Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki kellu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS) li l-Fondazzjoni m'għandha ebda rekord ta' kwalifiki tal-persuna li isimha ngħata separatament. Madankollu, fl-10 ta' Ottubru 2013 il-Bord tal-FTS ta' dak iż-żmien identifika lill-persuna indikata mill-Onor. Interpellant bħala persuna li setgħet timla waħda mill-karigi fl-organigramma ġdida li kienet qed tadotta l-FTS.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – terms of reference ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu t-Terms of Reference tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għall-impjieg tiegħu mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS)? Meta ngħata l-pożizzjoni bħala Procurement Officer mal-FTS?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu qatt ma ngħatat il-pożizzjoni bħala Procurement Officer. It-Terms of Reference għall-impjieg mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS) diġà tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 29105 u huma annessi bħala Appendiċi 1 mal-kuntratt ta' impieg (datat 16 ta' Ottubru 2013) għall-post ta' Head of Summer Projects, Maintenance Division and Co-ordination Unit, u mhux bħala Procurement Officer.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk inbidlux ir-regolamenti li permezz tagħhom jistgħu jiġu dikjarati tow zones? Kemm tow zones ġew stabbiliti, u kemm f’kull lokalità?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadu għaddej il-proċess sabiex isiru emendi fil-liġi għal dak li jirrigwarda tow zones.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li kienu applikaw biex jasfaltaw rural roads permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, meta kien hemm din l-iskema? Liema minn dawn it-talbiet intlaqgħu u liema le? Fejn it-talbiet ma ntlaqgħux, x’kienet ir-raġuni għal dan?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati serqiet fiż-Żejtun, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Ħal Għaxaq, il-Fgura, Ħal Tarxien, Paola, il-Gudja u Santa Luċija, individwalment, sena b’sena mill-2010 sal-2016 sa meta huma disponnibli r-rekords?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi n-numru ta’ inċidenti ta’serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija sena b’sena, bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u t-30 ta’ November 2016 mill-lokalitajiet taż-Zejtun, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Ħal-Għaxaq, il-Fgura, Ħal-Tarxien, Paola, il-Gudja u Santa Lucija, kienu kif jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti b’reati ta’ pedofelija fis-snin 2013, 2014 u 2015? X’kienu s-sentenzi mogħtija għal kull pedofelu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Każijiet irrappurtati relatati ma’ pornografija tat-tfal jew abbuż
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 28407, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’każijiet relatati ma’ pornografija, li tressqu l-Qorti mill-2011 sal-lum? X’kienu s-sentenzi mogħtija għal kull każ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’policy tintuża fit-tqassim tal-appartamenti tal-Gvern? Liema huma dawk l-applikanti li se jkollhom prijorità fl-allokazzjoni ta’ postijiet bil-kera?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti statistika tan-numru ta’ persuni bla saqaf (homeless) ġewwa pajjiżna u minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-persuni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Għalkemm ikun hemm diversi talbiet taħt il-premessa li huma homeless, minn profiling li jsir jirriżulta li mhux dejjem it-talbiet ikunu veritiera. Għalhekk, mhux possibbli li nkunu nafu n-numru eżatt.
Il-persuni li verament huma homeless issibhom f’kenn għand NGOs u postijiet oħra.
Estensjoni ta’ Sixth Form ta’ Għawdex – perit — ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif ġie magħżul il-perit li ċċertifika x-xogħol li sar fl-estensjoni tas-Sixth Form ta' Għawdex? Jista’ jgħid kemm tħallas dan il-perit? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja taċ-ċertifikat maħruġ minn dan il-perit, fejn iċċertifika li x-xogħol huwa tajjeb? Jista' jgħid il-perit li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ta' xiex tħallas aktar minn €27,000 fuq dan il-proġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada li jinħtieġ iktar żmien biex tinġabar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Għaldaqstant, it-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
(Informazzjoni Addizzjonali: Ara dokumenti PL 8209 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 466 nhar it-Tnejn 9 ta' Jannar 2017)
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26697, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-various remedial works, li tagħhom il-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, tħallsu €120,000? Jista' jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b'direct order jew wara ħruġ ta’ tender? Min awtorizza dawn il-pagamenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-invoices li jirrigwardjaw il-various remedial works li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant. Dawn l-invoices jappartjenu għal żewġ kuntratturi li s'issa ngħataw €25,000 kull wieħed on account sakemm isiru l-verifiki meħtieġa. Dawn ix-xogħlijiet ingħataw b’direct orders.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada f’April tal-2013 u kemm kien hemm impjegati mal-istess entità fl-aħħar ta’ Novembru 2016? Jista’ jagħti lista sħiħa bin-numru ta’ impjegati f’kull pożizzjoni li kien hemm f’April 2013 u fl-aħħar ta’ Novembru 2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tingħata f'seduta oħra.
Awtorità tal-Ippjanar — Azzjonijiet ta’ infurzar dirett
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28687, jista’ l-Prim Ministru jgħid f’kull każ pendenti x’inhu l-ammont dovut u x’kien in-numru tal-Azzjoni ta’ Infurzar li kienet ġiet maħruġa?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tat-tonn mill-fish farms f'pajjiżna sena b' sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Qed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-kumitat tal-Buskett Winery li jinsab fi Triq l-Imnarja, il-Buskett sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm ilu ffurmat dan il-kumitat? Xi ħlasijiet u allowances għandhom kull membru ta' dan il-kumitat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor Interpellant illi l-Kumitat tal-Buskett Winery Research Station fil-preżent huwa kompost kif jidher hawn taht:
Chairperson – Roger Aquilina
Membri - Claudette Gambin
Salvu Azzopardi
Gilbert Camilleri
Segretarju - Mario Micallef
Il Kumitat ta’ dan ic-Centru ilu ffurmat minn Lulju 2013 u l-ebda membru tal-kumitat ma jirċievi xi ħlasiiet jew allowances.
Jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed imexxi il-Buskett Winery tal-Gvern li tinsab fi Triq l-Imnarja, il-Buskett? Kif sar l-ingaġġ, permezz ta' sejħa għall-applikazzjoni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi l-Buskett Winery Research Station taqa’ taħt ir-responsabbilta tad-Direttorat għad-Diversifikazjoni u Kompetitivita fil-Biedja. Ir-riċerka li ssir titmexxa minn Kumitat tat-tmexxija wara li din tkun approvata mill-istess Direttorat. Il-Kumitat tat-tmexxija huwa appuntat mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-biedja.
Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-Wine Regulation Board? Hemm rappreżentanti tal-bdiewa f'dan il-bord? Lil min jirrappreżentaw ir-rappreżentanti tal-bdiewa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Wine Regulation Board fil-preżent huwa kompost minn dawn il-persuni:
Chairperson -
Mr. Saviour Debono Grech, Direttorat Agrikoltura, Direttur (ex-officio)
Deputy Chairperson - Mr Marco Dimech, Direttorat Agrikoltura, Manager (ex-officio)
Membri - Ms Maria Micallef, Direttoral Agrikoltura, Uffiċċjal Agrikolu (ex-officio)
Mr Jeremy Cassar, għassar kummercjali
Mr Vincent George Delicata, għassar kummercjali
Mr Karl Chetcuti, għassar kummercjali
Mr Joe Spiteri, bidwi produttur
Mr Saviour Azzopardi, għaqda produtturi VitiMalta
Mr Marco Cassar, bidwi produttur
Segretarju - Mr Leo Vella, Direttorat Agrikoltura (ex-officio)
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-għeneb li nxtara għall-Buskett Winery tal-Gvern li tinsab fi Triq l-Imnarja, il-Buskett, inxtarax b'tender jew b'direct order? Mingħand min inxtara dan l-għeneb u kemm tħallas għalih? X'sar minn dan l-għeneb?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li oriġinalment ġiet ippubblikata sejħa għall-offerti biex jinxtara ammont ta’ għeneb skont kwantita mitluba. Għal din is-sejħa intlaqgħu żewg offerti, li pero’ ma kienux ilaħħqu il-kwantita kollha mitluba. Peress li ż-żmien tal-ħsad tal-għeneb kien ser jgħaddi, ittieħded deċizjoni li jinxatara l-għeneb skont l-offerti li kienu ġew sottomessi.
L-għeneb inxtara mingħand Guido Baldacchino u Robert Grech għal prezz totali ta’ €2578.10.
L-għeneb intgħasar biex isiru provi ta’ valorizzazjoni tal-varjetajiet Ġirgentina u Ġellewza.
Tibdil fil-Public Service Management Code – ħaddiema seconded ma’ Producers Organizations tal-Bdiewa
Question
Jista’ l-Ministru jara li jsiru l-emendi neċessarji fil-Public Service Management Code biex impjegati tal-Gvern ikunu jistgħu jiġu seconded ma' Producers Organizations tal-bdiewa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li tibdil fil-PSMC mhux remit tal-MSDEC u għalhekk nitlob l-Onor Interpellant jirefferi l-Minstoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Billi riċentement ingħatat informazzjoni dwar in-numru ta’ single mothers li qed jirċievu l-għajnuna soċjali, lokalità b’lokalità, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru, ukoll il-lokalità ta' single mothers li qed jirċievu ċ-children's allowance? Minbarra hekk, jista’ jagħti l-informazzjoni dwar in-numru ta’ persuni li jingħataw iċ-children's allowance u li mhumiex single, lokalità b’lokalità? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dawn iċ-ċifri jinkludux fihom dawk li jieħdu l-għajnuna soċjali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.