Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi vverifikat dan il-każ min-naħa tal-Awtorità tad-Djar li dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Awtorità tad-Djar għamlet kuntatt mal-inkwilin li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn ġie kkonfermat l-ilment tiegħu, liema ilment ġie indirizzat kif ukoll saru t-tiswijiet meħtieġa.

Proprjetà tal-Gvern – saqaf imwaqqa – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn waqa’ s-saqaf ta' dan il-post li hu proprjetà tal-Gvern?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma jirriżultax li l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet ilment dwar ħsarat strutturali mill-inkwilin li d-dettalji dwaru qed jingħataw b’mod separat. Madanakollu, diġa’ sar kuntatt mal-inkwilin kif ukoll ingħata appuntament biex issir spezzjoni fuq il-post minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar.

Problema ta’ supplimentari – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fuq problema ta’ supplimentari?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-persuna msemmija kienet infurmata b’ittra datata 7 ta’ Diċembru 2016, maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, bir-raġuni ‘l għaliex mhix intitolata għall-Għajnuna Supplimentari. Il-klijent ingħata l-istess spjegazzjoni meta mar l-uffiċċju distrettwali tal-lokalità tiegħu, fil-15 ta’ Diċembru, 2016.

Programm Leader – proġetti minn fondi Ewropej – ex/post on-site inspection

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-kriterji li jintużaw sabiex jintgħażlu l-benefiċċjarji ta’ proġetti minn Fondi Ewropej taħt il-programm Leader għal-Ex/Post on-site inspections? Jista’ wkoll jagħti lista ta’ liema proġetti saritilhom ex/post on-site inspection tal-proġetti taħt il-programm Leader, xahar b’xahar mis-sena 2013 ‘l hawn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontrolli li jsiru ex post fuq progetti taħt mizuri tal-investment fill-fond agrikolu għall-iżvilupp rurali huma dawk meħtieġa skont Article 71 tar-Regolament (EU) No 1303/2013 of the European Parliament and of the Council, li jgħoddu għal ħames snin mid-data pagament finali sabiex jiġi żgurat li qed jinżammu r-rekwiżiti ta’ durabilita’. Dawn il-kontrolli isiru skont kif maħsub taħt l-artiklu 52 tal- Commission Implementing Regulation 809/2014, u ċioe’ fuq kampjun magħżul fuq bażi ta’ analiżi tar-riskju li miegħu jiġu miżjuda l-ispezzjonijiet li jsiru kull darba li l-Aġenzija tal-Pagamenti tirċievi senjalazzjoni ta’ ksur potenzjali, kif ukoll fuq kampjun aleatorju. Mill-2013 sal-lum saru 3 kontrolli ‘ex-post’ fuq il-proġetti taħt il-programm Leader, b’numru t’applikazzjoni NGO00002, NGO00020 u 1286-1403. Waqt li l-ewwel żewg kontrolli ġew iffinalizzati, l-kontroll fuq l-aħħar applikazzjoni ma ġiex finalizzat minħabba li l-benefiċarju ma kkonfermax l-appuntament sabiex issir l-ispezzjoni necessarja.

Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada- impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada f’April tal-2013 u kemm kien hemm impjegati mal-istess entità fl-aħħar ta’ Novembru 2016? Jista’ jagħti lista sħiħa bin-numru ta’ impjegati f’kull pożizzjoni li kien hemm f’April 2013 u fl-aħħar ta’ Novembru 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) kellha 20 impjegat f’April 2013. Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, sar ħafna xogħol u investiment kbir mill-FTS matul dawn l-aħħar tliet snin u nofs rigward bini ġdid u titjib infrastrutturali tal-binjiet eżistenti għall-benefiċċju ta’ kull min jagħmel użu mill-faċilitajiet tal-iskejjel tal-istat. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra (Dok. ‘A’) lista ta’ proġetti li ġew kompluti fil-perjodu 2013 – 2016 kif ġiet ippreżentata mis-Sur Philip Rizzo, eks CEO tal-FTS, f'Ottubru 2016. Is-Sur Rizzo bagħat ukoll rapport ta’ “key performance indicators” li jispjega “the greater achievements” bejn l-2013 u l-2016 kif ipparagunati mal-2001 u l-2012. Dawn il- performance indicators li bagħat is-Sur Rizzo juru li għalkemm in-numru ta’ impjegati f’Novembru 2016 kien ta’ 41, il-produttività ta’ kull impjegat fl-FTS żdiedet b’27% mill-2012 għall-2016. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra (Dok. ‘B’) lista ta’ impjegati kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada – audits finanzjarji annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kumpanija kienet responsabbli mill-audits finanzjarji annwali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada fir-rigward tas-snin passati, mill-2013 sal-2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kumpanija li għamlet l-audits finanzjarji annwali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, fir-rigward tas-snin 2013, 2014 u 2015, hija l-kumpanija 3A Malta Ltd.

Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada – audits finanzjarji annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset il-kumpanija li għamlet audit finanzjarji annwali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada fir-rigward tas-snin passati, mill-2013 sal-2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kumpanija li għamlet l-audits finanzjarji annwali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada tħallset is-somma totali ta' ħdax-il elf sitt mija u tmienja u disgħin ewro (€11,698) fir-rigward tas-snin 2013, 2014 u 2015.

Mosta — pont ta' Triq il-Kostituzzjoni - siġra

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29245, peress li din is-siġra qed tikber fuq in-naħa ta' barra tal-pont u li qed tagħmel ħsara fuq l-istess pont u dan ifisser li din is-siġra qed tikber f'post fi ħdan Transport Malta jew l-Bridge Restoration Unit, jista' l-Ministru jara li titneħħa din is-siġra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-investigazzjoni li saru, ma jidhirx li hemm l-ebda ħsara fil-masonry vault imma jidher li din is-siġra qed taffettwa il-ħajt tal-parapett. Transport Malta se tkun qiegħda tieħu l-passi neċessarji biex tirranġa dan il-ħajt. Nerġa’ ntenni li ma jidhirx li hemm xi periklu jew saret xi ħsara fuq il-pont innifsu.
Leg 12 PQ #29361 Sitting 466 2017-01-09 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Supply ta' elettriku sospiż

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta ġie sospiż is-supply tal-elettriku fil-komun tal-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Għal liema raġuni ġie sospiż is-supply tal-elettriku?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn ARMS Ltd. li minħabba l-Protezzjoni tad-Data, ma tistax tagħti informazzjoni fuq il-kontijiet tal-klijenti tagħha.

Il-Mosta — Vjal Valletta - pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li l-pelican lights li jinsabu f'Vjal Valletta f'salib it-toroq ma' Triq Pantar ikunu qed jiffunzjonaw għaliex sal-lum ma jistgħux jintużaw u qed jinħoloq periklu għal kull min ikun irid jaqsam it-triq ladarba hemm żewġ bus stops, wieħed fuq kull naħa tal-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment.

Sirens Waterpolo Pitch – Ħsarat minħabba maltemp

Question

Billi għal darba oħra l-pitch tal-waterpolo tas-Sirens ASC safa vittma tal-maltemp li kien hawn f'dawn l-aħħar jiem, matul Diċembru 2016, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser ikun qed jingħataw xi forma ta' sostenn finanzjarju biex dawn l-istess ħsarat jiġu msewwija? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru hux ser ikun qed jgħin finanzjarjament lil dan il-klabb, matul is-sena 2017? Jekk iva, kif ser tingħata din l-għajnuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ġiet mitluba mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol sabiex issib fondi ħalli jsiru t-tiswijiet meħtieġa. Iżda minn stħarriġ preliminari rriżulta illi l-ħsarat huma konsiderevoli u anke strutturali. Għalhekk tiswija mhix biżżejjed u hemm bżonn illi jsiru xogħlijiet anke fil-pedamenti tal-istruttura. Bħalissa għaddej l-istħarriġ li hemm bżonn sabiex jiġi stabbilit x'xogħol għandu jsir u stima tax-xogħlijiet kollha.

Malta u Għawdex – parkeġġi riservati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-postijiet ta' parkeġġi riservati madwar Malta u Għawdex li fil-fatt huma approvati minn Transport Malta, u li huma hekk approvati, minn Jannar 2013 sal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema reserved parkings qed jirreferi.

Menqa ta’ San Pawl il-Baħar – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-ministeru jibda x-xogħol neċessarju fuq il-Menqa ta' San Pawl il-Baħar u dan qabel ma titkompla ssir iktar ħsara lill-istess Menqa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta' tindif tal-Menqa u ta’ qtugħ ta' ġebel mill-barriera nbdew matul l-ewwel il-ġimgħa tas-sena. Il-ġebel ser jinħadem il-barriera biex kemm jista' jkun innaqqsu l-inkonvenjent tar-residenti ta' San Pawl il-Baħar.

Servizz tal-Karozzi tal-linja – tnaqqis bejn il-Milied u s-6 ta’ Jannar

Question

Billi jidher li s-servizz tal-karozzi tal-linja se jitnaqqas bejn il-Milied 2016 u s-6 ta’ Jannar 2017, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta approvatx tali tnaqqis, u jgħid ukoll jekk tali tnaqqis sarx ukoll fi snin preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma ġara fis-snin l-imgħoddija, fiż-żmien tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena, is-servizz tat-trasport pubbliku jiġi mħaddem fuq l-iskeda tas-Sibt. Madanakollu, is-servizz fuq dawk ir-rotot li jitħaddmu biss fost il-ġimgħa baqgħu jiġu pprovduti. It-tibdil temporanju fl-iskedi seħħ bejn is-26 ta’ Diċembru 2016 u s-6 ta’ Jannar 2017. Ta’ min wieħed jinnota li f’jum il-Milied, kif ukoll fl-Ewwel tas-Sena, s-servizz tat-trasport pubbliku jkun sospiż bejn nofsinhar u t-tlieta ta’ wara nofsinhar. Infurmat ukoll li Transport Malta, hekk kif għamlet fis-snin ta’ qabel, awtorizzat tali tibdil.

San Pawl il-Baħar – Triq San Ġorġ – xogħol ta’ trinek

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tatx permess għal xogħol ta’ trinek ħdejn il-GO fi Triq San Ġorġ f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jieħu l-passi neċessarji biex it-trinka li saret, tingħalaq kif suppost?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ permess li nħarġu fejn l-exchange tal-Go Plc ġewwa Triq San Ġorġ San Pawl il-Baħar. Jirriżulta li x-xogħlijiet fuq dawn iż-żewġ trinek ingħalqu bl-asfalt.

Mosta — manutenzjonu fil-binja tal-ħwienet fil-qasam ta' djar tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29246 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li fil-qasam ta' djar tal-Gvern fil-Mosta jsir xogħol ta' manutenzjoni mal-binja fejn hemm il-ħwienet quddiem id-Dar tal-Anzjani tal-Gvern peress li din it-talba qed issir għaliex ilu jinħass il-ħtieġa ta' dan ix-xogħol u ma tibqax tidher id-dehra ta' telqa fl-entratura tal-qasam tad-djar tal-Gvern li jixraqlu li jkollu l-entratura tiegħu tidher isbaħ?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Mosta — Vjal Indipendenza salib it-toroq ma' Triq il-Mitħna - traffic lights

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29243, peress li Triq Pantar ġiet miftuħa, jista' l-Ministru jikkonsidra li biex jitnaqqas in-numru ta' inċidenti ta' traffiku fi Triq l-Indipendenza minħabba l-vetturi li joħorġu minn Triq il-Mitħna, jista' bla dewmien ta' żmien isiru t-traffic lights u jekk ma jsirux dawn il-lights, isiru rubber bollards f'Vjal l-Indipendenza, salib it-toroq ma' Triq il-Mitħna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn konsultazzjoni li saret fi ħdan Transport Malta, jirriżulta li madwar 100metru ‘l bogħod fiż-żewġ direzzjonijiet, diġa’ jinsabu pedestrian crossings, għalhekk it-twaħħil ta’ tali lights mhux rakkomandat. Minflok ġie approvat it-twaħħil ta’ bollards biex il-vetturi ma jkunux jistgħu jaqsmu t-triq.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern lokali, Kunsilli Lokali u dipartimenti – ħlas lill-individwi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29116 u 29028 u jgħid kemm intefqu flus li ngħataw lil individwi li b'xi mod taw is-servizzi tagħhom lill-kunsill lokali, dipartiment jew segretarjat jew Ministeru, u li tħallsu mill-voti tal-istess dipartiment, segretarjat jew Ministeru, sena b'sena fl-2014, 2015 u 2016 sal-aħħar ta’ Novembru 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Ċittadinanza — Każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ ta' applikazzjoni għaċ-ċittadinanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza jiġu pproċessati mill-Unit taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija Identity Malta. L-applikanta tista’ tagħmel kuntatt direttament mal-Unit fuq imsemmi billi tibgħat e-mail fuq citizenship@gov.mt jew billi ċċempel fuq 25904168/69 u tagħmel il-mistoqsijiet tagħha lill-uffiċjali responsabbli.