Billi ġie rappurtat li kien hemm min intalab li jservi ta' konsulent tal-gvern u aċċetta iżda għadu ma ġiex iffirmat il-kuntratt, jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-konsulenti li għadu ma ġiex iffirmat il-kuntratt magħhom u għaliex?
Jista' l-Ministru jgħid x'talbiet saru lid-direttur tal-kunsilli lokali fix-xhur ta' Marzu u April 2013?
Response (VELLA, KARMENU)
L-Onorevoli Interpellant tifhem u tapprezza li kull kap ta’ dipartiment jirċievi bosta talbiet b’mod naturali fir-rutina ta’ kuljum. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant tkun aktar speċifika għal liema u tip ta’ talbiet qed tirreferi għalihom.
Jista' l-Ministru jispjega għalfejn il-post ta' Voluntary Services Officer fi ħdan l-Isptar Mater Dei issa sar Voluntary Service Co-ordinator? Fuq liema kriterji intagħżlet il-persuna biex tagħmel dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk l-għaqdiet volontarji fl-Isptar Mater Dei (li huma madwar 14) ġewx ikkonsultati? Jista' jgħid jekk saritx sejħa pubblika?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li din il-posizzjoni ġiet mibdula minħabba l-esiġenzi tas-servizz. Il-persuna intgħażlet fuq kriterji ta’ kapaċita’, bżulija u dħulija. Din l-għażla mxiet skont kriterji diġa stabbiliti u ma kienx hemm il-bżonn li l-għaqdiet volontarji jiġu kkonsultati u toħroġ sejħa pubblika.
Tista' l-Ministru tagħti n-numru eżatt ta' applikazzjonijiet li hemm quddiem l-Awtorità tad-Djar? X'inhi l-klassifikazzjoni ta' dawn l-applikazzjoni (struttura perikoluża, homelessness, exchange, eċċ.)? X'inhu t-timeframe tal-Ministru biex taqdi lill-applikanti kollha? Kemm daħlu applikazzjonijeit fis-snin 2008, 2009, 2010, 2011, 2012 (sena b'sena) u minn Jannar sat-8 ta' Marzu 2013? Minn liema lokalitajiet daħlu dawn l-applikazzjonijiet?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-Informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — membri tas-segretarjat
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri kollha tas-segretarjat privat tiegħu, kif ukoll tas-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru? X'inhi l-kariga ta' kull wieħed u waħda minn dawn l-impjegati? X'inhuma r-responsabbilitajiet ta' kull kariga? X'inhu s-salarju tagħhom, l-allowances li għandhom dritt għalihom kif ukoll benefiċċji oħra li jagħmlu parti mill-pakkett offrut lilhom f'dan l-impjieg? X'inhuma l-kwalifiki ta' kull wieħed u waħda minnhom? X'kien l-impjieg jew il-kariga tagħhom bejn l-1 ta' Marzu 2012 u t-8 ta' Marzu 2013? X'kien id-dħul tagħhom minn dan l-impjieg?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor interpellant li l-complement kif ukoll salarji, allowances, eċċ... tal-istaff fis-Segretarjati Privati kollha huma kif stabbiliti fid-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar is-salarji li dawn il-persuni kellhom qabel ma bdew jaħdmu fis-segretarjati, l-Onorevoli Interpellant taqbel miegħi li minbarra li din l-informazzjoni mhux soltu tintalab minn min iħaddem, id-diffużjoni tagħha tista’ tkun ksur tad-dritt tal-privatezza tal-persuni.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — membri tas-segretarjat
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid min huma l-membri kollha tas-segretarjat privat tiegħu, kif ukoll tas-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru? X'inhi l-kariga ta' kull wieħed u waħda minn dawn l-impjegati? X'inhuma r-responsabbilitajiet ta' kull kariga? X'inhu s-salarju tagħhom, l-allowances li għandhom dritt għalihom kif ukoll benefiċċji oħra li jagħmlu parti mill-pakkett offrut lilhom f'dan l-impjieg? X'inhuma l-kwalifiki ta' kull wieħed u waħda minnhom? X'kien l-impjieg jew il-kariga tagħhom bejn l-1 ta' Marzu 2012 u t-8 ta' Marzu 2013? X'kien id-dħul tagħhom minn dan l-impjieg?
Response (GRECH, LOUIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 324 .
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — membri tas-segretarjat
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri kollha tas-segretarjat privat tiegħu, kif ukoll tas-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru? X'inhi l-kariga ta' kull wieħed u waħda minn dawn l-impjegati? X'inhuma r-responsabbilitajiet ta' kull kariga? X'inhu s-salarju tagħhom, l-allowances li għandhom dritt għalihom kif ukoll benefiċċji oħra li jagħmlu parti mill-pakkett offrut lilhom f'dan l-impjieg? X'inhuma l-kwalifiki ta' kull wieħed u waħda minnhom? X'kien l-impjieg jew il-kariga tagħhom bejn l-1 ta' Marzu 2012 u t-8 ta' Marzu 2013? X'kien id-dħul tagħhom minn dan l-impjieg?
Response (VELLA, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari Numru 324.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri kollha tas-segretarjat privat tiegħu, kif ukoll tas-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru? X'inhi l-kariga ta' kull wieħed u waħda minn dawn l-impjegati? X'inhuma r-responsabbilitajiet ta' kull kariga? X'inhu s-salarju tagħhom, l-allowances li għandhom dritt għalihom kif ukoll benefiċċji oħra li jagħmlu parti mill-pakkett offrut lilhom f'dan l-impjieg? X'inhuma l-kwalifiki ta' kull wieħed u waħda minnhom? X'kien l-impjieg jew il-kariga tagħhom bejn l-1 ta' Marzu 2012 u t-8 ta' Marzu 2013? X'kien id-dħul tagħhom minn dan l-impjieg?
Response (VELLA, KARMENU)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari Numru 324.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — membri tas-segretarjat
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri kollha tas-segretarjat privat tiegħu, kif ukoll tas-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru? X'inhi l-kariga ta' kull wieħed u waħda minn dawn l-impjegati? X'inhuma r-responsabbilitajiet ta' kull kariga? X'inhu s-salarju tagħhom, l-allowances li għandhom dritt għalihom kif ukoll benefiċċji oħra li jagħmlu parti mill-pakkett offrut lilhom f'dan l-impjieg? X'inhuma l-kwalifiki ta' kull wieħed u waħda minnhom? X'kien l-impjieg jew il-kariga tagħhom bejn l-1 ta' Marzu 2012 u t-8 ta' Marzu 2013? X'kien id-dħul tagħhom minn dan l-impjieg?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni li tista' tingħata s'issa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fis-26 ta’ Marzu 2013 b’numru PR0469, jista’ l-Prim Ministru jipprovdi l-informazzjoni mitluba hawn taħt fir-rigward ta’ kull wieħed mis-seba’ Segretarji Permanenti li kienu jservu fil-leġiżlatura preċedenti u li skont l-istess stqarrija ma reġgħux ġew appuntati:
a) x’kienet ir-raguni li ntalab ir-riżenja tiegħu u jekk din it-talba saritx b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku;
b) x’kienu s-salarju, benefiċċji u kundizzjonijiet oħra li kellu sakemm kien fil-pożizzjoni ta’ Segretarju Permanenti;
ċ) xi grad tpoġġa fih wara li ma baqgħax jaġixxi ta’ Segretarju Permanenti;
d) x’inhuma s-salarji, benefiċċji u kundizzjonijiet oħra li għandu l-uffiċjal pubbliku rispettiv illum; u
e) x’inhuma l-funzjonijiet u l-proġetti li ngħata biex jaħdem fuqhom, u x’responsabilitajiet għandu bħala uffiċjal pubbliku llum?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Gvern ġdid ħass li hija biss etika li Segretarju Permanenti li jrid jaħdem spalla ma’ spalla ma’ Ministru ġdid jofri r-riżenja. Il-Public Service Commission (PSC) ġiet konsultata u kollox sar skond kif jitolbu r-regoli. Din ma kinietx l-ewwel darba li seħħ dan. Fl-Amministrazzjoni preċedenti kien hemm drabi oħra fejn Segretarji Permanenti ntalbu jagħtu r-riżenja tagħhom jew sarulhom arranġamenti oħra biex ma baqgħux Segretarji Permanenti. Dan seħħ ukoll ma Segretarji Permanenti maħtura mill-istess Amministrazzjoni.
Sakemm kull Segretarju Permanenti kien fil-kariga, kull wieħed minnhom kellu s-salarju, benefiċċji u kundizzjonijiet oħra li ġġor magħha din il-ħatra. Nirreferi l-Onor interpellant għal PQ263 dwar il-pakkett finanzjarju tas-Segretarji Permanenti.
Il-grad li tpoġġa fih kull Segretarju Permanenti li ma baqax fil-ħatra huwa dak sostantiv tiegħu. Madankollu dawk l-ex Segretarji Permanenti li kienu offrew ir-riżenja tagħhom qed isiru diskussjonijiet magħhom sabiex jagħtu s-servizz tagħhom f’oqsma differenti. Ir-rwoli li dawn se jinagħtaw ser ikunu qed iġorru magħhom pakkett finanzjarju li jlaħħaq dak li jgawdi Direttur Ġenerali. Nirreferi lill-Onor interpellant għal PQ263 dwar il-pakkett finanzjarju ta’ Direttur Ġenerali.
Żewġ Segretarji Permanenti li m’offrewx ir-riżenji tagħhom għadhom qed igawdu mill-benefiċċji li kellhom meta kienu għadhom Segretarji Permanenti u dan għal disgħin (90) jum skond kif jitlob il-kuntratt ta’ Segretarju Permanenti.
Jista' l-Ministru jikkonferma li t-tnaqqis fl-income tax għal dawk li jaqilgħu sa massimu ta’ €60,000 li kien tħabbar fil-preżentazzjoni tal-Budget 2013 f’Diċembru 2012, li kellu jidħol fis-seħħ fl-2014 (29%) u fl-2015 (25%), se jidħol kif kien imħabbar?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nixtieq nikkonferma illi t-tnaqqis fir-rati tat-taxxa tad-dħul se jidhlu fis-seħħ kif tħabbru fl-aħħar bagit.
Jista’ l-Ministru jipprovdi status update dettaljat dwar il-progress li sar fuq il-proġett li qed tmexxi l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jidhru separatament? Jista' jagħti d-dettalji marbutin mal-investiment li s’issa għamel il-gvern (direttament jew permezz ta’ xi entità tiegħu) f’dan il-proġett?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jispjega x’inhuma l-miri strateġiċi tal-gvern fil-qasam tal-ekonomija digitali u xi prijoritajiet se jkun qed jaħdem fuqhom matul l-2013?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ dokumenti li juru l-miri tal-Gvern fil-qasam tal-ekonomija diġitali. Wieħed minn dawn huwa artiklu tal-Onorevoli Segretarju Parlamentari għall-Kompettitivita’ u Tkabbir Ekonomiku msejjaħ “Attaining the Digital Economy” u li kien ippubblikat fil-ħarġa tas-Sunday Times tal-Ħadd 14 ta’ April 2013, u l-ieħor huwa l-“Istrategic Plan Update 2013-2015” tal-Malta Communications Authority. Mira ewlenija tal-Gvern għas-sena 2013 hija li jfassal mill-ġdid Strateġija Nazzjonali għall-Ekonomija Diġitali ta’ Malta, wara li l-istrateġija tal-Gvern preċedenti, l-hekk imsejħa Smart Island, tħalliet tiskadi fl-2010 u din baqgħet ma kinitx aġġornata.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tad-Djar għal akkomodazzjoni alternattiva fil-31 ta’ Marzu 2013? Tista' tindika kemm hemm applikazzjonijiet pendenti minn kull lokalità f’Malta u f'Għawdex?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jiġi assigurat li l-għassa tal-pulizija ta' San Pawl il-Baħar tkun miftuħa 24 siegħa kuljum?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat li fl-għassa tal-pulizija msemmija mill-Onor. Interpellant qed tkun miftuħa regolarment. Madankollu jista' jkun hemm drabi jew ħinijiet fejn l-esiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-pulizija li jkun għassa joħroġ fuq xi doveri oħra barra mill-għassa, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq temporanjament matul dak il-ħin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa full-time/part-time li hemm reġistrati f'kull lokalità f'Malta? Kemm minn dawn il-bdiewa, kemm full-time kif ukoll part-time idaħħlu prodotti agrikoli fil-pitkalija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li jeżistu 4 reġistri fejn jinżamm tagħrif dwar in-numru ta’ bdiewa full-time/part-time li huma rreġistrati. Dawn ir-reġistri, li fihom jista’ jkun hemm tagħrif komuni, huma: id-Direttorat tal-Agrikoltura, il-Paying Agency (IACS), il-Pitkalija u l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ.
Ninsab infurmat li minħabba n-natura tal-programm li fil-present qed jintuża ġewwa l-pitkalija, din l-informazzjoni mhux possibli li tiġi kumpilata b’mod awtomatiku. Ninsab infurmat ukol li d-Dipartiment tal-Informatika (MITA) għad irid ilesti dan il-programm awtomatiku.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il permess ingħata f'San Pawl il-Baħar biex jinqatgħu, siġar minn postijiet pubbliċi matul l-aħħar 12-il xahar? Liema siġar ġew approvati li jinqatgħu u minn fejn?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul l-aħħar 12-il xahar siġra protetta waħda biss inqalat minn post pubbliku f’San Pawl il-Baħar. Din kienet siġra taċ-ċipres u nqalat mit-Triq is-Simar. Ninsab infurmat ukol li siġar oħra setgħu nqalgħu fejn kien hemm ħsarat eżempju minn maltemp, aċċidenti tat-traffikku jew simili, li fuqhom ma jinżammx rekord.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar xogħol fuq slipway żgħir fil-Qawra, San Pawl il-Baħar, liema xogħol kien jikkonsisti fi tqegħid ta' konkos bejn l-art u l-baħar? Min wettaq ix-xogħol u kemm sewa l-istess xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ix-xogħlijiet li qed isiru bħalissa ġewwa l-Qawra huma fuq żewġ slipways kif ukoll il-moll tal-madwar. Ix-xogħlijiet qed isiru mill-ħaddiema tal-Gvern fis-Sezzjoni Marittima u Unit Għall-Kontroll tal-ilma tax-Xita, fil-Ministeru għat-Transport u l-Infrastruttura. Qed jintużaw ukoll kuntratturi privati li qegħdin fuq Period Contract għall-xogħlijiet li jirrikjedu ingenji kbar. Bħalissa tlesta x-xogħol fuq l-ewwel slipway u beda x-xogħol fuq is-slipway ta’ biswit kif ukoll fuq il-moll. Ix-xogħlijiet qed isiru skond kif hu rikjest mill-permess tal-MEPA PA5880/09. L-istima tax-xogħlijiet hi ta’ €44,702.
San Pawl il-Baħar — Triq San Ġorġ - restricted timed parking
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta awtorizzatx it-twaħħil ta' tabelli ta' restricted timed parking fi Triq San Ġorġ, San Pawl il-Baħar, qrib it-tarf tagħha sa ħdejn il-bank HSBC? Jekk iva, meta?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta ma ħarġet l-ebda approvazzjoni għal tabelli ta’ Skema ta’ Parkeġġ Ikkontrollat għar-Residenti fi Triq San Ġorġ, San Pawl il-Baħar.