Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Air Malta hux se tkun qiegħda tnaqqas jew twaqqaf għal kollox xi titjiriet għal xi Airports Ewropej? Jekk iva, lejn liema airports u x’inhi r-raġuni għal dan it-twaqqif?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-sajf li ġej, l-Air Malta qed tippjana li topera 150 titjira fil-ġimgħa lejn 29 destinazzjoni. B’din l-iskeda, li tibda mis-26 ta’ Marzu sat-28 ta’ Ottubru 2017, il-linja tal-ajru ta’ Malta qed tippjana li ġġorr 1.2 miljun passiġġier filwaqt li tkompli topera bi flotta ta’ tmien ajruplani. Il-numru ta’ passiġġieri u l-flotta se jibqgħu l-istess bħal din is-sena.
L-iskeda tal-Air Malta għas-sajf 2017 se jkollha żieda fil-frekwenzi lejn Munich, Brussell, Amsterdam, Vjenna, Zurich, Ruma, Catania, Lyon, Palermo, Praga u Moska. Fl-eqqel tas-sajf, il-linja tal-ajru se topera sa żewġ vjaġġi kuljum lejn Munich, Ruma u Catania. Is-sajf li ġej l-Air Malta se tnaqqas xi frekwenzi għall-istaġun kollu, jew parti minnu, lejn London Gatwick, Berlin, Manchester u Ġinevra u se twaqqaf il-frekwenzi lejn Ateni u Frankfurt. Madankollu l-linja tal-ajru xorta se żżomm it-titjiriet ta’ code-sharing mal-Lufthansa lejn Frankfurt fejn il-linja tal-ajru Ġermaniza se topera b’żewġ titjiriet kuljum.
Tibdil simili jsir kull stagun u jsir għal raġunijiet kummerċjali sabiex il-linja tal-ajru żżid l-effiċjenza operattiva u tikseb l-aħjar opportunitajiet min-netwerk ta’ rotot tagħha filwaqt li tirreaġixxi għall-kompetizzjoni.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tat-testijiet tal-ilma tal-pjan li juru l-livell ta' residwi ta' pestiċidi li ttieħdu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'dawn l-aħħar tliet xhur?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li l-mediċina Warfarin tibda tingħata fil-Berġa tas-Saħħa tas-Siġġiewi sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent għall-anzjani b'mobilità limitata u li bħalissa jkollhom imorru f'lokalità oħra?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal kull mediċina oħra, il-warfarina tista' tkun dispensata biss minn spiżeriji liċenzjati u allura mhux mill-Bereġ tas-Saħħa.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern lokali, Kunsilli Lokali u dipartimenti – ħlas lill-individwi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus li ngħataw lil individwi li b'xi mod taw is-servizzi tagħhom lill-kunsill lokali, dipartiment jew segretarjat jew Ministeru, u li tħallsu mill-voti tal-istess dipartiment, segretarjat jew Ministeru, sena b'sena fl-2014, 2015 u 2016 sal-aħħar ta’ Novembru 2016?
Response (BONNICI, OWEN)
Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma — trinek u ħofor
Question
Billi f'risposta riċenti, il-Prim Ministru talabni nindika l-postijiet fit-toroq fejn hemm trinek u ħofor li tħallew mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-interventi li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fit-toroq tal-lokalità matul l-aħħar 12-il xahar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Transport Malta — Triq li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa - tender
Question
Billi f'risposta riċenti li ngħatajt mill-Ministru fejn ingħadd li Transport Malta dalwaqt toħroġ tender għax-xogħol fuq it-triq li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu x-xogħol li għalih hu mistenni li joħorġu t-tenders?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender li se jinħareġ minn Transport Malta huwa għal xogħlijiet infrastrutturali.
Jista' l-Ministru jghid jekk hux beħsiebu jkun hemm xi tibdil dwar il-kwalifika tal-ECDL fis-sillabu tal-iskejjel tal-Gvern? Jista’ jikkonferma jekk l-ECDL hux se jinżammx jew se jitneħħa mis-sillabu tal-iskejjel sekondarji tal-Gvern? Jekk hu mistenni li l-ECDL jitneħħa mis-sillabu tal-iskejjel sekondarji tal-Gvern, jista’ jagħti r-raġunijiet ewlenin għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni? Jista’ jgħid liema kwalifika se tieħu post l-ECDL fl-iskejjel sekondarji tal-Istat? Jekk hemm kwalifika oħra li ġiet identifikata, jista’ jgħid x’rikonoxximent internazzjonali għandu ċ-ċertifikat ta’ din il-kwalifika ġdida li se jibdew jingħataw l-istudenti meta mqabbla mal-ECDL? F’dan il-każ, meta se tidħol fis-seħħ fis-sillabu, din il-kwalifika l-gdida?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-‘Information Communication Technology’ (ICT) f’pajjiżna sal-lum ma kellux programm għalih u għaldaqstant l-ECDL mela dak il-vojt għal numru ta’ snin. Hekk kif kien maħsub fil-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali (National Curriculum Framework – 2012), bħala parti mill-proġett tal-Qafas għall-Kisbiet (Learning Outcomes Framework), ġie żviluppat programm tal-ICT li jwassal sal-livell 3 tal-Qafas Malti għall-Kwalifiċi (Malta Qualifications Framework – MQF), u li se jkollu kwalifika ta’ SEC, maħruġa mill-Bord tal-Matsec.
Dan il-programm ġdid ta’ tagħlim huwa aġġornament fuq l-ECDL, billi jħares lejn il-ħtiġijiet diġitali tal-istudenti Maltin, fil-kuntest lokali u barrani. Il-programm il-ġdid se jkun qiegħed jagħti ħiliet diġitali lill-istudenti b’mod li ma jintrabat ma’ ebda brand waħda. L-istudenti kollha se jibqgħu jistgħu jersqu għall-ECDL, f’kull ċentru li joffri dan is-suġġett.
Jista’ l-Ministru jispjega jekk fid-dawl ta’ numru rekord ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew matul din is-sena, jaħsibx li r-Road Safety Council li ġie maħtur minnu stess għandux jiġi ridimenzjonat sabiex ikun aktar effettiv?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Road Safety Council, li issa ilu mwaqqaf tmintax-il xahar, irnexxielu joħloq għarfien fuq sigurtà fit-triq u għen sabiex ikun hemm ħidma konġunta mhux biss min-naħa tal-Gvern iżda wkoll bejn entitajiet oħra varji. Matul dawn ix-xhur, membri tal-kunsill kkontribwew f’diversi programmi edukattivi fuq il-mezzi tax-xandir fuq is-suġġett ta’ road safety. Apparti minn hekk, saru diversi kampanji edukattivi fuq sewqan u manutenzjoni ta’ muturi, kif ukoll għal sewqan iktar sikur b’mod ġenerali għas-sewwieqa kollha.
F’dawn l-aħħar ġimgħat il-Kunsill ipparteċipa wkoll waqt il-Freshers’ Week tal-Università fejn il-kampanja Eyes on the Road ġiet imnedija.
Pjanijiet għas-sena d-dieħla jinkludu enfasi akbar fuq kampanji promozzjonali u edukattivi, aġġornar tal-Kodiċi tat-Triq (Highway Code) kif ukoll żjarat f’diversi skejjel sabiex tibqa’ titrawwem kuxjenza fuq sewqan sikur.
Jista’ l-Ministru jelenka l-pjanijiet li għandu r-Road Safety Council biex jitnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku, u jippreżenta dettalji ta’ kampanji edukattivi xahar b’xahar, minn Diċembru 2016 għal Diċembru 2017?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 29039.
Jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jieħu ħsieb l-advertising ta’ Transport Malta? Jista’ jgħid jekk din il-kumpanija/persuna ntgħażlitx wara sejħa pubblika?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ riklamar fi ħdan Transport Malta jsir internament mid-dipartiment kkonċernat. Permezz ta’ sejħiet għal stimi (call for quotations), Transport Malta tagħmel xogħolijiet varji ta’ disinn ta’ artwork, stampar u produzzjonijet televizivi kif ukoll tagħmel ukoll placements ta’ riklami b’mod dirett mal-mezzi tax-xandir. Transport Malta tuża wkoll is-servizzi tal-aġenzija MPS biex tieħu ħsieb l-avviżi ġeneriċi tagħha. Din l-aġenzija kienet ġiet magħżula wara sejħa pubblika.
Anzjani li għandhom 78 sena jew iktar — allowance ta’ €300
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li bbenefikaw matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija mill-miżura li permezz tagħha, anzjani li għandhom 78 sena jew iktar ingħataw allowance ta’ €300? X’kienet l-ispiża fuq din il-miżura?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn Jannar 2014, l-Għotja għall-Anzjani ta’ €300 fis-sena bdiet tingħata lil kull minn jagħlaq 75 sena.
Sal-aħħar proċess li sar fis-22 ta’ Novembru 2016, in-numru ta’ persuni li kkwalifikaw għall-Għotja tal-Anzjani ammonta għal 29,401 u l-ispiża netta kienet ta’ €8,574,016.36.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, il-ħlas jingħata pro-rata lil min jagħlaq 75 sena matul is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm familji u tfal li qed jibbenefikaw miċ-Children’s Allowance sal-aħħar pagament u kemm kienet in-nefqa fuq din l-Allowance?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej:
Children
Ottubru 2016
Allowance
Familji
Tfal
Nefqa
CA
5,951
23,827
€5,763,368
CAFR
23,927
36,197
€4,365,211
Total
39,878
60,024
€10,128,579
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ single parents li jirċievu l-għajnuna soċjali f’kull distrett elettorali, u lokalità b’lokalità, u x'etajiet għandhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, sa Ottubru 2016, in-numru ta’ single parents li jirċievu l-Għajnuna Soċjali, kien ta’ 5,772.
Fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hemm spjegazzjoni dettaljata, lokalità b’lokalità, u x'etajiet għandhom. Mhuwiex possibli li l-informazzjoni tingħata skont id-distretti elettorali, ‘l għaliex ċertu rħula huma maqsuma fuq żewġ distretti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm familji u tfal jirċievu ċ-Children’s Allowance fl-2013, fl-2014, fl-2015 u fl-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba dil-mistoqsija, u kemm kienet l-ispiża fuq din l-allowance ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej:
Children
2013
2014
2015
2016 (Jannar - Ottubru)
Allowance
Familji
Tfal
Nefqa
Familji
Tfal
Nefqa
Familji
Tfal
Nefqa
Familji
Tfal
Nefqa
CA
17,810
28,005
€23,754,540
17,089
27,066
€23,070,882
17,123
27,054
€23,134,046
17,154
26,664
€22,285,838
CAFR
25,209
40,047
€17,881,548
25,277
39,921
€17,530,145
25,770
40,327
€17,558,239
25,178
39,090
€16,875,553
Total
43,019
68,052
€41,636,088
42,366
66,987
€40,601,027
42,893
67,381
€40,692,285
42,332
65,754
€39,161,391
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu in-numru totali ta' telefonati ġenwini fuq is-Supportline 179 imqassma skont il-problema ppreżentata u kemm kien in-numru ta' każijiet riferuti lill-Appoġġ u lil servizzi oħra bejn l-2006 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, maqsuma sena b’sena?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
MITA – investiment għall-infrastruttura tan-network tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid il-benefiċċji miksuba mill-investment qawwi li għamlet il-MITA fuq l-infrastruttura tan-network tal-Gvern?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Il-MITA hi responsabbli mill-bini u l-manutenzjoni mill-infrastruttura tas-servizzi u n-networks u tal-komunikazzjoni tal-Gvern. Il-Malta Government Network jew kif inhi magħrufa aħjar bħala l-MAGNET, hi magħmula minn għadd ta' konnessjonijiet ta' high speed fibre optic u broadband. B'dan il-mod tgħaqqad lil madwar 700 uffiċċju li jinkludu Ministeri, Dipartimenti u Entitajiet tal-Gvern maż-żewġ Data Centres tal-MITA. B'hekk l-uffiċjali pubbliċi għandhom aċċess għal mijiet ta' servizzi tal-Gvern li joperaw mid-Data Centres tal-MITA.
Il-kuntratt kurrenti tal-fibre optic li għandu valur annwali ta' madwar €1 miljun, jipprovdi servizz ta' konnessjoni ta' network high speed lil 97 Ministeru, Dipartiment u entità tal-Gvern. Dan jiskadi f'Novembru 2016.
Biex tiżgura l-kontinwazzjoni ta' dawn is-servizzi wara t-tmiem ta' dan il-kuntratt, il-MITA ħarġet żewġ sejħiet separati għal tenders, waħda għal servizzi ta' fibre optic high speed u l-oħra għall-apparat tat-terminazzjoni għad-Data Centre u għall-entitajiet l-oħrajn. Il-valur totali ta' dawn iż-żewġ tenders huwa ta' €3.6 miljun. L-implimentazzjoni bdiet f'nofs l-2015 u wasslet biex ġew iffrankati madward €300,000 fis-sena.
Barra minn hekk, il-kuntratt il-ġdid jipprovdi aktar flessibilità u benefiċċji mill-kuntratt ta' qablu, fosthom aktar xelta ta' kif wieħed jista' jespandi n-networks.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħidilna hux ser jitħabbru aktar skemi ġodda tal-Endeavour u kemm studenti mistennija japprofittaw minnha?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li taħt l-Endeavour Scholarships Scheme hemm il-ħsieb li jinħarġu tlett sejħiet oħra, waħda kull sena għat-tliett snin li ġejjin.
Sa l-2020, madwar 900 student huma mistennija li jkunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid meta NGOs u għaqdiet kulturali oħra, ser ikunu qed jibbenefikaw minn Fondi Ewropej?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li fis-27 ta’ Novembru 2016 inħarġet sejħa indirizzata għall-NGOs u għaqdiet kulturali oħra taħt Programm Operattiv 1 – Priority Axis 4 – Shifting towards a low carbon economy u Priority Axis 5 – Protecting our environment.
Ninsab infurmat ukoll li fit-2 t’Ottubru 2016 inħarġet sejħa taħt Programm Operattiv 2 – Priority Axis 4 – Building the Institutional Administration Capacity fejn fiha l-NGOs u għaqdiet kulturali kienu eliġibli wkoll.
Ninforma l-Onor. Interpellant ukoll li NGOs u għaqdiet kulturali oħra f’żoni rurali jistgħu jibbenefikaw minn fondi taħt il-Programm Leader 2014/2020 iffinanzjat mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014/2020.
Barra minn dan NGOs u għaqdiet kulturali oħra jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-Programm għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni sabiex tiġi indirizzata l-integrazzjoni ta’ persuni minn pajjiżi terzi.
Skemi ta’ investiment għall-intrapriżi b’potenzjal ta’ tkabbir
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħidilna hux ser ikun hemm skemi ta’ investiment għall- intrapriżi b’potenzjal ta’ tkabbir, biex b’hekk jagħmilhom aktar kompetittivi?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. interpellant li aktar kmieni din is-sena, nhar il-11 ta’ Lulju 2016, ġiet imnedija l-inizjattiva ‘Business Enhance ERDF Grant Schemes’.
B’allokazzjoni ta’ €51 miljun mill-Fond ta’ Żvilupp Reġjonali Ewropew 2014–2020, li minnhom €40.8 miljun huma finanzjati minn Fondi Ewropej u €10.2 miljun minn fondi nazzjonali, din l-inizjattiva hi maħsuba sabiex toffri appoġġ lill-intrapriżi taħt numru ta’ skemi ta’ għajnuna permezz ta’ għotjiet li jkopru parti mill-ispiża eliġibbli skont il-kriterji ta’ kull skema.
Sal-lum kienu mnedija erba’ skemi ta’ investiment. Ninsab ukoll infurmat li għaddej xogħol fuq numru ta’ skemi oħra bl-għan li jkunu imnedija fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Dawn l-iskemi jindirizzaw numru ta’ objettivi taħt il-Programm Operattiv I Politika ta’ Koeżjoni 2014 – 2020 ‘It-trawwim ta’ ekonomija kompettitiva u sostenibbli li tilqa’ l-isfidi tagħna’.
Ninsab infurmat wkoll li ġew kommessi €15-il miljun taħt l-SME Initiativeli huwa programm seperat taħt Operational Programme 1. Dawn il-fondi ġew kommessi permezz ta’ ftehim ma’ żewġ banek, il-Bank of Valletta u Banifbank.
Tajjeb ngħid ukoll li teżisti l-possibilità li nutilizzaw 19-il miljun oħra f’Fondi Ewropej permezz ta’ financial instruments addizjonali. Bħalissa għaddejin xi studji fuq dan il-lat.
Xtaqt nirrimarka li dawn li semmejt huma skemi li jistgħu jiġu ffinanzjati minn Fondi Ewropej. Kif ċertament tinsab infurmat jeżistu ħemel ta’ skemi oħrajn għall-intrapriżi b’potenzjal ta’ tkabbir li qegħdin jiġu xprunati minn Ministeri oħra.