Supplementary Financial Estimates 2016 – Medicines and Surgical Materials
Question
B'referenza għas-Supplementary Financial Estimates 2016, Vot 32, (5400) Medicines and Surgical Materials, jista' l-Ministru jikkonferma li ż-żieda fil-budget tal-mediċini għas-sena 2017 fil-fatt mhijiex ta' €4,000 kif iddikjara hu fil-parlament iżda hija fil-fatt ta' €1,750,000 biss għaliex minn €94,250,000 se titla' għal €96,000,000? Jista’ jgħid din iż-żieda fin-nefqa x'se tkopri?
Response (FEARNE, CHRIS)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li d-differenza fin-nefqa tal-mediċini bejn l-budget tal-2017 u l-budget 2016 hija ta’ 4 miljun ewro u mhux 4 t’elef kif qed tindika fil-mistoqsija tagħha l-Onorevoli Interpellant.
Labour Supply Agreement bejn il-Gvern Malti u l-VGH
Question
B'referenza għal-Labour Supply Agreement bejn il-Gvern Malti u l-Vitalis Global Healthcare (VGH), jista' l-Ministru jgħid jekk il-List of Resources (il-lista tal-ħaddiema li għandha bżonn il-VGH biex tħaddem it-tliet sptarijiet) ġietx miftiehma u konkluża? Jekk iva, jista’ l-Ministru jpoġġi din il-lista fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, meta se tiġi konkluża?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-lista li qed tagħmel referenza għaliha hi tinkorpora l-ħaddiema li kienu mpjegati fl-isptarijiet msemmija f'Ġunju ta’ din is-sena.
VGH – xiri ta’ mediċini u apparat mediku mingħand aġenti Maltin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Vitalis Global Healthcare (VGH) humiex se jixtru l-mediċini u l-apparat mediku mingħand l-aġenti Maltin jew jekk hux se jixtruhom direttament minn barra minn Malta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ħafna mill-mediċini u apparat mediku għall-użu fl-isptarijiet San Luqa, Karen Grech u t'Għawdex għadhom qegħdin jinxtraw mingħand l-istess aġenti lokali.
Ċentru tas-Saħħa ta’ Victoria (Għawdex) – parti mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Victoria (Għawdex) se jkun parti mill-Isptar t'Għawdex u se jkun qed jitmexxa mill-Vitalis Global Healthcare (VGH) ukoll?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ftehim ta' Public Private Partnership bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare jinkludi l-bini ta' Ċentru tas-Saħħa ġdid ġewwa Għawdex.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 28980, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jiġi assigurat li l-basemap li għaddiet mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar għal għand Identity Malta hi kompluta meta hemm binjiet li ilhom mibnija numru kbir ta' snin , li uħud minnhom huma wkoll mibnija mill-gvern, li iżda xorta ma jidhrux fuq il-pjanti li għaddew għal għand Identity Malta? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn il-pjanti fil-fatt jiġu aġġornati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għadha kif xtrat software ġdid li jista’ ma jkunx kompatibbli mas-sistema li għandhom Identity Malta. Bħalissa qed issir proċess ta’ quality control fuq id-data li ngħatat lil Identity Malta biex, jekk huwa l-każ, jigu vverifikati xi nuqqasijiet u tinstab soluzzjoni mmedjata.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward tindif ta’ għalqa fiż-Żejtun, li r-ritratti tagħha qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi qed issir verifika min hu s-sid ta’ din l-art. Sadanittant sabiex jitneħħa l-inkonvenjent lir-residenti tal-madwar, sar tindif max-xifer ta’ din l-għalqa.
Jista’ l-Ministru jara li jitwaqqaf stage għall-karozzi tal-linja fi Triq Luqa, Paola, Tarxien fejn jgħaddu l-X3, l-X2 u l-83 peress li t-triq hi wiesgħa u jista’ jsir shelter?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar konsiderazzjoni.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward pensjoni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-persuna li d-detttalji dwarha qed jingħataw b’mod separat semmija għadha ’l bogħod milli tkun eliġibbli għall-pensjoni. Filfatt il-persuna msemmija għandha 57 sena u l-età pensjonabbli tagħha hi ta’ 64 sena.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward saqaf perikoluż?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar għamlet kuntatt mal-persuna imsemmija. Ma jidhirx li dan il-post ġewwa il-Marsa huwa proprjetà tal-Gvern jew tal-Awtorità tad-Djar u ma jidhirx ukoll li din il-persuna għandha applikazzjoni pendenti taħt xi skema tal-Awtorità tad-Djar fejn jiġi eliminat perikolu f’residenzi.
Jista' l-Prim Ministru jikkunsidra t-talba pendenti quddiem id-Dipartiment tal-Artijiet għall-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kien ittieħed b'possession and use u li qed jiġi okkupat b'mod illegali hekk kif żvelat permezz ta’ mistoqsija parlamentari 25414 fis-seduta 389 fis-16 ta' Mejju 2016, sabiex jingħata lura lis-sidien oriġinali ġaladarba d-Dipartiment tal-Artijiet m'għandux aktar bżonnu?
Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni sabiex jiġi stallat bus stop fiż-żona ta’ madwar l-Iskola St. Dorothy ġewwa Ħaż-Żebbuġ, minn fejn tgħaddi r-rotta 109, u dan sabiex ir-residenti taż-żona ma jkollhomx għalfejn jimxu saż-żona tal-pjazza biex jieħdu din ir-rotta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar konsiderazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Triq Daħlet ix-Xmajjar, fil-parti magħrufa bħala Żona C, fejn xi żmien ilu kien sar xogħol mill-Enemalta, li iżda baqa’ qatt ma ġie rranġat sew wara li sar l-istess xogħol, jittieħdu l-passi neċessarji biex din il-parti tat-triq tiġi rranġata mill-ġdid, u dan biex ma jibqgħux isiru ħsarat kemm lill-istess triq kif ukoll għal dawk il-vetturi li jgħaddu minnha?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat minn Enemalta plc li saru xogħlijiet ta’ tħaffir f’din it-triq biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tkompli titjieb il-kwalita’ tas-servizzi lill-klijenti. It-trinka saret fi trejqa fil-kampanja li mhijiex miksija bl-asfalt. It-tiswijiet tal-partijiet tat-triq fejn saret it-trinka ser jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Projects Malta fasslitx xi programm ta' xogħol bħal dak li tfassal għall-inħawi ta' Marsaxlokk, biex isir l-investiment neċessarju fuq it-toroq ta' Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar, u dan għaliex kif inhu magħruf, dawn l-inħawi jservu ta' residenza għal madwar erbgħin elf ruħ, u wkoll il-lokal li fih l-ikbar numru ta' sodod għat-turisti (iktar minn 12,000 sodda)? Jista' jagħti tagħrif jekk fil-fatt Projects Malta għandhiex xi pjan ta' investiment għal dawn l-inħawi, u fil-każ, fiex mistenni li jintefqu l-flus?
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tingħata t-tweġiba għat-talba li qed tagħmel sabiex hi jkollha ċ-ċittadinanza Maltija li ilha tapplika għaliha snin?
Mosta — Triq il-Kbira salib it-toroq ma Triq il-Kostituzzjoni - pelican lights
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi sabiex jara li jsiru pelican lights f'tarf ta' Triq il-Kbira salib it-toroq ma' Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta, peress li din it-talba qed issir sabiex ladarba diġà hemm zebra crossing it-traffiku ma jkunx imwaqqaf kontinwament hekk kif ikun hemm kultant persuni li jkunu qed jaqsmu it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta talbet lill-Kunsill Lokali iżjed kjarifiki rigward din it-talba f’Novembru li għadda. L-Awtorita’ qed tistenna risposta mingħand l-istess Kunsill.
Mosta — Triq Valletta - xogħol ta' twessigħ tat-triq
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li jsir ix-xogħol li permezz tiegħu titwessa' t-triq ta' madwar ir-roundabout li hemm f'tarf Triq Valletta Mosta hekk magħrufa bħala r-roundaboutta' Kinds peress li din it-talba qed issir sabiex ir-roundabout tiċkien u tkun tista' tippermetti li madwarha jkun hemm two lane għal vetturi li jkunu jistgħu jgħaddu u jsuqu bil-mod u ferm aħjar milli qed isir fil-preżent?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-suġġeriment se jiġi kkunsidrat mal-pjanijiet għal introduzzjoni ta’ roundabout ġdida fil-viċinanzi, liema xogħlijiet huma mistennija jibdew wara li jitlestew x-xogħlijiet tal-Proġett tal-Kappara.
Mosta — Vjal Indipendenza salib it-toroq ma' Triq il-Mitħna - traffic lights
Question
Jista' l-Ministru jara li fi Vjal Indipendenza fil-Mosta salib it-toroq ma' Triq il-Mitħna jsiru traffic lights u sakemm isiru dawn it-traffic lights isiru rubber bollards fl-istess Vjal Indipendenza f'salib it-toroq ma' Triq il-Mitħna peress li din it-talba qed issir sabiex jitnaqqas in-numru ta' inċidenti ta' traffiku li qed iseħħu minħabba li jkun hemm karozzi li jaqsmu mit-Triq il-Mitħna għan-naħa l-oħra opposta fl-istess triq fi Vjal Indipendenza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din it-talba ser tigi investigata minn Transport Malta minħabba li Triq Pantar ġiet miftuħa għat-traffiku u għalhekk l-ammont ta’ vetturi li joħorġu minn Triq il-Mitħna għal Vjal l-Indipendenza, naqas konsiderevolment.
Mosta — Triq il-Kungress Ewkaristiku salib it-toroq ma' Vjal Indipendenza - twessigħ fil-wesa' tat-triq
Question
Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex jara li jsir xogħol li permezz tiegħu jkun hemm twessigħ fil-wesa' tat-triq li hemm madwar ir-roundabout li hemm f'tarf ta' Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta, salib it-toroq ma' Vjal Indipendenza peress li din it-talba qed issir sabiex ikun hemm twessiegħ fit-triq ħalli mar-roundabout ikunu jistgħu jgħaddu żewġ karozzi u hekk it-triq madwar ir-roundabout tiġi two-lane?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħadet nota ta’ dan is-suġġeriment.