istess Qorti Ewropea kif ukoll minn istituzzjonijiet oħra bħall-Kummissjoni Ewropea?”
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28734 li oriġinajrament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jara l-każ tal-individwu li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament rigward sussidju fuq id-dawl?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa wara li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali rċieva d-dokumenti meħtieġa sabiex ikun jista’ jikkonsidra l-applikazzjoni msemmija.
Żejtun sal-Higher Secondary School — trasport tal-iskola
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irid iħallas student kull sena biex juża trasport tal-iskola u jittieħed miż-Żejtun sal-Higher Seconday School fin-Naxxar u lura? Jista' jgħid jekk it-trasport huwiex door to door service?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tat-Trasport fl-iskejjel li huwa provdut mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol huwa servizz bla ħlas għall-istudenti. Dan is-servizz huwa provdut għall-istudenti li jattendu faċilitajiet edukattivi ta’ età obbligatorja.
Higher Secondary School — klassijiet - aċċessibilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema sular qegħdin l-iktar klassijiet għoljien tal-Higher Secondary School fin-Naxxar, u jekk dawn humiex aċċessibli b’lift biex jintużaw minn studenti b’diżabilità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-iskola tal-Higher Secondary fin-Naxxar hija iffurmata minn ħames blokki.
Il-klassijiet li huma fl-ogħla livelli qegħdin fit-tieni sular. Il-klassijiet li qegħdin fin-New Block huma kollha aċċessibbli b’lift għall-persuni b’diżabilità. Fi tliet blokki oħra, fejn hemm klassijiet, ma hemmx lift u mhumiex aċċessibbli.
Il-ħames blokk huwa dak tal-gym li huwa mibni fuq sular wieħed u hu aċċessibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati nkisbu mis-suq Pollakk fl-ewwel sitt xhur tal-2016? Xi pjanijiet għandha l-Awtorità għal dan is-suq?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, is-suq Pollakk huwa suq ieħor li qiegħed jagħtina sodisfazzjon b’riżultati tajbin ħafna f’dawn l-aħħar sentejn. Fl-2013, kienu żaruna 23,889 turist mill-Polonja, fl-2014 dan in-numru tela’ għal 34,723 u fl-2015 ilħaqna iċ-ċifra ta’ 46,233 ruħ. Ċertament rata ta’ tkabbir fenomenali li mhux qed tkun biss fix-xhur tas-sajf imma tul is-sena kollha. Fil-fatt, meta tqabbel l-ammont ta’ 20,086 viżitatur mill-Polonja illi ġew fl-2012 ma l-2015, l-ammont iktar milli rdoppja. Tabella bil-figuri qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fl-2016, għall-ewwel darba, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu nhediet kampanji ta’ reklamar fil-bliet Pollakki ta’ Varsavja, Poznan, Gdansk, Krakovja u Wroclaw u r-riżultati minn dan il-pajjiż komplew jitjiebu. Fil-fatt, skont l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena ġew pajjiżna 45,898 turist. Dan ifisser li kważi diġa’ lħaqna n-numru totali ta’ Pollakki li żaruna fl-2015 u żieda ta’ 46.5% jew 14,575 turist meta wieħed iqabbel mal-ewwel tmien xhur tas-sena li għaddiet.
Dan il-Gvern qed jippjana sabiex fl-2017, nżidu l-attivita’ tagħna ta’
marketing
u nifirxu l-attivita’ f’niċeċ li għadna m’esplorajniex f’dan is-suq, bħat-turiżmu reliġjuż u tal-konferenzi, kif ukoll nespandu f’reġjuni oħra viċin l-ajruporti li minnhom għandna titjiriet diretti lejn pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati nkisbu mis-suq Ġermaniż fl-ewwel sitt xhur tal-2016? Xi pjanijiet għandha l-Awtorità għal dan is-suq?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħala Ministeru u bħala Awtorita tat-Turi¿mu, nemmnu li s-suq Ġermaniz jista’ jtina iktar milli tagħna f’dawn l-aħħar għaxar snin, fejn għajr għal eċċezzjoni ta’ sena jew tnejn, in-numru ta’ turisti minn dan il-pajjiż varja fir-regjun ta’ 130,000/140,000 turist fis-sena. Ħdimna u se nkomplu naħdmu sabiex intejbu l-konnettivita’ minn dan il-pajjiż u varajna u se nkomplu nvaraw inizjattivi ġodda ta’ marketing fl-ibliet u reġjuni li minnhom għandna titjiriet diretti.
Fis-Sajf li għadda, kellna lil Ryanair li beda titjiriet ġodda minn Baden Baden, Berlin, Kolonja u Dusselforf Weeze u Air Malta li ¿iedet il-frekwenzi minn Berlin.
Fl-iskeda tax-xitwa li tibda f’Novembru, se jkollna titjiriet ġodda minn Ryanair fuq Nuremberg filwaqt li se jkomplu t-titjiriet minn Baden Baden, Berlin u Kolonja. Lufthansa se jkunu qegħdin iżidu t-titjiriet minn Frankfurt u Munich filwaqt li Air Malta se żżid t-titjiriet minn Munich ukoll.
Għas-Sajf 2017, se jkollna l-linja ta’ l-ajru Condor li se tibda ttir lejn Malta minn Hamburg filwaqt li Transavia se tibda titjiriet lejn pajjiżna minn Munich.
Ir-riżultati miksuba fis-suq Ġermaniż fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena huma pożittivi fejn meta mqabblin ma’ l-istess perjodu s-sena l-oħra qegħdin naraw żieda ta’ 7,424 turist jew tkabbir ta’ 8.2%.
Għal dan is-suq, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għandha ppjanat programm fejn ser tkompli tkabbar l’attivitajiet ta’ PR u Marketing, kif ukoll is-sapport għal
tour operators
għas-sena d-dieħla.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-overseas productions iffilmjati f’Malta u f’Għawdex fl-2015? Jista’ jgħid liema kienu u x’kienet in-natura tagħhom? Jista’ jgħid kemm huwa kkalkolat li kien il-kontribut finanzjarju li ħallew dawn il-produzzjonijiet b’mod totali fl-ekonomija lokali sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm inħolqu impjiegi riżultat ta’ dawn il-produzzjonijiet sena b’sena b’mod separat?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, matul is-sena li għaddiet, kien hemm element qawwi ta’ diversifikazzjoni fl-industrija tal-Films. Minbarra films li ġew attirati, numru kbir ta’ sensiliet għat-televizjoni internazzjonali u produzzjonijiet ta’ reklami għal ditti rinomati nefqu miljuni ta’ ewro f’pajjiżna. Din l-industrija kompliet tagħti kontribuzzjoni importanti lill-ekonomija ta' Malta.
Fost xogħol ieħor, il-Kummissjoni tal-Films wettqet kampanja estensiva ta’
marketing
madwar id-dinja u qed tesplora wkoll swieq ġodda fosthom dak tal-Asia. Din l-industrija qed taqdi wkoll rwol importanti f’dak li hu reklamar ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika.
Is-sena 2015, kienet sena rekord fin-numru ta’ produzzjonijiet barranin li ffilmjaw f’Malta. Fil fatt, in-numru ta’ produzzjonijiet jammonta għal 16-il wieħed.
Is-sena 2015 kienet ukoll rekord assolut fl-ammont ta’ flus iġġenerati mill-industrija tal-films. L-attivita’ ekonomika diretta u indiretta tal-industrija tal-films laħqet figura ta’ madwar mitt miljun Ewro. Meta kkumparat mal-2012 u l-2013, l-ammont iġġenerat kien ta’ ftit aktar minn sittax-il miljun u ta’ kwazi erba’ miljuni u nofs, rispettivament.
Fir-rigward tan-numru ta’ impjiegi li nħolqu, l-impjiegi diretti jammonta għal madwar 2,000 bħala
crew
u madwar 2,500 persuna li ħadmu bħala
extras
u atturi. Fir-rigward ta’ impjiegi indiretti, dawn il-produzzjonijiet jiġġeneraw eluf ta’ impjiegi illi huwa diffiċli ħafna jiġu kkwantifikati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-local productions li bbenefikaw mill-Malta Film Fund fl-2015? Jista’ jgħid liema kienu u x’kienet in-natura tagħhom? Jista’ jgħid kemm kienu l-fondi allokati lil dawn il-produzzjonijiet b’mod totali fl-2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fit-talent lokali u qed jaħdem sabiex jinħolqu iktar opportunitajiet ta’ sehem u ta’ xogħol fl-industrija tal-films indiġena.
F’konformita’ mal-politika nazzjonali tal-Film – li hija l-ewwel tax-xorta tagħha f’pajjiżna, il-Gvern huwa determinat li jkompli jgħin u jinvesti f’dan is-settur f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Permezz tal-Malta Film Fund qed jirnexxielna noħolqu dawn l-opportunitajiet għal film makers lokali. Għall-ewwel darba mit-twaqqif ta’ dan il-fond, se jiżdied il-budget allokat sabiex ikunu jistgħu jingħataw aktar
grants
lil produzzjonijiet lokali.
Fl-2015, ingħataw €243,400 lil għaxar proġetti differenti. Skond il-prattiċi ta’ trasperenza li bihom timxi l-Kummisjoni tal-Films, kull sena, dettalji tal-Film Fund qed jiġu ppublikati fuq il-Website tal-Kummissjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex il-Gvern jiġġieled il-problema tal-faqar li wiret min-nuqqas ta’ inizjattivi tal-Gvern preċedenti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, konxji tal-fatt li l-problema tal-faqar f’pajjiżna m’hijiex perċezzjoni iżda realta’, il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli ħadem u għadu qiegħed jaħdem fuq diversi proġetti, strateġiċi, skemi, programmi u miżuri li permezz tagħhom qegħdin u ser inkomplu ngħinu lil dawk il-familji li qegħdin jgħixu fil-faqar; ewlenin fosthom iżda mhux biss:
Għajnuna lill-Familji:
- Benefiċċju tal-inwork lill-koppji miżżewġa, anke jekk wieħed mill-konjugi biss jaħdem, kif ukoll lis-single parents li għandhom tfal sa 23 sena, liema benefiċċji se jkomplu jiżdiedu s-sena d-dieħla u mħallsa lill-benefiċjarji ġodda minħabba li twessa’ il-capping;
- Riforma fl-Għajnuna Supplimentari li se tagħti żidiet lill-ħaddiema miżżewġin sa massimu ta’ €4.41 fil-ġimgħa lil dawk bi dħul anqas minn €13,000 fis-sena, u żidiet lill-ħaddiema single sa massimu ta’ €2.43 fil-ġimgħa lil dawk bi dħul taħt id-€9,012 fis-sena;
- B’dawn iż-żewġ miżuri li semmejt issa se nassiguraw li kull min jaħdem u qiegħed bil-paga minima se jieħu żieda ta’ mill-anqas €4 netti fil-ġimgħa, liema żieda tikber skont in-numru ta’ tfal fil-familja;
- Persuni bil-paga minima ma baqgħux iħallsu taxxa;
- Roħs fit-taxxa wkoll lil dawk bi dħul ogħla mill-paga minima u li ma bbenefikawx mir-rohs tat-taxxa minn 35% għal 25%;
- Sistema ta’ tapering fuq il-benefiċċji soċjali sabiex ninċentivaw lil dawk li mhux f’impjieg, inkluż lil ġenituri single li jirċievu l-għajnuna soċjali, sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol;
- Ma baqax jittieħed inkonsiderazzjoni d-dħul mill-impjieg tal-ulied, inkluż minn impjieg, meta familja tibbenefika mill-għajnuna soċjali;
- Il-leave tal-maternita’ estiż b’ġimgħatejn għal total ta’ 18-il ġimgħa kif ukoll l-għoti tal-leave tal-maternita għal dawk l-ommijiet li jaddottaw. Ukoll żieda fir-rata tal-benefiċċju tal-maternita’, ekwivalenti għall-paga minima nazzjonali; liema benefiċċju ser ikun qiegħed jingħata wkoll lill-ommijiet li jaħdmu għal rashom għall-ewwel 14-il ġimgħa tal-leave tal-maternita’ tagħhom;
- Il-proġett ta’ €50 miljun li permezz tiegħu ser inkunu qegħdin ninvestu f’binjiet ġodda għas-Social Housing f’pajjiżna;
- Ir-reviżjoni fis-sussidju tal-kera mħabbra f’dan il-baġit – liema sussidju massimu ser jiżdied minn €1,000 għal €2,000 fis-sena, dejjem skont kemm hemm membri fil-familja u wkoll skont id-dħul tal-familja, u barra minn hekk se jitwessa wkoll il-capping tat-test tal-mezzi biex jibbenefikaw aktar nies;
- Proġett pilota, imħabbar f’dan il-baġit li ser ikun qiegħed jagħti serħan il-moħħ lil familji bi dħul baxx filwaqt li jorbot lil sid il-kera b’kuntratt ta’ 7 snin imma wkoll jagħti l-vantaġġ lil dan tal-aħħar li ser ikun qiegħed jibbenifika minn rata baxxa ta’ taxxa;
- Iż-żidiet b’rabta mal-kirijiet baxxi li mhux ħa jibqgħu ikunu applikabbli għal residenzi tal-Gvern jew tal-Awtorita’ tad-Djar. Iż-żidiet fil-kera li kienu affetwati fl-2013 u fl-2016 b’mod rispettiv, lil dawn l-inkwilini, ser ikunu mreġġa’ lura u mogħtija lura lill-individwi milquta;
- Il-proġett LEAP li l-iskop tiegħu huwa li permezz ta’ sħubija bejn l-Istat, numru ta’ NGO’s u għaqdiet oħrajn, inkunu f’qagħda li nidentifikaw każijiet li lanqas jirrikorru għall-għajnuna.
- Tibdil fil-kalkolu tat-test tal-mezzi fl-Assistenza Medika, fejn l-ammont ta’ manteniment mgħoddi mill-applikant lill-ex-konjuġi tiegħu/tagħha beda jitneħħa meta jsir it-test tal-mezzi.
- Miżura ta’ każijiet ta’ żagħżagħ li b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 beda jkollhom l-obbligu li jipparteċipaw fil-
Youth Guarantee
.
- S
ingle parents
taħt it-23 sena li jkollhom it-tfal li laħqu l-età ta’ sena beda jkollhom l-obbligu illi jipparteċipaw fil-
Youth Guarantee
sabiex l-opportunitajiet tagħhom
vis-as-vis
id-dinja tax-xogħol jiżdiedu.
Għajnuna lill-anzjani u pensjonanti (inkluż tal-futur):
- Żidiet lill-pensjonanti single jew romol fuq pensjoni minima li din is-sena raw il-pensjoni tagħhom inkluż il-bonus għall-ogħli tal-ħajja titla’ għal €7,280 fis-sena jew €140 fil-ġimgħa. Dawk il-pensjonanti li ma kellhomx il-bolol kollha mħallsa u li kienu fuq pensjoni minima, il-pensjoni tagħhom żdiedet pro-rata;
- Fl-istess waqt pensjonanti fuq pensjoni minima mħallsa bir-rata ta’ miżżewweġ se tkun żdiedet €514.80 fis-sena jew €9.90 fil-ġimgħa bejn dis-sena u s-sena d-dieħla;
- Żieda ta’ €4 fil-ġimgħa (€208 fis-sena) minbarra ż-żieda tal-għoli tal-ħajja, li minbarra li se tkun qed tingħata lill-pensjonanti u anzjani miżżewġin b’pensjoni minima, se tingħata wkoll lill-pensjonanti miżżewġin tal-eta’ non-kontributorja;
- Ir-riforma li semmejt fl-Għajnuna Supplimentari li se tagħti żidiet fil-ġimgħa lill-pensjonanti u anzjani miżżewġin bi dħul taħt it-€13,000 li jistgħu jitilgħu sa’ €4.41 fil-ġimgħa u dan minbarra ż-żidiet fil-pensjoni;
- Emenda fil-liġi sabiex l-irġiel u n-nisa ma jibqgħux ikunu diskriminati minħabba l-ġeneru, li wasslet biex in-nisa u l-irġiel bdew jitħallsu l-istess rata ta’ pensjoni fejn applikabbli;
- Bonus annwali lil dawk il-persuni li ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet sabiex ikunu intitolati għall-pensjoni f’isimhom. Min ħadem bejn sena u ħames snin jirċievi bonus ta’ €100, filwaqt li dawk li ħadmu aktar minn ħames snin huma intitolati għal bonus ta’ €200. Dan il-bonus ser ikun qiegħed jiżdied b’€50 fis-sena 2017, sabiex fiż-żewġ każijiet l-individwi intitolati jibdew jirċievu bonus ta’ €150 jew €250 fis-sena skont il-każ;
- Ġew irduppjati l-krediti tal-kontribuzzjonijiet lill-ġenituri li twieldu mill-1952 ‘il quddiem għaż-żmien li għamlu wieqfa mix-xogħol biex irabbu l-ulied;
- Krediti ta’ kontribuzzjonijiet lill-ġenituri single meta jidħlu f’kors vokazzjonali jew f’kors f’edukazzjoni terzjarja skont il-livell ta’ studju;
- Top-Up fil-pensjoni lil dawk li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu wara l-eta’ tal-pensjoni u ma jieħdux pensjoni matul dan il-perijodu li jvarja bejn 5% u 23% tal-ewwel pensjoni mħallsa skont kemm-il sena tkun posposta l-pensjoni;
- Tneħħija tat-taxxa fuq dħul mill-pensjoni sa massimu ta’ €13,000 sal-2018;
- L-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat għall-fini tal-ħdim tal-pensjoni tas-sigurta’ soċjali żdied b’€1,000 f’din il-leġislatura u huwa iggarantit li jibqa’ jiżdied b’€200 oħra fis-sena fil-futur;
- Pensjoni sħiħa minflok pensjoni mnaqqsa lir-romol li jkunu ħadmu u allura jkollhom dritt għall-pensjoni tagħhom;
- Miżura ġdida li biha studenti full time li għadhom ma għalqux l-24 sena u li jagħmlu xi xogħol self-employed, jistgħu jħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurta’ soċjali pro-rata, b’rata ta’ 15% tad-dħul nett tagħhom;
- Sosten lill-anzjani tagħna u l-qraba tagħhom kif ħabbarna, permezz ta’ żieda sostanzjali fil-Pensjoni tal-Wens u fl-Allowance tal-Carer, sabiex l-anzjani jiqgħu jgħixu fi djarhom u nagħtu sens ta’ aktar dinjita’ lill-anzjani tagħna;
- L-għotja annwali ta’ €300 lill-anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunita’ li mhux biss bdiet tingħata lil min jagħlaq 75 sena imma baqgħet u se tibqa tingħata kull sena;
- Twessa’ l-capping tat-test tal-mezzi sabiex persuna titqies eleġibbli għall-karta r-Roża;
- L-iSkema Carer at Home li permezz tagħha qed jiġu mgħejjuna, permezz ta’ sussidju, dawk l-anzjani, li jgħixu f’darhom sabiex ikunu jistgħu jimpjegaw carer magħhom
- Tneħħliet anomalija fil-mod ta’ kif jiġu riveduti
il-pensjonijiet ta’ dawk il-pensjonanti – fosthom ħaddiem tat-tarznari – fejn il-kumpanija li rtiraw minn magħha għalqet u għalhekk ma għadhiex tiffunzjona, sabiex meta ssir ir-reviżjoni
annwali jiġu mqabbla mal-istruttura tas-salarji tal-ħaddiema tal-Gvern fis-sena li fiha tkun għalqet il-kumpanija.
- Persuni li laħqu l-età ta’ 59 sena u għadhom ma laħqux l-età ta’ 65 sena u fl-istess waqt ikunu qegħdin f’impjieg jew jagħmlu xogħol għal rashom jistgħu issa jħallsu sa massimu ta’ ħames snin kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali b’lura sabiex itejbu l-pensjoni kontributorja tagħhom jew ikunu eliġibbli għal pensjoni kontributorja.
Għajuna lill-Persuni B’Diżabilita’:
- Pensjoni tad-diżabilita’ ogħla lil dawk il-persuni li d-diżabilita’ tagħhom tant hi severa li timpedihom milli jkunu f’impjieg. Lil dawn il-persuni li se jkunu qed jirċievu l-ogħla livell ta’ pensjoni, il-pensjoni tad-diżabilita’ ser tkun qegħda togħla fuq perjodu ta’ 3 snin sa ma tlaħħaq ir-rata tal-paga minima netta. Il-pensjoni tad-diżabilita’ kif inhi llum se tkun fit-tieni livell u ser tibqa’ titħallas bħal lum anke lil min ikun f’impjieg kif tħabbar fil-Baġit tal-2015. Madanakollu, kif kien imħabbar fl-aħħar baġit, l-amputees issa ser ikunu wkoll intitolati għat-tielet livell tal-pensjoni tad-diżabilita’;
- Pensjoni lill-persuni b’diżabilita’ li tkun ekwivalenti għal pensjoni tal-irtirar non-kontributorja malli jagħlqu l-eta’ tal-pensjoni;
- Żieda fl-Allowance għal Tfal b’Diżabilita’ ta’ kważi €5 fil-ġimgħa;
- Inċentivi fiskali lil min jimpjega persuni b’diżabilita’ u wkoll multi lil min ma jimpjegax persuni b’diżabilita’ fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Dan kollu qed nagħmluh sabiex il-persuni b’diżabilita’ noffrulhom l-opportunitajiet li jixirqilhom.
Minbarra l-miżuri msemmija aktar ‘l fuq kien hemm ukoll il-miżura ewlenija tar-roħs tat-tariffi tad-dawl u l-ilma għall-familji u n-negozji li tefgħu fil-bwiet tan-nies €80 miljun fis-sena. Dan minbarra numru ta’ miżuri oħra fil-qasam edukattiv u fil-qasam tas-saħħa li wkoll jgħinu persuni f’risjku ta’ faqar.
Il-ħidma ser tkompli sabiex nassiguraw li ntejbu l-ħajja tal-familji kollha Maltin u Għawdxin u nkomplu nnaqqsu l-faqar f’pajjiżna u eventwalment noffru d-dinjita’ li tixirqilhom lil dawk il-familji l-aktar fil-bżonn.
Proġetti biex titjib jew tittaffa l-qagħda ta’ dawk l-aktar fil-bżonn
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti saru jew huma fil-ħsieb li jsiru sabiex titjib jew tittaffa l-qagħda ta’ dawk l-aktar fil-bżonn, l-aktar meta jiġu temporanjament mingħajr saqaf fejn jorqdu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetá Soċjali qed jaħdem bis-sħiħ biex jindirizza l-bżonnijiet ta’ persuni ġejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli. B’żieda mat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 27102, minbarra programmi indirizzati lejn ġenerazzjonijiet u problemi soċjali differenti li l-klijenti tal-Aġenzija Appoġġ u Sedqa jiffrekwentaw, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, toffri l-għajnuna tagħha wkoll f’każijiet meta jkun hemm persuni li jispiċċaw temporanjament mingħajr saqaf fejn jorqdu, billi tirreferi l-każ lil entitajiet governattivi oħra u/jew għaqdiet Non-Governattivi li jipprovdu shelter. Dan huwa possibli bis-saħħa ta’ ftehim kuntrattwali li l-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli għandu ma’ numru ta’ għaqdiet u komunitajiet.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar tirreferi l-każijiet ta’ persuni li jispiċċaw temporanjament bla saqaf fuq rashom lill-istituzzjonijiet li joffru “Temporary Sheltering”. Madankollu, l-Awtorita’ tad-Djar, fil-preżent, xorta qed tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji billi tara l-fatti u tittieħed azzjoni fiċ-ċirkostanzi tal-każ billi timxi fuq case by case basis.
Barra minn hekk, infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi, matul is-sena d-dieħla, l-Awtorita’ tad-Djar ser tkun qegħda tibni l-ewwel units bħala parti mill-proġett kbir ta’ €50 miljun, li fuq medda ta’ tliet snin se jkun qed jirriżulta f’numru konsiderevoli ta’ units disponibbli għall-akkomodazzjoni soċjali, inkluż każijiet imsemmija f’din il-mistoqsija.
Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Pajjiżi Żgħar imwaqqaf mill-Commonwealth
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex f’Malta jinfetaħ Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Pajjiżi Żgħar imwaqqaf mill-Commonwealth?
Response (VELLA, GEORGE)
Fil-qosor, it-tħejjijiet li qed isiru biex jinfetaħ iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għal Pajjiżi Żgħar imwaqqaf mill-Commonwealth huma:
· Numru ta’ laqgħat li kelli mas-Segretarju Ġenerali Baroness Scotland dwar il-Ftehim;
· L-iffirmar tal-Ftehim fi New York fit-22 ta’ Settembru;
· Il-Gvern Malti se jagħmel kontribuzzjoni ta’ €100,000 liċ-Ċentru fl-ewwel sena tal-operat tiegħu;
· Il-Commonwealth mistenni jikkontribwixxi mhux inqas minn £100,000 kull sena għall-ewwel tliet snin;
· Se nipprovdu żewġ uffiċċjali;
· Se nipprovdu propjeta’ minn fejn iċ-Ċentru jkun jista’ jopera – kien identifikat il-post bħalissa okkupat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta;
· Il
-Commonwealth
se jiffinanzja s-servizzi ta’ konsulent tekniku għal sitt xhur biex jgħin fl-ewwel stadji tal-operat taċ-Ċentru. Il-konsulent se jintgħażel dalwaqt.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iktar iddettaljat ta’ dawn it-tħejjijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex titwaqqaf it-Trade Financing Facility imħabbra waqt iċ-CHOGM li sar f’Malta f’Novembru li għadda?
Response (VELLA, GEORGE)
Fil-qosor, it-tħejjijiet li qed isiru biex titwaqqaf it-Trade Financing Facility imħabbra waqt iċ-CHOGM li sar f’Malta s-sena l-oħra huma:
· Meta waqt iċ-ĊHOGM li sar fi Sri Lanka fl-2013 intweriet ix-xewqa li titwaqqaf
Small States Trade Finance Facility
, il-Gvern Malti wiegħed appoġġ loġistiku u finanzjarju u offra li jospitaha f’Malta;
· Is-Segretarjat tal-
Commonwealth
waqqaf Grupp ta’ Ħidma f’Ġunju 2014 biex jeżamina din l-inizjattiva kienitx viabbli u jagħmel rakkomandazzjonijiet fuq l-istruttura legali u organizzattiva;
· Waqt iċ-CHOGM ta’ Malta, il-
Commonwealth
ikkunsidra s-sottomissjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma u ddeċieda li l-proġett kien viabbli;
· Il-Facilita’ tniediet uffiċċjalment fis-26 ta’ Novembru 2015 mill-Prim Ministru u s-Segretarju Ġenerali tal-
Commonwealth
;
· F’Settembru 2016 il-Grupp ta’ Ħidma ikkonkluda t-
term sheets
(tip ta’ ftehim preliminari) ta’ żewġ
Facility Managers
;
· Fis-7 ta’ Ottubru 2016 kien iffirmat
Memorandum of Understanding
bejn is-Segretarjat tal-
Commonwealth
u żewġ banek biex jieħdu sehem f’dan il-proġett;
· Għaddejjin konsultazzjonijiet estensivi bejn il-Grupp ta’ Ħidma, il-MIMCOL u l-MGI biex Malta tkun l-Amministratur tal-Faċilita’;
· Qed issir preparazzjoni ta’ dokumentazzjoni legali li għandha x’taqsam mat-twaqqif tal-Faċilita’ u arranġamenti oħra relatati.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iktar iddettaljat ta’ dawn it-tħejjijiet.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24469, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba kellu l-Ministeru għall-assistenza konsolari bejn April u Ġunju ta’ din is-sena?
Response (VELLA, GEORGE)
Bejn April u Ġunju 2016 kien hemm 21 każ konsolari li fihom il-Ministeru ntalab jew ta l-għajnuna tiegħu.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Joint Stakeholder Working Council
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21878 dwar il-ħidma tal-Joint Stakeholders Working Council, jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x’ħidma saret minn dan il-kunsill bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena?
Response (VELLA, GEORGE)
Il-ħidma prinċipali tal-Joint Stakeholders Working Council bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena kienet din:
· Numru ta’ Ambaxxaturi indirizzaw il-Kunsill;
· Saru preparamenti għal żjarat ta’ delegazzjonijiet kummerċjali barra minn Malta;
· Parteċipazzjoni ta’ delegazzjoni fl-
OSCE Business Connectivity Conference
f’Mejju;
· Żjara f’Malta minn delegazzjoni kummerċjali mill-Alġerija f’Mejju;
· Monitoraġġ tal-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea u internazzjonali;
· Preżentazzjoni dwar il-kunċett tal-Finanza Islamika.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iktar iddettaljat ta’ din il-ħidma.
International Centre for Migration Policy Development
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi rwol kellu l-Ministeru tiegħu biex f’Malta nfetaħ l-uffiċċju tal-International Centre for Migration Policy Development?
Response (VELLA, GEORGE)
L-International Centre for Migration Policy Development (ICMPD) hija organizzazzjoni intergovernattiva li tinkludi 15-il Stat Membru mil-Ewropa u li tagħmel xogħol siewi ħafna fil-qasam tal-migrazzjoni . L-Unjoni Ewropeja taħdem mill-qrib mal-ICMPD, speċjalment fil-kuntest tal-Proċessi ta’ Rabat u Khartoum.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kellu rwol importanti ħafna sabiex jitwaqqaf f’Malta l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni Reġjonali fil-Mediterranean ta’ din l-Organizzazzjoni.
Hekk kif sirt naf l-ICMPD kien qed jikkunsidra li jwaqqaf uffiċċju regjonali f’pajjiz Mediterrean minħabba r-rotta Mediterranja tal-migrazzjoni, tajt struzzjonijiet biex isir kull tentattiv possibli sabiex dan l-uffiċċju reġjonali jitwaqqaf f’pajjiżna.
Jien kelli laqgħat mad-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru l-E.T. Michael Spindelegger, fejn spjegajtlu l-benefiċċju li uffiċċju bħal dan jitwaqqaf f’pajjiżna. Spjegajtlu wkoll kif pajjiżna, kompla jieħu prominenza f’dak li jikkonċerna l-migrazzjoni bħala riżultat tal-Valletta Summit.
Wara numru ta’ diskussjonijiet kif ukoll laqgħat li saru f’livelli differenti, id-Direttur Ġenerali assigurani li jekk kellu jinfetaħ uffiċċju fil-Mediterran, ma kienx hemm pożizzjoni aħjar minn Malta għax l-uffiċċju seta’ jgawdi mill-kuntatti li pajjiżna diġa kellu ma’ pajjiżi tal-Afrika speċjalment tan-naħa ta’ fuq ta’ dan il-kontinent.
Għaldaqstant bdejna in-negozjati fuq is-
Seat Country Agreement.
Għalkemm in-negozjati kienu intensivi ħafna, iż-żewġ naħat ridna nikkonkluduhom kemm jista’ jkun malajr peress li ridna li Malta tiggwadanja mill-preżenza tal-ICMPD f’Malta tul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
L-Uffiċċju se jħaddem għaxar uffiċċjali fl-ewwel stadju biex imbagħad eventwalment ikompli jikber hekk kif iżid ix-xogħol tiegħu.
In-negozjati dwar il-Ftehim li jirregola ir-rapport bejn Malta u l-ICMPD ġew uffiċċjalment konklużi fl-iffirmar tal-Ftehim fil-25 ta’ Mejju. Fl-istess ġurnata ġie inawgurat iċ-Ċentru f’binja ewelenija fil-Furjana.
Wara dan il-Ftehim, jien kelli l-okkażjoni li nindirizza laqgħa tal-ICMPD fi Vjenna fejn kont
keynote speaker
f’diskussjoni dwar “Il-Migrazzjoni Ewropeja u Politika dwar ir-Refuġjati : It-Triq ‘il Quddiem” ma’ panel li kien jinkludi lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Awstrijak l-E.T. Sebastian Kurz, il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropeja għall-Politika tal-Viċinat u n-Negozjati dwar it-Tkabbir l-E.T. Johannes Hahn, is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta’ u l-Koperazzjoni fl-Ewropa l-E.T. Lamberto Zannier u d-Direttur Ġenerali tal-ICMPD l-E.T. Michael Spindelegger.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Third Country Nationals fl-Open Centre tal-Marsa u jaqsam l-informazzjoni skont kemm minnhom huma rġiel, nisa u tfal taħt is-16-il sena?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi fl-Open Centre tal-Marsa hemm 116 il-resident u huma kollha rġiel.
Marsa Open Centre – xogħol kapitali u ta’ manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’xogħol kapitali u ta’ manutenzjoni fl-Open Centre tal-Marsa fl-2013, 2014, 2015 u fl-2016 s’issa u jagħti l-informazzjoni sena b’sena?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta — polza ta’ assigurazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk uffiċjali professjonali tal-Forzi Armati ta’ Malta humiex koperti minn polza tal-assigurazzjoni għal claims għal danni li jistgħu jiffaċċjaw jekk jagħtu għajnuna lill-persuni barra l-ħin tax-xogħol tagħhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat illi s-sitwazzjoni għadha kif kienet fi żmien amministrazzjoni preċedenti.
Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili — polza ta’ assigurazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili humiex koperti minn polza tal-assigurazzjoni għall-claims għal danni li jistgħu jiffaċċjaw jekk jagħtu għajnuna lill-persuni barra l-ħin tax-xogħol tagħhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat illi s-sitwazzjoni għadha kif kienet fi żmien amministrazzjoni preċedenti.