Promozzjonijiet fil-grad ta’ Principal mas-Servizz Pubbliku
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta ħarġet l-aħħar sejħa għall-promozzjonijiet fil-grad ta’ Principal mas-Servizz Pubbliku? Meta saru l-eżamijiet għal dan il-grad? Kemm hi l-pass mark għal dan l-eżami?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li:
(i) l-aħħar sejħa t’applikazzjonijiet għall-Uffiċjal Prinċipali fis-Servizz Pubbliku ħarġet fit-8 ta’ Lulju 2016;
(ii) l-eżamijiet fl-abbiltà ġenerali saru bejn it-12 ta’ Settembru 2016 u l-20 ta’ Settembru 2016;
(iii) il-pass mark kienet 60%
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex isir ix-xogħol meħtieġ fuq il-Mina tal-Mistra, li għandha ammont ta' ħsarat, u li tista' twassal biex l-istess Mina taqa', b'konsegwenza li t-traffiku lanqas biss ikun jista' jgħaddi għal u mill-Mellieħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 25905.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28542 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’inhu l-iskop wara d-data cleaning regulation (konċernanti files tal-AFM) li ħarġet fl-AFM riċenti u jistax iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull regolament jew linja gwida approvata jew imqiegħda fis-seħħ fl-AFM għal dan l-iskop?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 28542, ninsab infurmat illi r-regulation li għaliha qed jirreferi hija r-Retention of Documentation Policy li riċentament ġiet ippubblikata fl-AFM. L-iskop ta’ din il-Policy huwa li ċertu dokumenti ma jinżammux iktar milli huwa neċessarju, skont l-Att tal-Protezzjoni tad-Data. Din il-Policy saret u ġiet approvata in kollaborazzjoni mal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data u anke` tal-Arkivista Nazzjonali.
Kopja ta’ din il-Policy qiegħda tiġi mpoġġija fuq il-mejda tal-Kamra.
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni — Sid ta’ pompa ta’ petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel
Question
B’referenza għall-każ tas-sid ta’ pompa ta’ petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel, peress li l-ebda mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 28522 u 28521 ma jwieġbu għall-mistoqsija li għamilt u ċjoè dwar jekk min għamel it-talba biex tinħareġ interim measure ġiex infurmat bid-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) dwar jekk din it-talba ġietx milqugħa jew le, allura tista’ l-Ministru tgħid jekk min għamel it-talba ġiex infurmat mid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) li t-talba tiegħu biex tinħareġ interim measure ntlaqetx jew le? Jekk ma ġiex infurmat tista’ l-Ministru tispjega għalfejn dan ma sarx u għalfejn it-talba ma ġietx milqugħa?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata illi miżuri interim jistgħu jiġu ordnati biss mid-Direttur Ġenerali fuq inizjattiva tiegħu stess u dan ai termini tal-artikolu 15 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni. Minkejja li l-Ufiċċju għall-Kompetizzjoni jista’ jkollu talba ta’ min għamel l-ilmentjew organizzazzjoni għal ħruġ ta’ miżura interim fil-każ ta dan l-aħħar id-Direttur Ġenerali mhux obbligat joħrog deċiżjoni. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni li ħareġ u ppublika l-Uffiċċju, ma kien hemm l-ebda ħruġ ta' miżura interim. Rigward l-aħħar mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall- Mistoqsija Parlamentari 28521. Għaldaqstant it-tweġiba tingħata biss wara illi l-kawżi jinstemgħu quddiem il-Qrati u s-sentenzi jsiru finali.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28698, jista' l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' anzjani li kienu jattendu ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta' Tas-Sliema kull sena bejn l-2005 sal-lum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, b’żieda għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari 28698, in-numru ta’ anzjani jattendu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Tas-Sliema mill-2005 sal-lum huwa kif ġej:
Sena
Numru ta’ Residenti jattendu Iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Ta’ Sliema
2005
68 resident
2006
68 resident
2007
68 resident
2008
69 resident
2009
67 resident
2010
67 resident
2011
47 resident
2012
58 resident
2013
57 resident
2014
57 resident
2015
43 resident
2016
36 resident
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dan il-Gvern ħass li l-Allowance għall-Carer (CRA) għandha tkun limitata għall-persuni singoli filwaqt li l-Pensjoni tal-Wens se tkun miftuħa għall-persuni singoli kif ukoll għall-persuni miżżewġa?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Increased Carer’s Allowance (ICRA), se tingħata lill-persuni sew singoli kif ukoll miżżewġa li qed jieħdu ħsieb pazjent ta’ dipendenza għolja fl-istess residenza ta’ abitazzjoni, li mhumiex f’impjieg, li huma taħt l-età tal-pensjoni u li mhumiex qed jirċievu diġà xi benefiċċju ieħor mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Fuq kollox, dan il-benefiċċju se jkun qiegħed jingħata mingħajr il-bżonn li jsir it-test tal-mezzi sabiex persuna tikkwalifika għal dan l-Allowance.
Il-benefiċċju
Carer’s Allowance
(CRA) huwa għal persuni li jgħixu ma’ u jieħdu ħsieb pazjenti ta’ dipendenza medja, u huwa
means tested
. Kien minħabba r-raġuni li dan il-benefiċċju se jkun
means tested
li nfetaħ biss għal persuni singoli, ‘l għaliex, kieku ftaħna l-possibilità lill-persuni miżżewġa wkoll biex japplikaw, għal fini ta’ eleġibilità jkun irid jiġi kkunsidrat ukoll id-dħul tal-konjugi, li, f’każ li mhuwiex jaħdem, dan diġà jkun eliġibbli għal benefiċċju bħala kap tal-familja u hija propju għal din ir-raġuni li ma kienx jagħmel sens li kieku nfetaħ għal din il-kategorija, ‘l għaliex b’dan il-mod ħadd ma kien jikkwalifika. Minbarra hekk, tajjeb li jingħad li, l-Għajnuna Soċjali għal koppja miżżewġa jammonta għal aktar minn dan il-benefiċċju.
Awtorità tad-Djar – lista ta’ tariffi u spejjeż imħallsa mill-konsumaturi
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tat-tariffi kollha u l-ispejjeż kollha li l-konsumaturi tal-Awtorità tad-Djar qed jintalbu jħallsu għas-servizzi li tagħti l-Awtorità tad-Djar? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm żieda f'dawn it-tariffi li ntalbu lill-konsumaturi mill-2013 sal-lum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ispejjeż ammininstrattivi sabiex persuna tapplika għal servizz / skema tal-Awtorità qatt ma żdiedu mill-2013 ‘l hawn u għalhekk għadhom l-istess kif kienu taħt il-Gvern preċidenti. F’każ li l-applikanti jkollhom problemi finanzjari, dawn qegħdin jingħataw l-għażla li ma jħallsux l-ispejjeż f’daqqa iżda għandhom l-opportunità li l-ispejjeż jitnaqqsu mill-għotja wara li japplikaw.
Ħal Qormi — Triq l-Imdina - operaturi tal-bejgħ ta' karozzi second hand
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 28602 rigward abbuż ta’ ċertu operaturi tal-bejgħ tal-karozzi second hand fi Triq l-Imdina f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet lil dawn l-istess operaturi u l-valur ta’ dawn iċ-ċitazzjonijiet mis-sena 2012 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu miżuri ġodda permezz tat-tliet baġits ta’ Gvern Laburista, jiġifieri fl-2013, fl-2014 u fl-2015 f’dak li jirrigwardja s-Sigurtà Soċjali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-miżuri ġodda li ddaħħlu permezz tat-tlett bagits ta’ Gvern Laburista fl-2013, 2014 u 2015 huma kif qed jidhru iżjed ’l isfel:
2013
1. Pensjonanti li d-dħul tagħhom ġej biss mill-pensjoni li ma taqbiżx l-ammont tal-Paga Minima Nazzjonali ġew eżentati mill-ħlas ta’ taxxa.
2. Pensjonanti Romol li jaħdmu, bdew jirċievu pensjoni għar-Romol mingħajr tnaqqis irrispettivamnet mid-dħul tagħhom mill-impjiieg jew xogħol għal rashom.
3. L-ammont ta’ pensjoni ta’ Servizz li ma jitteħidx għall-assessjar tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali għal dawk il-pensjonanti li jirċievu wkoll pensjoni ta’ Servizz żdied b’ €200 oħra fis-sena sabiex b’kollox jibda jiġi injorat l-ammont ta’ €1,666.
4. L-Għotja għall-Anzjani li għadhom jgħixu ġewwa djarhom li tammonta għal €300 fis-sena bdiet titħallas minn 75 sena minflok minn 78 sena.
5. Persuni anzjani u persuni b’diżabilità li jimpjegaw magħhom
carer
ġew eżentati mill-ħlas tal-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali.
6. Ir-rata fil-ġimgħa tal-
Allowance
għal Tfal b’diżabilità żdiedet minn €16.31 għal €20.00 fil-ġimgħa.
7. Kreditu tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali lil dawk il-persuni li jissodisfaw il-parametri mediċi tal-Pensjoni għall-Wens jew is-
Social Assistance for Carers
, iżda ma jissodisfawx it-test tal-mezzi.
8. Issaħħaħ il-kalkolu fejn dħul jew proprjetà li tkun tappartjeni lill-persuna li tkun se tibbenefika minn Pensjoni ta’ Diżabilità ġiet injorata anke għall-persuni li jkunu żżewġu qabel Jannar 2007.
2014
1. Daħal fis-seħħ benefiċċju ġdid imsejjaħ
In Work Benefit
applikabbli għal koppja miżżewġa jew li jgħixu flimkien u t-tnejn jaħdmu u għandhom dħul mix-xogħol bejniethom ta’ bejn €l0,000 u €20,400, fejn l-inqas dħul mix-xogħol ta’ wieħed jew waħda mill-konjuġi ma jridx ikun inqas minn €3,000 u, li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħhom jistgħu jiksbu benefiċċju li jvarja minn €190 sa €1,000 fis-sena għal kull wild eliġibbli kif ukoll għal persuna waħedha li taħdem fejn id-dħul mix-xogħol hu ta’ bejn €6,600 u €15,000 u li għandha tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħha tista’ tikseb benefiċċju li jvarja minn €190 sa €1200 fis-sena għal kull wild eliġibbli.
2. Ir-rata tal-benefiċċju tal-
Leave
għal Maternità żdiet u ġie ekwivalenti għal Paga Minima Nazzjonali u b’hekk minn €160 tela’ għal €166.26 fil-ġimgħa.
3. Ir-rata tal-benefiċċju għall-Maternità għal nisa li jaħdmu għal rashom żdiet u ġie ekwivalenti għal Paga Minima Nazzjonali u għalhekk minn €86.77 tela’ għal €166.26 fil-ġimgħa.
4. Tneħħliet anomalija fil-mod ta’ kif jiġu riveduti
il-pensjonijiet ta’ dawk il-pensjonanti – fosthom ħaddiem tat-tarznari – fejn il-kumpanija li rtiraw minn magħha għalqet u għalhekk ma għadhiex tiffunzjona, sabiex meta ssir ir-reviżjoni
annwali jiġu mqabbla mal-istruttura tas-salarji tal-ħaddiema tal-Gvern fis-sena li fiha tkun għalqet il-kumpanija.
5. L-ammont ta’ pensjoni ta’ Servizz li ma jitteħidx għall-assessjar tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali għal dawk il-pensjonanti li jirċievu wkoll pensjoni ta’ Servizz tnaqqas b’ €200 oħra fis-sena sabiex issa jibda jiġi injorat l-ammont ta’ €1,666.
6. Persuni li laħqu l-età ta’ 59 sena u għadhom ma laħqux l-età ta’ 65 sena u fl-istess waqt ikunu qegħdin f’impjieg jew jagħmlu xogħol għal rashom jistgħu issa jħallsu sa massimu ta’ ħames snin kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali b’lura sabiex itejbu l-pensjoni kontributorja tagħhom jew ikunu eliġibbli għal pensjoni kontributorja.
7. Persuni li jilħqu l-età tal-pensjoni u li huma ta’ età bejn it-62 sena u l-74 sena u li ma humiex intitolati għal pensjoni kontributorja bdew jirċievu bonus ta’ €200 fis-sena jekk għandhom kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali imħallsa għal aktar minn ħames snin u €100 fis-sena jekk ħallsu iżjed minn sena iżda inqas minn ħames snin.
8. Tħallas suppliment ta’ €400 fis-sena għal kull wild taħt it-23 sena li għadu jgħix mal-ġenituri tiegħu sakemm tali tfal ikollhom attendenza ta’ aktar minn 95% tal-ġranet tal-iskola.
9. Introdott il-kunċett tat-
Tapering
tal-Benefiċċji Soċjali fejn persuna li tkun fuq il-benefiċċji soċjali għal aktar minn sentejn u bdiet taħdem, il-benefiċċju beda jitnaqqas gradwalment fuq tlett snin minflok ma jinqata’ mill-ewwel. Min iħaddem beda jingħata wkoll 25% tar-rata tal-benefiċċju.
10. Tibdil fil-kalkolu tat-test tal-mezzi fl-Assistenza Medika, fejn l-ammont ta’ manteniment mgħoddi mill-applikant lill-ex-konjuġi tiegħu/tagħha beda jitneħħa meta jsir it-test tal-mezzi.
2015
1. Il-benefiċċju
In Work Benefit
ġie estiż għal koppja miżżewġa jew li jgħixu flimkien fejn jaħdem wieħed/waħda biss fejn id-dħul mix-xogħol hu ta’ bejn €6,600 u €13,000 u li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħhom bdew jiksbu benefiċċju li jvarja minn €52 sa €150 fis-sena għal kull wild eliġibbli.
2. Ir-rata ta’ pensjoni minima nazzjonali żdiedet u ġiet garantita għal €140 fil-ġimgħa u pro-rata għal dawk li għandhom nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali – inkluż il-bonus għall-għoli tal-ħajja filwaqt illi għal dawk il-pensjonanti miżżewġa li ma jibbenefikawx minn dan l-ammont, ħadu żieda totali ta’ €4.15 fil-ġimgħa inkluż il-COLA.
3. Inċentiv għal min jiddeċiedi li jittardja li jieħu l-Pensjoni għall-Irtirar billi jibqa’ fid-dinja tax-xogħol b’tali mod illi dawk li jittardjaw li jieħdu l-pensjoni b’sena jieħdu żieda perċentwali ta’ 5% mar-rata tal-pensjoni dovuta, dawk li jittardjaw b’sentejn bdew jieħdu 10.5%, dawk li jittardjaw bi tlett snin bdew jieħdu 16.5% filwaqt illi dawk li jittardjaw b’erba’ snin bdew jieħdu 23%.
4. Pensjonanti romol li għalkemm ikollhom dritt għal pensjoni kontributorja tal-Irtirar f’isimhom ikunu qegħdin jibbenefikaw minn pensjoni għar-Romol għaliex tkun aktar vantaġġjuża, bdew jirċievu rata ta’ pensjoni għar-Romol ugwali għar-rata ta’ pensjoni kontributorja għall-Irtirar li kellu dritt għaliha l-konjuġi.
5. Ġew akkreditati kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali lil dawk il-persuni li minħabba żmien jistudjaw ikollhom kontribuzzjonijiet nieqsa.
6. Ġew akkreditati kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali lil dawk il-persuni ġenituri li minħabba li kienu qegħdin irabbu l-uliedhom kellhom kontribuzzjonijiet nieqsa. Għalhekk ġenituri li twieldu bejn 1952 u 1961 kellhom dritt sa massimu ta’ sitt snin kontribuzzjonijiet akkreditati fuq l-ewwel tlett ulied anke jekk ma jkunux irritornaw lura fid-dinja tax-xogħol u seta’ jkollhom dritt ukoll għal sena għal kull wild mir-raba’ wild ’il quddiem sakemm ikunu rritornaw fid-dinja tax-xogħol għall-istess numru ta’ snin li jkunu ser jiġu akkreditati għar-raba’ wild ’il quddiem. L-istess kundizzjonijiet huma wkoll applikabbli għal ġenituri li twieldu fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara, iżda dawn għandhom dritt sa massimu ta’ tnax-il sena fuq l-ewwel tlett ulied u sa massimu ta’ sentejn mir-raba’ wild ’il quddiem.
7. L-ammont ta’ pensjoni ta’ Servizz li ma jitteħidx għall-assessjar tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali għal dawk il-pensjonanti li jirċievu wkoll pensjoni ta’ Servizz tnaqqset b’ €200 oħra fis-sena sabiex issa beda jiġi injorat l-ammont ta’ €1,866.
8. Miżura ta’ każijiet ta’ żagħżagħ li b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 beda jkollhom l-obbligu li jipparteċipaw fil-
Youth Guarantee
.
9. Każijiet ta’
single parents
li bbenefikaw mill-iskema tat-Tapering tal-Benefiċċju.
10. Introdott it-
Tapering
tal-Benefiċċju għal min jiżżewweġ jew jingħaqad f’unjoni ċivili ma’ persuna li tkun fid-dinja tax-xogħol.
11. S
ingle parents
taħt it-23 sena li jkollhom it-tfal li laħqu l-età ta’ sena beda jkollhom l-obbligu illi jipparteċipaw fil-
Youth Guarantee
sabiex l-opportunitajiet tagħhom
vis-as-vis
id-dinja tax-xogħol jiżdiedu.
12. Kull persuna li tkun qiegħda f’impjieg bi qligħ jew taħdem għal rasha bi qligħ li jeċċedi l-Paga Minima Nazzjonali ingħatala ikollha dritt għal Pensjoni tad-Diżabilità sħiħa u għalhekk ma beda jseħħ l-ebda tnaqqis mill-imsemmija pensjoni.
13. Ingħatat l-opportunità lil kull persuna benefiċjarja li tirċievi xi tip ta’ benefiċċju mhux kontributorju, sabiex tirrapporta xi irregolaritajiet min-naħa tagħha stess, u l-ħlas lura jkun ta’ 15% minflok is-soltu 100% tal-benefiċċju li ma kienx dovut.
Jista’ l-Ministru jispjega kif persuna tista’ tiġi ntitolata għall-In-Work Benefit? X’tikseb din il-persuna jekk tgħaddi biex tibbenefika minn din il-miżura?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-aħħar tal-2016 persuna tista’ tiġi intitolata għall-In Work Benefit kif ġej:
1. Koppja miżżewġa jew li jgħixu flimkien u t-tnejn jaħdmu u għandhom dħul mix-xogħol bejniethom ta’ bejn €l0,000 u €20,400, fejn l-inqas dħul mix-xogħol ta’ wieħed jew waħda mill-konjuġi ma jridx ikun inqas minn €3,000 u, li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħhom, jistgħu jiksbu benefiċċju li jvarja minn €190 sa €1,000 fis-sena għal kull wild eliġibbli skont id-dħul.
2. Koppja miżżewġa jew li jgħixu flimkien fejn jaħdem wieħed biss fejn id-dħul mix-xogħol hu ta’ bejn €6,600 u €13,000 u li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħhom, jistgħu jiksbu benefiċċju li jvarja minn €52 sa €150 fis-sena għal kull wild eliġibbli skont id-dħul.
3.
Single parent
li taħdem fejn id-dħul mix-xogħol hu ta’ bejn €6,600 u €15,000 u li għandha tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħha tista’ tikseb benefiċċju li jvarja minn €120 sa €1200 fis-sena għal kull wild eliġibbli skont id-dħul.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, kif tħabbar fil-baġit ta’ din is-sena, fl-2017, ir-rati fuq imsemmija żdiedu u t-thresholds imsemmija twessgħu biex aktar familji jibbenefikaw. Għalhekk mill-1 ta’ Jannar 2017 ‘il quddiem, persuna tista’ tiġi intitolata għall-In Work Benefit kif ġej:
1. Koppja miżżewġa jew li jgħixu flimkien u t-tnejn jaħdmu u għandhom dħul mix-xogħol bejniethom ta’ bejn €l0,000 u €24,000, fejn l-inqas dħul mix-xogħol ta’ wieħed jew waħda mill-konjuġi ma jridx ikun inqas minn €3,000 u, li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħhom, jistgħu jiksbu benefiċċju li jvarja minn €100 sa €1,200 fis-sena għal kull wild eliġibbli skont id-dħul.
2. Koppja miżżewġa jew li jgħixu flimkien fejn jaħdem wieħed biss fejn id-dħul mix-xogħol hu ta’ bejn €6,600 u €16,500 u li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħhom, jistgħu jiksbu benefiċċju li jvarja minn €52 sa €350 fis-sena għal kull wild eliġibbli skont id-dħul.
3.
Single parent
li taħdem fejn id-dħul mix-xogħol hu ta’ bejn €6,600 u €16,500 u li għandha tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħha tista’ tikseb benefiċċju li jvarja minn €50 sa €1,330 fuq l-ewwel wild eliġibbli u sa €1250 fis-sena għal kull wild ieħor addizzjonali skont id-dħul.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni gawdew mil-livell Minimu ta’ Pensjoni li issa tela’ għal €140 fil-ġimgħa?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont l-aħħar statistika li għandu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, jirriżulta li 18,360 pensjonanti gawdew mill-miżura li tellgħet il-livell minimu garantit ta’ pensjoni, inkluż il-bonus għall-ogħli tal-ħajja, għal massimu ta’ €140 fil-ġimgħa.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li l-pensjonanti li kienu qed jirċievu l-pensjoni minima u kellhom il-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa, ir-rata tal-pensjoni tagħhom inkluż il-bonus għall-ogħli tal-ħajja telgħet għal €140 fil-ġimgħa, dawk il-pensjonanti li kellhom xi kontribuzzjonijiet nieqsa raw żieda fir-rata tal-pensjoni tagħhom fuq bażi pro-rata.
Persuna lli tissokta taħdem meta tilħaq l-età tal-pensjoni — vantaġġi
Question
Jista’ l-Ministru jispjega x’vantaġġi hemm meta persuna tagħżel li tissokta taħdem meta tilħaq l-età tal-pensjoni, mingħajr ma tieħu l-pensjoni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, min ikun jaħdem fis-settur privat u jiddeċiedi li jittardja li jieħu l-Pensjoni għall-Irtirar billi jibqa’ fid-dinja tax-xogħol, qed jibbenefika minn żieda fil-pensjoni eventwali tiegħu. Dawk li jiddeċiedu li jittardjaw li jieħdu l-pensjoni b’sena qegħdin jieħdu żieda perċentwali ta’ 5% mar-rata tal-pensjoni dovuta, dawk li jittardjaw il-pensjoni b’sentejn jieħdu 10.5%, dawk li ser ikunu qed jittardjaw l-pensjoni tagħhom bi tlett snin jieħdu 16.5% żieda, filwaqt li dawk li ser ikunu qed jittardjaw il-pensjoni tagħhom b’erba’ snin ser ikunu qed jaraw il-pensjoni tagħhom tiżdied bi 23%. L-ammont addizzjonali li jirriżulta meta jibdew jieħdu l-pensjoni jibqgħu jieħduh tul ħajjithom kollha u anke jintiret mir-romol ta’ pensjonanti li jmutu billi jiżdied mal-pensjoni tar-romol.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’diżabilità li ħarġu jaħdmu u allura baqgħu jgawdu l-pensjoni ta’ diżabilità u d-dħul mill-impjieg ġdid tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sa’ Ottubru 2016, in-numru ta’ persuni b’diżabilità li f’impjieg u fl-istess ħin baqgħu jirċievu l-pensjoni tad-diżabilità, jammonta għal 692 persuna.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sehem ħadet, u qed tieħu, Malta fl-Unjoni għall-Mediterran (il-UfM) matul din il-leġislatura?
Response (VELLA, GEORGE)
Is-sehem ta’ Malta fl-Unjoni għall-Mediterran (il-UfM) matul din il-leġislatura kien dan:
· Parteċipazzjoni f’laqgħat Ministerjali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin;
· Parteċipazzjoni f’laqgħat Ministerjali settorali;
· Parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ Uffiċċjali Għolja;
· Parteċipazzjoni fi Gruppi ta’ Ħidma ta’ Esperti Għolja f’oqsma speċifiċi;
· Se ssir laqgħa tal-Uffiċċjali Għolja f’Jannar 2017 u laqgħa Ministerjali f’Mejju 2017 (waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea);
· Se ssir ukoll laqgħa Ministerjali għall-Ministri responsabbli għall-Ilma mill-Istati Membri f’April 2017.
Ta’ min isemmi wkoll li s-Segretarju Ġenerali tal-UfM l-E. T. Fathallah Sijilmassi żar Malta fis-16 ta’ Diċembru 2015, meta ddiskutejna l-interessi Mediterranji, l-irwol tal-UfM u l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iktar iddettaljat ta’ din il-ħidma.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18902, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra xi żviluppi kien hemm minn meta ngħatat it-tweġiba sal-lum fir-relazzjonijiet mar-Russja u xi pjani għandu l-Ministeru tiegħu biex ikompli jsaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fil-qosor, l-iżviluppi li kien hemm fir-relazzjonijiet mar-Russja minn April 2016 u l-pjani tal-Ministeru biex ikompli jsaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet huma dawn:
Il-parteċipazzjoni tal-Prim Ministru fis-St Petersburg International Economic Forum (bejn il-15 u t-18 ta’ Ġunju 2016);
Iż-żjara f’Malta ta’ delegazzjoni kummerċjali Russa bejn it-18 u t-22 ta’ Lulju 2016;
Business forum organizzat mill-Ambaxxata Maltija f’Moska fil-21 ta’ Settembru 2016;
Il-ħidma mill-Ambaxxata biex jinħatru Konsli Onorarji f’numru ta’ reġjuni fir-Russja;
Laqgħa li kelli mal-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu fis-6 ta’ Ottubru 2016 fi Vjenna;
Il-laqgħa li l-Prim Ministru, akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u minni, kellu mal-Prim Ministru Russu f’Moska ġimgħatejn ilu meta kienu ffirmati tliet ftehim ta’ koperazzjoni bilaterali fl-edukazzjoni, it-turiżmu u l-kummerċ, waqt li r-Russja se tippreżenta abbozz ta’ ftehim dwar l-adozzjonijiet;
Matul din iż-żjara sar
Business Forum
;
Il-Prim Ministru stieden lill-Prim Ministru Russu biex iżur Malta.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iktar iddettaljat ta’ din il-ħidma.
Attachments:PQ nr 27579 - Relazzjonijiet mar-Russja.docx
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ scholarships li ngħataw mill-Ministeru tiegħu mill-bidu ta’ din is-sena? Kemm kienu l-persuni li bbenefikaw minn dawn l-ischolarships u x’kienu l-oqsma li fihom ingħataw l-ischolarships?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’Jannar sat-30 ta’ Settembru 2016, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta boroż ta’ studju fl-oqsma li ġejjin:
· student – Il-Kulleġġ ta’ Bruges (MA fl-Istudji fuq Politika u Amministrazzjoni Ewropea);
· student – L-Akkademja għall-Istudji Diplomatiċi tal-Mediterran fl-Università ta’ Malta (Masters fl-Istudji Diplomatiċi)
·
3
studenti – L-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima fl-Università ta’ Malta (Masters fil-Liġi Marittima)
·
7
uffiċjali mis-Servizz Pubbliku ingħataw kors ta’ġimgħa f’Singapore biex ikabbru l-għarfien tagħhom fil-qasam tax-xogħol li jaħdmu fih. Il korsijiet kienu jikkonsistu f’dawn li ġejjin:
- Is-Sistemi ta’riżoluzzjoni ta’ konflitt;
- L-iŻvilupp Sostenibbli u l-Immaniġġjar tal-ambjent;
- Il-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO) u l-implimentazzjoni tagħhom
- L-Amministrazzjoni fis-Servizz Pubbliku u Immaniggjar tal-Finanzi;
- Permessi fit-tkabbir tas-settur privat;
- It-trasformazzjoni tal-Edukazzjoni fis-seklu 21; u
- Strateġiji effettivi fis-servizzi elettroniċi tal-Gvern.
Missjoni ta’ osservanza elettorali – sehem ta’ Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm-il missjoni ta’ osservanza elettorali ħadet sehem Malta minn Jannar 2016 sad-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija? Fejn saru dawn l-elezzjonijiet u kemm-il osservatur kellha Malta f’kull okkażjoni?
Response (VELLA, GEORGE)
Minn Jannar tal-2016 sal-lum Malta ipparteċipat f'sitt missjonijiet ta' osservanza elettorali permezz ta' 13-il osservatur kif spjegat hawn taħt:
Data tal-Elezzjoni
Pajjiż
Numru ta' osservaturi Maltin
10 ta' Jannar
Haiti
3 Osservaturi
short-term
18 ta' Frar
L-Uganda
Osservatur
long-term
, 2
short-term
4 ta' Ġunju
Il-Peru
Osservatur
long-term
11 ta' Awwissu
Iż-Żambja
2 Osservaturi
short-term
27 ta' Awwissu
Il-Gabon
Osservatur
short-term
20 ta' Settembru
Il-Ġordan
Osservatur
long-term
u 2
short-term
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħatru konsli ġodda mill-bidu tas-sena? F’liema reġjuni għandhom ġurisdizzjoni dawn il-konsli?
Response (VELLA, GEORGE)
Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Ottubru 2016 ġew appuntati 8 konsli onorarji. Il-pajjiżi u l-ġurisdizzjoni ta' dawn il-konsli huwa kif ġej :
Belt
Pajjiż
Ġurisdizzjoni
Kampala
Uganda
Fuq it-territorju kollu tal-Uganda
Brisbane,
Queensland
Awstralja
Fuq Bundaberg, Gold Coast, Sunshine Coast u Roma
Monaco
Monaco
Fuq it-territorju kollu ta' Monaco
Tamale
Ghana
Fuq ir-reġjuni ta' Northern, Upper East u Upper West
Nizhny
Novgorod
Russja
Fuq il-Volga Federal District
Marsilja
Franza
Fuq id-dipartimenti ta' Vaucluse, Bouches-du-Rhone, Gard u Lozere
Stuttgart
Ġermanja
Fuq l-istat ta' Baden-Wurttemberg
Perth
Awstralja
Fuq Western Australia