In-Nadur – ħsarat fit-toroq mix-Xagħra u mill-Port tal-Imġarr
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li t-toroq li jwasslu san-Nadur, kemm dawk li ġejjin min-naħa tax-Xagħra kif ukoll dawk li ġejjin min-naħa tal-port tal-Imġarr, fil-fatt isiru mill-ġdid biex jitneħħew il-ħsarat li hemm fihom?
Response (REFALO, ANTON)
Bħalma jaf l-Onorevoli Nterpellant, il-Gvern miexi ma’ programm ta’ rranġar u asfaltar ta’ toroq f’ Għawdex. Sal lum saru madwar 22 kilometru ta’ toroq f’din il-leġislatura, mentri fl-aħħar leġislatura saru ftit aktar minn 2 kilometri. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara għall-liema toroq qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru bediex jieħu l-passi neċessarji biex il-bolla li tkun tħallset mill-persuni li ħadmu bejn l-età ta' 16 u 18-il sena tkun ukoll meqjusa għal skop ta' pensjoni jew ta' drittijiet oħra li joħorġu mil-liġijiet dwar is-sigurtà soċjali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li għadha ma daħlitx fis-seħħ ir-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet fejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa qabel l-età ta’ 18-il sena minn persuni imwielda qabel l-1962 ikunu jgħoddu għall-pensjoni, il-Gvern qiegħed jikkunsidra din ir-rakkomandazzjoni. Tajjeb li ngħid li għalkemm dawn il-kontribuzzjonijiet illum ma jgħoddux għall-pensjoni, huma jgħoddu għal kull benefiċċju kontributorju ieħor.
Heritage Malta – ħaddiema u professjonisti – stedina għall-Cultural Heritage National Forum
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema u l-professjonisti ta' Heritage Malta ġewx mistiedna għall-Cultural Heritage National Forum ta' din is-sena? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm attendew ħaddiema u professjonisti ta' din l-Aġenzija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħal kull sena, dawk l-uffiċjali kollha ta’ Heritage Malta li kienu interessati li jattendu għall-Forum kienu liberi li jagħmlu dan wara li jġibu l-permess tas-superjur tagħhom. Ma nżammitx attendenza ta’ dawk l-impjegati li attendew.
Heritage Malta – użu ta’ servizzi ta’ konsulenza relatati mal-proġetti maġġuri
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għamlitx użu ta' servizzi ta' konsulenza relatati mal-proġetti maġġuri tal-istess Aġenzija, minn Marzu 2013 s'issa? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' dawn l-individwi, in-natura tas-servizzi li taw, in-nefqa abbinata ma' kull servizz u jekk is-servizz inħariġx b'direct order jew b'sejħa pubblika? Jista' jgħid fuq liema kriterji ntgħażllu dawn in-nies?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta ma għamlet użu minn l-ebda servizz ta’ konsulenza sabiex wettqet il-proġetti maġġuri minn Marzu 2013 s'issa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem ta' Heritage Malta bbenifika mill-boroż ta' studju bejn Marzu 2013 u April 2016? Jista' jgħid x'qiegħed isir b'mod attiv sabiex dan in-numru jkompli jikber u iktar ħaddiema jakkwistaw kwalifiċi għolja?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi (minbarra t-taħrip ġenerali pprovdut lil ħafna mill-istaff) kien hemm madwar 70 impjegat ta’ Heritage Malta li bbenefikaw minn għajnuna sabiex itejjbu l-ħiliet u l-kwalifici taghhom. Dawn ivarjaw minn permessi sabiex jattendu għal konferenzi, eżamijiet, study leave, korsijiet eċċ, għal għajnuna finanzjarja sabiex jitħallsu l-miżati tal-istudju, fejn applikabbli. Kull inizjattiva f’dan il-qasam dejjem issir fil-qafas tal-ftehim kollettiv tal-aġenzija.
B'referenza għall-post ta' I.T. Coordinator, li Heritage Malta ħarġet madwar sena ilu, jista' l-Ministru jgħid minn kienu l-membri tal-Bord tal-Għażla u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dikjarazzjonijiet tagħhom (bil-miktub) li ma kien hemm l-ebda konflitt ta' interess bejn xi membri tal-bord u xi kandidati li applikaw għal dan il-post?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-aħħar sejħa għall-IT Coordinator li għamlet Heritage Malta saret fl-2014. Sa dik is-sena l-membri tal-bord tal-għażla ma kienux jintalbu jiffirmaw dikjarazzjoni rigward kunflitt ta’ interess iżda kienu jagħmlu dan bil-fomm biss. Ma kien hemm l-ebda kunflitt ta’ interess. Il-membri tal-bord tal-għażla kienu is-Sur Raymond Jones (HR Manager ta’ Heritage Malta), u s-Sur Paul Debattista u s-Sur Joseph Caruana (żewġ intervistaturi esterni).
Heritage Malta – Dipartiment tal-HR – reminders dwar ċirkularijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tal-HR fi ħdan Heritage Malta qiegħed jibgħat reminders dwar ċirkularijiet li ħarġu fiż-żminijiet li għaddew lil kulħadd, minflok ma javviċina l-individwi li jaf li qegħdin jiksru b'mod regolari dawn ir-regolamenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li hija prassi li kull tant żmien jerġgħu jintbagħtu ċirkularijiet lil kulħadd sabiex l-impjegati jiffriskaw il-memorja dwar ċertu aspetti b’mod ġenerali, u mhux minħabba xi raġuni partikolari.
Dipartiment tal-HRD – twaqqif ta’ farewell parties
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma - jekk id-Dipartiment tal-HR waqqafx ħesrem farewell parties li kienu jiġu organizzati għal dawk l-impjegati li jkunu se jirtiraw mix-xogħol bl-età? Jekk fl-affermattiv kien hemm xi raġuni għal dan il-waqfien?
Response (BONNICI, OWEN)
Nistaqsi lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema Dipartiment tal-HR qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jinvestiga għalfejn ix-xufiera tat-Trasport Pubbliku qegħdin jingħataw break ta' kwarta biss f'ġurnata xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-iskedi tax-xogħol għax-xufiera mfassla mill-kumpanija Malta Public Transport Services huma skont kif inhu stipulat fil-Ftehim Kollettiv tagħhom kif ukoll bi qbil mal-istess ħaddiema. Dan jinkludi il-ħinijiet tas-sewqan, il-breaks kif ukoll il-ħinijiet ta’ mistrieħ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-każ dwar qbiela fuq biċċa art li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, huwiex miexi, mwaqqaf jew għall-konsiderazzjoni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li t-trasferiment mitlub imur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ Kapitlu 199 tal-Liġijiet ta’ Malta ċjoè Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ raba’ u tal-Kapitlu 268 tal-Liġijiet ta’ Malta ċjoè Att dwar it-Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern, it-talba ma tistax tiġi milqugħa u għaldaqstant tinsab mwaqqfa. L-Inkwilin li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament kien ġie nfurmat b’dan permezz ta’ korrispondenza datata 9 t’ Ottubru, 2015.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28712 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tad-direct orders mogħtija, minn kull entità, Ministeru, Dipartiment, korporazzjoni u/jew awtorità li huma fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, matul l-2015 u l-2016 (sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija)? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, fuq ordni ta’ min, lil min, l-ammont involut u għala ma kienx hemm sejħa pubblika f’kull każ?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn romol li qed jaħdmu, u li allura meta romlu bdew jirċievu l-pensjoni sħiħa li kellu żewġhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ pensjonanti romol li huma ‘l fuq mill-età tal-irtirar u li sa Ottubru 2016 bdew jirċievu l-pensjoni sħiħa li kellu żewġhom, għax kienu jaħdmu u ħallsu biżżejjed kontribuzzjonijiet biex kieku jkollhom dritt għall-pensjoni tal-irtirar tagħhom, huwa ta’ 1,647.
Persuni li talbu sabiex iħallsu l-kontribuzzjoni b’lura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fl-aħħar tnax-il xahar kemm kien hemm persuni li talbu sabiex iħallsu l-kontribuzzjoni b’lura, u kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-aħħar tnax-il xahar, jiġifieri bejn it-28 ta’ Novembru 2015 u t-28 ta’ Novembru 2016, kien hemm 696 persuna li talbu sabiex iħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali b’lura, li minnhom ġew milqugħa 450 talba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta’ frodi mill-benefiċċji fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena? Kemm minn dawn il-każi nstabu li kienu tassew qed iqarrqu bid-Dipartiment? Jista’ l-Ministru jagħti stima ta’ kemm ġew iffrankati flus b’dawn l-investigazzjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont informazzjoni li għandu d-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji (BFID), matul l-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Jannar u Ġunju tal-2016, id-Dipartiment rċieva 357 rapport ta’ każijiet fejn kien allegat abbuż mill-benefiċċji soċjali.
Iżda b’kollox bejn Jannar u Ġunju 2016, jirriżulta li kienu nvestigati total ta’ 613–il każ li minnhom 292 kienu bi ksur tal-provedimenti tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Huwa stmat li għal dan il-perjodu ġew iffrankati €1,611,461.
Proprjetajiet tal-Awtorità tad-Djar – nefqa f’tiswijiet u manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fl-aħħar sitt xhur tas-sena 2015 u fl-ewwel sitt xhur tal-2016 f’tiswijiet u manutenzjoni fil-proprjetajiet tal-Awtorità tad-Djar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-nefqa f’tiswijiet u manutenzjoni fil-proprjetajiet tal-Awtorita’ tad-Djar kienet fil-perijodu imsemmi minnu, kien kif indikat hawn taħt:
Propjetajiet tal-Awtorita' tad-Djar - Nefqa f'tiswijiet u manutenzjoni
N/L a/c Code
N/L a/c Description
Lulju-Diċembru 2015
Jannar-Ġunju 2016
€
€
502010
REPAIRS & MAINTENANCE IN HA & GOV PROPER
1,145,834.10
930,259.70
502530
EMBELLISHMENT OF OLD BLOCKS
35,405.94
118,712.30
1,181,240.04
1,048,972.00
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-pjanijiet tal-Awtorità tad-Djar f’dak li jirrigwardja liftijiet fil-blokok tal-Gvern għas-sena 2016? Kemm minn dawn il-pjanijiet ġew implimentati u x’fadal isir?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif kien pjanat, din is-sena ġew installati 11-il lift mill-Awtorita’ tad-Djar.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, kien ippjanat ukoll li jinћarġu tenders gћall-installar ta’ 20 lift ġdid. L-Awtorita’ tad-Djar diġa’ ppublikat tenders gћal 19–il lift, u sejjer jinћareġ tender ieħor gћall-lift l-ieħor qabel l-aћћar tas-sena. Minn dawn, hemm 7 lifts li nbeda x-xogћol fuqhom skont it-tender, 2 lifts oћra li ћa jinbeda x-xogћol fuqhom b’mod imminenti, 3 lifts oħra fejn it-tender gћadu miftuћ sabiex dawk interessati jitfgħu l-offerti tagħhom, u 7 lifts oħra li dwarhom kien hemm tenders li ġew ikkanċellati hekk kif ma kien hemm l-ebda offerta mitfugħa u se jkollhom jerġgħu jinħarġu.
Proġett ta’ bini ta’ appartamenti ġodda għall-abitazzjoni soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ambizzjuż tal-Gvern skont kif intqal fl-aħħar Budget biex jinbnew appartamenti ġodda għall-abitazzjoni soċjali f’diversi partijiet f’Malta fejn diġà ħarġu l-permessi?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-preżent, jinsab għaddej il-proċess mad-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex jibda t-tħammil fil-postijiet fejn ser ikunu qegħdin jinbnew l-appartamenti l-ġodda tal-proġett maġġuri li l-Awtorita’ tad-Djar ser tkun qiegħda taħdem fuqu sabiex ikollha aktar units xi tqassam għal residenzi soċjali.