Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Shipbuilding Co Ltd – Proċess ta’ likwidazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ likwidazzjoni tal-Malta Shipbuilding Co Ltd?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz ta’ Att XV tal-2003, il-kumpanija Malta Shipbuilding Co Ltd u l-korporazzjoni Malta Drydocks kienu ġew xolti b’mod immedjat mingħajr il-bżonn ta’ proċess ta’ Likwidazzjoni. Għalhekk, f’dawn iż-żewġ każijiet, qatt ma kien beda proċess ta’ likwidazzjoni għax iż-żewġ ażjendi spiċċaw immedjatament kif ġiet effettiva l-liġi msemmija. B’riżultat ta’ din l-istess liġi, il-Gvern kien ukoll assuma r-responsabbilta’ tal-assi u d-djun kollha taż-żewg azjendi. Sussegwentement twaqqfet il-Malta Shipyards Ltd li bdiet topera il-faċilitajiet li kellhom qabilha l-Malta Shipbuilding u l-Malta Drydocks. Il-faċilitajiet kollha tat-tarznari issa kienu għaddew lura għand il-Gvern u għalhekk sar ftehim li dawn kienu qegħdin jingħataw lil Malta Shipyards Ltd a bażi ta’ ‘encroachment title of use’ mingħand il-Gvern u li għalih it-tarzna kellha tħallas kumpens xieraq kif stabbilit mill-Gvern. Wara attentati biex il-Malta Shipyards Ltd tirristruttura l-attivitajiet industrijali tagħha u tilħaq l-għanijiet finanzjarji stabbiliti bi ftehim mal-Unjoni Ewropeja, fl-2008 il-Gvern iddeċieda li ma kienx hemm triq oħra ħlief li jiftaħ process ta’ privatizzazzjoni fejn is-setturi kollha tat-tarzna kellhom jiġu offruti lis-settur privat. Il-privatizzazzjoni tat-tarzna ta’ Bormla twettqet fl-2010 u matul dik l-istess sena il-Malta Shipyards Ltd bdiet proċess ta’ likwidazzjoni li ghadu għaddej sal-lum minħabba każijiet pendenti ta’ insurance u kawżi oħra legali li sal-lum għadhom ma’ ġewx konklużi

Ftehim iffirmat ma’ Barts School of Medicine

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 23955, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta tas-sit li se jintu¿a?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Barts School of Medicine & Dentistry ser tinbena fuq is-sit kif muri fil-pjanta li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, soġġett dejjem illi jinħareġ permess ta’ żvilupp mill-Awtorità tal-Ippjana.

Ftehim iffirmat ma’ Barts School of Medicine

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 23955, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tat-titlu tal-art li qed tingħata għal dan l-iskop?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise hija marbuta bi klawsoli ta' kunfidenzjalita' skont il-kuntratt iffirmat ma' Barts u għalhekk mhux possibbli illi dan jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #28896 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Esproprjazzjoni ta’ art

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25235, 23780, 23402 u 25484 u jgħid kemm-il esproprjazzjoni ta' art jew bini saret f'Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid f'kull każ x' kien l-iskop tal-esproprjazzjoni u f'kull każ kemm kien il-prezz li bih ġiet stmata l-istess art? Jista’ jgħid f'kemm minn dawn il-każijiet il-prezz mogħti mill-Kummissarju tal-Artijiet lis-sidien ġie aċċettat minn dawn tal-aħħar u f'kemm il-każ dan il-prezz ma ġiex aċċettat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.
Leg 12 PQ #28897 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex – art fejn kien hemm il-miżbla tal-Qortin

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23401 u jgħid meta l-Kummissarju tal-Artijiet għadda lill-Enemalta l-art fix-Xagħra Għawdex fejn qabel kien hemm il-miżbla tal-Qortin? Jista' jgħid b’liema kundizzjonijiet għaddiet din l-art u jippreżenta kopja tal-ftehim jew kuntratt li sar bejn il-Kummissarju tal-Artijiet u l-Enemalta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissarju ta’ l-Artijiet u l-Korporazzjoni Enemalta b’ seħħ mill-25 t’Awwisu 2014, daħlu fi ftehim għal-ħamsa u għoxrin sena, biex il-kumpanija tuża l-arja ’l fuq minn ħames metri (5m) minn wiċċ l-imsemmija art, bil-kundizzjonijiet kif imniżżla fi skrittura privata transunta fl-Atti tan Nutar Keith German tal-25 t’Awwissu 2014. Estratt ta’ dan il-ftehim qed jiġi ppreżentat fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #28898 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Barts Medical School – ftehim iffirmat

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim iffirmat ma’ Barts Medical School fit-18 ta' Marzu 2015?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt msemmi minnu hu governat bir-regoli tal-Business Promotion Act.
Leg 12 PQ #28899 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Privatizzazzjoni tal-Isptarijiet — unions

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma’ liema unions ġie ffirmat ftehim dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptarijiet Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali ta' Għawdex? Ma’ liema unions kien hemm diskussjonijiet imma ma ġiex iffirmat ftehim? Fejn ma ġiex iffirmat ftehim, x'kienet ir-raġuni? Fejn ġie ffirmat ftehim, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet dwar il-public private partnership tal-Isptarijiet Karen Grech, San Luqa u l-isptar Ġenerali ta' Għawdex saru mal-unions MUMN, GWU, UHM u MAM. Ġie iffirmat ftehim mal-GWU u MUMN.

Dwejra Management Board — kompożizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm varjazzjoni fil-kompożizzjoni tad-Dwejra Management Board? Jekk iva, x' tibdil jew żieda kien hemm? Jista' jgħid għaliex il-Gozo Tourim Association għadha ma ngħatatx rappreżentanza fuq dan il-Bord? Jista' jgħid kemm-il darba ltaqa' dan il-Bord minn kemm ilu li reġa’ ġie kostitwit? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-minuti tal-laqgħat li kellu dan il-Bord minn meta reġa’ ġie kostitwit?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-entita’ responsabbli mit-tmexxija tad-Dwejra hija msejħa Dwejra Steering Committee. Dan il-Kumitat hu kompost minn numru ta’ membri li jirrappreżentaw diversi setturi, abbażi tal-Pjan ta’ Mmaniġġjar ta’ dan is-sit, u kif muri hawn taħt: · Timmy Gambin – Chairperson nominat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima (MSDEC) · Michelle Piccinino – rappreżentant tal-Awtoritá għall-Ambjent u r-Riżorsi · Noel Formosa – rappreżentant tal-Kunsill Lokali San Lawrenz · Herman Galea - rappreżentant tad-direttorat tal-PARKs · Kevin Fsadni - rapreżentant tal-Awtoritá tat-Turiżmu ta’ Malta · Amity Gauci - rapreżentant tal-Ministeru għal Għawdex · Vincent Attard - rapreżentant tal-NGOs (Nature Trust Malta) · Joseph Vella Gauci - rapreżentant tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-UNESCO · Michael Stivala - rapreżentant tal-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA) · Joseph Caruana – Osservatur · Dr Fenech Vella – Segretarja tal-Kumitat Is-settur tat-turiżmu huwa diġa’ rapreżentat fuq dan il-Kumitat permezz tal-membru tal-Awtoritá tat-Turiżmu ta’ Malta. Din tal-aħħar hija l-aġenzija responsabbli mit-turiżmu fil-gżejjer Maltin. Dwar il-minuti, minħabba li l-laqgħat mhumiex pubbliċi u fil-laqgħat jistgħu jsiru referenza għall-interessi privati u kummerċjali ta’ terzi li l-Bord m’għandux awtorizazzjoni li jippublika l-informazzjoni li taw dawn l-istess terzi, għaldaqstant ma nħossx li huwa għaqli li informazzjoni u diskussjonijiet li jkunu saru fil-magħluq jiġu pubblikati. Il-Minuti jinkludu l-opinjonijiet professjonali u personali tal-membri li saru waqt deliberazzjonijiet fuq policy u azzjonijiet li ser jittieħdu. Madanakollu nserraħ ras l-Onor Interpellant li kwalunkwe deċiżjonijiet li jieħu dan il-Bord, dawn jiġu ippublikati.
Leg 12 PQ #28930 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sptar Mater Dei – waiting lists – rapport minn kumpanija

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' rapport li sar mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar waiting lists fl-Isptar Mater Dei u/jew sptarijiet oħra u li ngħata lil din il-kumpanija minn Projects Malta jew mill-Ministru fl-Uffiċċju tiegħu wara negotiated procedure? Jista' jgħid kemm tħallset din il-kumpanija għal dan ir-rapport u min innegozja l-prezz ma’ din il-kumpanija min-naħa tal-Gvern?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat li Projects Malta Limited ma ngaġġatx lil din il-kumpanija għas-servizzi msemmija u għaldaqstant ma nħareġ l-ebda pagament f’dan is-sens.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni –każijiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru, mingħajr ma tindika l-partijiet, telenka liema setturi jikkonċernaw dawk il-każijiet kollha li għadhom pendenti quddiem l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u li ġew imressqa quddiemu wara li saru l-emendi għall-Att dwar il-Kompetizzjoni fl-2011? Għal kull każ, tista’ l-Ministru tgħid liema huma dawk l-artikoli tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li dawn il-każijiet allegatament qed jiksru? Għal kull każ, tista’ tgħid liema huma dawk l-artikoli tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li l-Uffiċċju qed juża sabiex jinvestiga dawn il-każijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lil Onorevoli Interpellant għat-twegiba li ngħatat għal-mistoqsija 28518 rigward is-setturi konċernati. Peress li l-investigazzjoni għadhom għaddejjin ikun prematur li jindika taħt liema artiklu qed jiġu investigati. L-investigazzjonijiet qed isiru taħt Artiklu 12 tal-Att Dwar il-kompetizzjoni.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – każ ta’ sid ta’ pompa tal-petrol

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28771, peress li jiena ma tlabt ebda kumment mingħand l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, tista’ l-Ministru tgħid liema kienu dawk l-artikoli tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) uża, minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tat-3 ta’ Mejju 2016 sabiex ikompli jinvestiga u joħroġ id-deċiżjoni mingħajr ma jimponi multi amministrattivi f’Ottubru li għadda fil-każ tas-sid tal-pompa tal-petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li peress l-mistoqsija tirrigwarda il-proċeduri li huma pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali), l-Uffiċċju m'huwiex f’pożizzjoni li jikkumenta peress il-każ huwa sub judice.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni — – ħruġ ta’ Statements of Objections

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28773, tista’ l-Ministru tgħid meta ġie mressaq l-ilment u meta nħareġ l-iStatement of Objections? Taħt liema artikolu tal-Att dwar il-Kompetizzjoni nħareġ l-iStatement of Objections?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-ilment daħal f’Novemberu 2015 u l-Uffiċċju kkunsidra talba għall-mizura interim li saret f’Lulju 2016. L-istatement of Objections rigward il-mizura interim inħareġ f’Awissu 2016 u dan inħareg ai termini tal-artikolu 12A(1) tal-Kap 379.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni fil-każ tal-Federation of Estate Agents — investigazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28772, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni waqqafx l-investigazzjoni li kien qed jagħmel fir-rigward tal-Federation of Estate Agents?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lil Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ingħatat għal mistoqsija parlamentari 28519.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – ħruġ ta’ Statement of Objections

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28772, tista’ l-Ministru tgħid taħt liema artikoli tal-Att dwar il-Kompetizzjoni nħareġ l-iStatement of Objections fil-konfront tal-Federation of Estate Agents?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Istatement of Objections inħareġ ai termini tal-artikolu 12A(1) tal-Kap 379.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni — każijiet pendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28774, tista’ l-Ministru tgħid meta t-tmien każijiet pendenti ġew imressqa quddiem l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u liema setturi dawn jikkonċernaw?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-ħames każijiet ġew imressqa bejn 2008 u 2011 u jikkonċernaw tlieta fis-settur tat-telekommunikazzjoni, wieħed dwar is-settur tal-assikurazzjoni ieħor tat-transport. Tliet każijiet oħra huma pendenti quddiem it-tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur u li jikkonċernaw tnejn fis-settur tat-Transport u ieħor tal-energija.

GWU – kawża – Ksur ta’ Kundizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-Gvern għadu ma fetaħx kawża kontra l-GWU li kien mitlub u avżat jagħmel mill-Awditur Ġenerali fl-2015 fuq il-ksur tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt li l-GWU għandha mal-Kummissarju tal-Artijiet meta hi kriet il-bini tagħha lill-ARMS?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Għases – interrogazzjonijiet rekordjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il għassa u liema, apparti l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, huma mgħammra b’apparat biex l-interrogazzjonijiet li jsiru bl-assistenza legali jkunu jistgħu jiġu rekordjati b’mod awdjoviżiv?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi qed isiru arranġamenti sabiex sa l-aħħar ta’ din is-sena fl-għases ta’ Rahal Ġdid – Mtarfa – iż-Zejtun – il-Mosta u ġewwa Victoria jew Sannat Għawdex, ikun hemm sistema ta’ interrogazzjoni rrekordjata kif mitlub mill-liġi. Sadanittant kif inhi il-prassi, sakemm is-sistemi jiġu installati, l-interrogazzjonijiet jibqgħu isiru fil-Kwartieri Ġenerali, fejn dawn il-faċilitajiet diġa jeżistu. Għases oħra fejn ser jiġu mgħammra b’dawn is-sistemi jiġu identifikati iktar il-quddiem.
Leg 12 PQ #29074 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — twettiq ta’ xogħol infrastrutturali fil-front ta’ Buġibba/Qawra

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex bżonn twettaq xogħol infrastrutturali kemm għal dak li jikkonċerna xogħol għall-ilma, kif ukoll għal dak li jikkonċerna xogħol għas-sistema tad-drenaġġ, fit-triq (il-front ta’ Buġibba/Qawra) li minn ħdejn il-Knisja ta' San Pawl Nawfraġu twassal sa ħdejn id-daħla ta' Buġibba, ħdejn Triq il-Pijunieri?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li hemm bżonn xogħlijiet ta’ infrastruttura fiż-żona msemmija. Aktar dettalji jkunu jistgħu jingħataw meta l-Korporazzjoni jkollha s-site plan taż-żona ikkonċernata.
Leg 12 PQ #29075 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Enemalta – Dwal fit-toroq

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema huma l-bozoz li s’issa għadhom jiġu amministratti mill-Enemalta għal dak li jikkonċerna dwal fit-toroq tal-bliet u l-irħula tagħna? Kif jista’ persuna jiddentifika bla problemi tali bozoz u jkun jista' jirrappurtahom direttament f’każijiet ta’ ħsarat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt informat li l-maġġoranza l-kbira tad-dwal fit-toroq u f’postijiet pubbliċi huma responsabilità tal-kunsilli lokali, li ngħataw l-inkarigu biex jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tal-lampi u l-iżvilupp ta’ lampi ġodda diversi snin ilu permezz tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 363.91 tal-2002. Għad baqa’ izda għadd ta’ lampi f’idejn Enemalta plc u f’idejn xi awtoritajiet nazzjonali jew entitajiet governattivi. Persuni li jkollhom bżonn għajnuna dwar bozoz f’postijiet pubbliċi jistghu jaghmlu uzu minn sistema li ilha titħaddem diversi snin, u li permezz tagħha, kull rapport ta’ ħsara jew talba għall-għajnuna dwar dawn il-bozoz jeħtieġ isir għand il-kunsill lokali responsabbli mill-inħawi kkonċernati. B’mod regolari matul is-sena, il-kunsilli lokali jingħataw pjanti aġġornati li juri eżattament il-lampi kollha awtorizzati f’postijiet pubbliċi kif ukoll dettalji dwar min hi l-entità responsabbli għalihom. Meta t-tiswijiet jew l-azzjoni meħtieġa taqa’ taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali, dawn jordnaw ix-xogħol meħtieġ mill-kuntratturi tagħhom. Meta x-xogħol meħtieġ ma jkunx responsabilità tal-kunsilli lokali, dawn għandhom sistema kompjuterizzata li llum tifforma parti mis-servizz nazzjonali Servizz.Gov u li biha jagħmlu talba għall-għajnuna lil Enemalta plc jew l-entità kkonċernata. Din is-sistema ilha tintuża għal diversi snin mill-kunsilli lokali kollha f’Malta u Għawdex.
Leg 12 PQ #29076 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Power surges – talbiet għall-kumpens

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28868 u jgħid kemm kien hemm talbiet għall-kumpens minn konsumaturi li sofrew danni kawża ta’ power surge għas-snin 2014, 2015 u 2016 sal-lum, sena b’sena? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa? Jista’ jgħid kemm kien l-ammont kollu li tħallas lill-konsumaturi f’danni kull sena f’dawn is-snin imsemmija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.