Legislature:
Category:
Reset
Active:

Komputazzjoni ta’ investiment kapitali lokali

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 22335, 22336, 23964 u 23965, jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni dettaljata ta’ kif jiġi komputat l-investiment kapitali lokali f’pajjiżna?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-mistoqsija Parlamentari 28318.

Malta Industrial Park – manutenzjoni tal-Industrial Estates

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li ntefqet fiż-żamma u manutenzjoni taż-Żoni Industrijali amministrati mill-Malta Industrial Parks u jaqsam l-informazzjoni skont iż-Żoni Industrijali rispettivi, mill-2012 ‘l hawn u maqsuma sena b’sena?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #28383 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – Financial Statements

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23897 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22323, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ accounts irrispettivament liema metodu ta’ accounting tintuża?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #28384 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukandi – erba’ u ħames stilel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ lukandi ta’ erba’ u ħames stilel bejn l-2012 u l-2016, u jagħti l-informazzjoni sena b’sena?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tabella bin-numru ta’ lukandi ta’ erba’ u ħames stilel bejn l-2012 u l-2016, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf lill-Interpellant illi bejn il-perjodu 2004 u 2012, għalqu disa’ lukandi ta’ erba’ stilel u tlett lukandi ta’ ħames stilel. Filwaqt illi fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, il-lukandi jagħlqu u ma jerġgħux jiftħu, bil-politika ta’ dan il-Gvern illi qed toħloq stabbilta’ ekonomika u finanzjarja li tixpruna u tippermetti lis-settur privat ikompli jinvesti f’din l-industrija, il-lukandi f’dawn l-aħħar erba’ snin qed jagħlqu temporanjament għal rinovar maġġuri. Riċentement qed naraw ukoll żieda sostanzjali ta’ lukandi illi applikaw biex i¿idu n-numru tas-sulari tagħhom. Fil-fatt, fl-2014 applikaw ħames lukandi ta’ erba’ stilel u żewġ lukandi ta’ ħames stilel għal żewġ sulari addizzjonali, filwaqt li fl-2015 u fl-2016, rispettivament, applikaw disa’ u seba’ lukandi ta’ erba’ stilel. Apparti minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2016, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu għandha erba’ applikazzjonijiet pendenti għal lukandi ġodda ta’ erba’ stilel u żewġ applikazzjonijiet pendenti għal lukandi ġodda ta’ ħames stilel. Skond l-aħħar stħarriġ ikkummisjonat mill-MHRA, ta’ min jinnota illi f’termini ta’ okkupanza ta’ kmamar f’lukandi t’erba’ u ħames stilel naraw li s-sena 2015 kienet sena li mmarkat ¿ieda konsiderevoli minħabba avvenimenti għoljin internazzjonali li seħħew f’pajji¿na. Madanakollu, meta tqabbel l-okkupanzi ta’ l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena ma’ l-istess xhur tas-sena 2014 naraw tkabbir ta’ 3.2% għal erba’ stilel u żieda ta’ 1.6% għall-lukandi ta’ ħames stilel. Mill-istess stħarrig, insibu li d-dħul tal-lukandi (GOPAR) t’erba’ u ħames stilel fl-istess xhur imsemmija ta’ din is-sena kien wieħed pożittiv kemm mad-dħul li rreġistraw fl-istess xhur tas-sena l-oħra u wisq aktar ma tal-2014. Bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, il-lukandi ta’ ħames stilel kellhom tkabbir fid-dħul ta’ 3.3% fuq l-istess perjodu tal-2015, filwaqt li l-lukandi ta’ erba’ stilel irreġistraw żieda ta’ 11.4% fuq l-istess xhur imsemmija tas-sena l-oħra.
Leg 12 PQ #28931 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Awtorità għall-Protezzjoni ta' Embrijuni – impjegati — remunerazzjoni

Question

B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 28724, jista’ l-Ministru jgħid xi grad għandu kull impjegat tal-Awtorità għall-Protezzjoni ta' Embrijuni (EPA) u f’liema skala hu s-salarju tiegħu? Jista' jgħid ukoll x’perks oħra għandu kull impjegat minbarra s-salarju u fil-każ x’inhuma?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gradi tat-tlett impjegati tal-Awtorità għall-Protezzjoni ta' Embrijuni huma ta' Executive Director, Deputy Head u EO bi skala ta' salarju 4, 5 u 14 rispettivament.
Leg 12 PQ #28935 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Pazjenti Għawdxin — servizz ta' coach/mini van għall-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex pazjenti Għawdxin li jużaw is-servizz ta' coach/mini van li twassalhom l-Isptar Mater Dei f'ċertu ġranet qed ikollhom jistennew sa tard filgħaxija biex din il-coach teħodhom lura lejn Għawdex u dan minkejja li jkunu ilhom diversi sigħat li jkunu lesti mill-appuntament tagħhom? Jista' jirrimedja biex din it-tbatija ta' pazjenti Għawdxin tiġi mnaqqsa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta' transport minn Għawdex isir kuljum bejn it-Tnejn u s-Sibt lejn u minn l-Isptar Mater Dei u entitajiet oħra tas-Saħħa f’Malta, skont il-bżonn u r-rikjesta tal-pazjent. Dan is-servizz hu mingħajr ħlas. Is-servizz provdut isir permezz ta’ coach li titlaq mill-isptar t'Għawdex għal mal-vapur tas-7.30am. Bħala rutina, il-coach terġa' lura minn Mater Dei u għal Għawdex mal-vapur tas- 2pm jew 3pm skont iċ-ċirkustanzi meħtieġa. F'każijiet ta' eċċezzjoni il-coach tirkeb ma' vapur aktar tard skont il-ħtieġa ta' pazjenti partikolari.
Leg 12 PQ #28936 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ċittadella – master plan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27507, u jgħid b' kollox kemm sewa l-proġett tat-twettiq tal-Master Plan taċ-Ċittadella? Jista’ jagħti lista fiex intefaq dan l-ammont? Kemm tħallas kull kuntrattur li ħadem fuq dan il-proġett u f'kull każ ix-xogħol ingħata b'direct order, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'tender?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-informazzjoni rikjesta hija waħda voluminuża. Għaldaqstant ninforma lill-istess Onor. li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #28937 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sptar Ġenerali t’Għawdex — art

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24421, u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim/kuntratt li permezz tiegħu l-art fejn hemm l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għaddiet għand il-Malta Industrial Parks? Jista' jgħid għaliex l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għadda għand il-Malta Industrial Parks u jekk issa allura ż-żona tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hijiex qed tiġi meqjusa bħala żona industrijali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-art fejn hemm l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaddiet lill- Malta Industrial Parks skont l-Ordinanza tal-Kummissarju tal-Art (Kap 169) tal-Liġijiet ta’ Malta, permezz ta’ Avviż Legali Nru 95/2016. Il-pjanta ta’ din l-art ġiet transunta fl-Atti tan-Nutar Tania Spiteri datat 8 ta’ Marzu 2016. Kopja ta’ l-Avviż Legali flimkien ma’ l-Att qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #28961 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Gozo General Hospital – Strategic Leadership Board – membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iStrategic Leadership Board for Gozo General Hospital għadux jeżisti? Jekk iva, jista' jgħid minn huma l-membri attwali ta' dan il-Bord? Jista' jgħid kemm-il darba ltaqa' dan il-Bord matul is-sena 2016? Jista' jpoġġi l-kopja tal-minuti tal-laqgħat ta' dan il-Bord fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord imsemmi minnu kellu terminu ta' sena, liema terminu ma ġiex imġedded.
Leg 12 PQ #28962 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għawdex – Kunsill tal-Istudenti fis-Sixth Form — elezzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tal-Istudenti fis-Sixth Form ta' Għawdex ġiex kostitwit fil-bidu tas-sena skolastika li qegħdin fiha, kif kien qal li se jsir fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 26240? Jista' jgħid min huma l-membri ta' dan il-kunsill u meta saret l-elezzjoni? Jekk l-elezzjoni għadha ma saritx, meta hu maħsub li ssir u dan peress li din hija l-uniku skola post sekondarja f'Malta u f'Għawdex li ma għandhiex Kunsill tal-Istudenti kif titlob il-Liġi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill tal-Istudenti ġie kostitwit kif imwiegħed. Infurmat li peress li ma kien hemm l-ebda statut u l-ebda Kunsill preċedenti, ġie adottat l-istess statut imħaddan minn Giovanni Curmi Higher Secondary School kif indikat lis-Sixth Form ta’ Għawdex mid-Direttorat Ġenerali għal Servizzi Edukattivi (DES), b’xi differenzi minimi. Ġiet applikata klawsola 7.5 (iv) ta’ dan l-istatut u għalhekk ma saritx elezzjoni. L-ismijiet tal-membri ta’ dan il-Kunsill tal-Istudenti qed jingħataw lill-Onor. Interpellant separatament.

MCCAA – Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – konsultazzjoni pubblika

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28530, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Bord tal-Gvernaturi tal-MCCAA ġiex ikkonsultat qabel l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni bagħat il-kontribuzzjoni tiegħu?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-kontribuzzjoni saret mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u għal din ir-raġuni l-Bord ma ġiex ikkonsultat.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – kontribuzzjoni fil-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni Ewropea ‘Empowering the National Competition Authorities to be more Effective Enforcers

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28530, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn il-kontribuzzjoni tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni hija meqjusa bħala kunfidenzjali?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju bagħat it-tweġibiet għall-kwestjonarju u għażel li jwieġeb skont waħda mill-għażliet offruti jiġifieri li “ Cannot be directly published but may be included within statistical data.” Dan sar għax ċertu informazzjoni tista’ tkun, informazzjoni interna jew sensittiva.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – kontribuzzjoni għall-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni Ewropea ‘Empowering the National Competition Authorities to be more Effective Enforcers

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28530, peress li l-Ministru rreferiet għall-għadd ta’ awtoritajiet ta’ stati membri oħra li għażlu li t-tweġibiet tagħhom jintbagħtu fuq bażi kunfidenzjali u ma jiġux ippubblikati, tista’ l-Ministru tgħid għal liema awtoritajiet oħra qed tirreferi u li allura għażlu li jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom b’dan il-mod?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li kif jirriżulta mis-sit tal-Kummissjoni Ewoprea http://ec.europa.eu/competition/consultations/2015_effective_enforcers/index_en.html taħt is-sezzjoni “Public Authorities”, numru ta’ awtoritajiet għażlu li t-tweġibiet tagħhom jiġu ippubblikati mentri t-tweġibiet ta’ awtoritajiet oħra ma ġewx ippubblikati fosthom tal-Bulgaria, Greċja, Ungerija, Slovenia, Ċipru, Lussemburgu u Polonja.

Direttur Ġenerali (Konsumatur) – ħruġ ta’ Avviżi Pubbliċi skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumaturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena, minn Marzu 2013 ‘il hawn, kemm-il avviż pubbliku ġie maħruġ mid-Direttur Ġenerali (Konsumatur) skont l-Artikolu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur għad-deċiżjonijiet tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi li ma ġewx onorati? Għal kull każ, tista’ tindika meta nħarġet id-deċiżjoni tat-tribunal, meta ġie maħruġ l-avviż pubbliku mid-Direttur Ġenerali (Konsumatur) u kemm għadda żmien biex ġie maħruġ l-avviż pubbliku minn meta nħarġet id-deċiżjoni tat-Tribunal? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal u l-avviżi pubbliċi riferuti?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informzzjoni mitluba.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – laqgħat mal-organizzazzjoni li tablet il-ħruġ ta’ interim measure

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28886 fejn intqal li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni mhux obbligat joħroġ deċiżjoni jekk issirlu talba biex tinħareġ interim measure, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret bejn l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u l-organizzazzjoni li talbet li tinħareġ l-interim measure? Jekk dawn il-laqgħat ma sarux, tista’ tgħid għaliex dawn ma sarux?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li peress li l-Ufficcju tal-Kompetizzjoni kien għadu qed jiġbor l-informazzjoni mingħand l-intrapriżi msemmija fit-talba, ma setgħax joħroġ interim measure jew jiltaqa’ mal-organizzazzjoni li kienet qed tagħmel it-talba.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar ix-xandir ta’ sports

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28891 rigward ix-xandir tal-isports, partikolarment tal-football, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-każ huwiex meqjus bħala magħluq mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Ufficcju ma jqisx li l-kaz huwa magħluq.
Leg 12 PQ #29097 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

IVF – fees għall-persuni

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-fees għall-persuni li jridu jagħmlu IVF telgħet minn €60 għal €130? Għaliex kien hemm din iż-żieda ta' aktar mid-doppju? Ma jħossx il-Ministru li dan huwa piż żejjed fuq il-persuni li jridu jagħmlu l-IVF?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma’ teżisti ebda miżata għal koppji li japplikaw għall-IVF.
Leg 12 PQ #29098 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar San Luqa – Kamra Mortwarja – Doctors’ Quarters

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fl-Isptar San Luqa tneħħiet il-Kamra Mortwarja li kienet tintuża mill-Isptar Karin Grech u li issa saret kamra temporanja fejn darba kien hemm id-Doctors’ Quarters? Jista’ jgħid jekk dan sarx bl-awtorizzazzjoni tas-sanità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li issa beda’ xogħol ta’ rinnovar fil-faċċata tal-isptar San Luqa, l-kamra mortwarja ta’ l-istess sptar mhiex qed tintuża u qed tintuża minflok dik ta’ Mater Dei.
Leg 12 PQ #29099 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Karin Grech – trasport ta’ pazjenti mejta

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li t-trasport ta' pazjenti li jkunu mietu fl-Isptar Karin Grech ingħata lill-Kummissjonant mingħajr ma ħarġet tender permezz ta' direct order u dan biex iġorr il-mejtin minn San Luqa għall-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ftehim mal-kummissjonant msemmi minnha ma sarx mill-Ministeru għas-Saħħa.
Leg 12 PQ #29100 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Spiżeriji tal-Għażla Tiegħek – Tamoxifen 20mg

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li t-Tamoxifen 20mg kienet nieqsa minn ħafna Spiżeriji tal-Għażla Tiegħek f'Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2016 sal-ġurnata tal-lum il-mediċina Tamoxifen 20mg dejjem kienet in stock.