Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jibda jiġi prodott ilma second class mill-inħawi tal-Mellieħa? Skont il-pjani li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fejn se jintuża dan l-ilma, u minn min?
Response (MIZZI, KONRAD)
Kif ġie rispost fil-mistoqsija parlamentari 428, l-ilma ttrattat u ppurifikat mill-Impjant ta' Trattament tad-Drenaġġ ta' Ċumnija limiti tal-Mellieħa jista' jintuża fost l-oħrajn mis-Settur Agrikolu.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Port Ruman - servizzi tal-ilma u drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fi Triq il-Port Ruman f'San Pawl il-Baħar, is-servizzi tal-ilma u d-drenaġġ humiex mgħoddija matul it-triq kollha, kulfejn hemm it-tarmac mogħti? Jekk le, f'liema parti tat-triq hemm servizzi li huma nieqsin (mhux imqiegħda f'posthom)?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija tingħata seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema li huma impjegati fid-diversi setturi li jaħdmu fid-dipartimenti tal-agrikultura u s-sajd? X'xogħol jagħmlu dawn il-ħaddiema?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema li huma impjegati fid-diversi setturi li jaħdmu fid-Dipartimenti tal-Agrikultura u s-Sajd ilaħħaq tlett mija u erbgħin (340). Ix-xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema taħt id-diversi setturi jinsabu elenkati fil-listi mehmuża li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra bħala Tabelli ‘A’, ‘B’ u ‘Ċ’.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux impjegati li huma mħarrġa fir-restawr ta' postijiet storiċi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat li taħtu jaqa’ ix-xogħol ta’ restawr ta' postijiet storiċi.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 171, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu r-road humps li ġew approvati biex jitqiegħdu f'San Pawl il-Baħar matul l-aħħar sena u nofs? F'liema toroq kien approvati tali humps?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li ma kienx hemm road humps approvati minn Transport Malta f’San Pawl il-Baħar f’dawn l-aħħar sena u nofs.
Billi fid-diskors tal-Baġit kien hemm referenza għal xi skema ta' rapid intervention fit-toroq Maltin, u ssemmiet b'mod partikulari l-Mellieħa bħala lokalità li se tkun inkluża f'din l-iskema, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se titħaddem din l-iskema?
Response (MIZZI, JOE)
Qed isiru preparamenti biex jinħoloq dan il-unit fejn l-għan tiegħu se jkun li jittieħdu passi immedjati fejn ikun hemm affarijiet ta’ periklu bħal ħofor, kif ukoll dwal u street furniture, u ta’ dak li jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru.
Tista' l-Ministru tara l-każ tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba li għandha problema minħabba children's allowance?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tar-raħal tagħha għal aktar dettalji.
Jista' l-Ministru jgħid jekk u kemm-il vettura ġiet mikrija mill-Ministeru tiegħu mill-11 ta' Marzu 2013?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għandu karozza mikrija għall-użu uffiċċjali tal-Ministru. Jien infurmat li karozza oħra li kienet mikrija mill-Ministeru ġiet irritornata numru ta’ ġimgħat ilu.
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għala l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, u li llum tokkupa kariga prominenti fis-sezzjoni tal-customer care fis-segretarjat tiegħu, għadha qed tagħmel xogħol kiliniku ġewwa l-Isptar Mater Dei in konnessjoni ma' teħid ta' demm u ultrasounds? Ma jaħsibx li tali aġir imur kontra kull etika stabbilita għall-impjegati fis-segretarjati u jikkonstitwixxi kunflitt kbir ta' interess?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Il-persuna msemmija fuq ftehim li sar bejn l-amministrazzjoni tal-Isptar Mater Dei u l-Ministeru, baqgħet tagħti l-kontribut siwi tagħha inkonnessjoni mal-programm tal-IVF li għandu x’jaqsam ma-natura speċjalizzata ta’ follicle tracking. L-istess persuna għadha impjegata tal-Isptar u ma nħareġ l-ebda kuntratt għax-xogħol mill-Ministeru. B’dan il-mod ma nħossx li hemm l-ebda kunflitt t’interess. L-uniku interess li nara huwa dak li l-pazjent jibqa’ moqdi kif xieraq u fil-ħin.
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni li marru d-Dipartiment tal-Emerġenza matul ix-xahar ta' Jannar, Frar u Marzu 2013? Kemm minnhom kienu category 1, 2 jew 3? Kemm minnhom kellhom ticket of referral mit-tabib tal-familja? Kemm minnhom iddaħħlu l-isptar?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif skont kif miġbur permezz tal-Accident & Emergency Module tal-Patient Administration System tal-Isptar Mater Dei.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm kienet l-average length of stay għall-pazjenti ġewwa l-Isptar Mater Dei matul ix-xahar ta' Jannar, Frar u Marzu 2013?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Skont informazzjoni miġbura, permezz tal-Hospital Activity Report tal-Patient Administration Sytem tal-MDH, l-average length of stay għall-pazjenti matul ix-xhur Jannar, Frar u Marzu 2013 kien : Jannar 5.3 %, Frar 5.2 %, u Marzu 5.1 %.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-bed occupancy ġewwa l-Isptar Mater Dei matul ix-xahar ta' Jannar, Frar u Marzu 2013?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Skont l-informazzjoni miġbura permezz tal-Hospital Activity Report tal-Patient Administration System ta’ MDH, l-average Bed Occupancy kien : F’Jannar 2013 – 90.5%, fi Frar 2013 – 93.5% u f’Marzu 2013 kien 90.6%.
MCA — Bord tad-Diretturi u Chairman - remunerazzjoni u benefiċċji
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kienu ċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) fi Frar 2013? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra kellu kull wieħed minnhom?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. Ir-renumerazzjoni tad-diretturi tal-Malta Communications Authority huma ffinanzjati minn fondi li jinġabru mill-operaturi fil-qasam u mhux minn fondi pubbliċi
MCCAA — Diretturi Ġenerali u Diretturi oħra - remunerazzjoni u benefiċċji
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kienu d-Diretturi Ġenerali u d-direttur oħra tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAAA) fi Frar 2013? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra kellu kull wieħed minnhom?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel d-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.