Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentru tal-Arbitraġġ — Każijiet ġodda

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew reġistrati arbitraġġi tul is-sena li għaddiet 2012 u fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2012, ġew ippreżentati 431 każ fiċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta. Fil-perijodu bejn Jannar u Marzu tas-sena kurrenti, ġew ippreżentati 162 każ.

Korp tal-Pulizija — Ħatra ta' Kummissarju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 564 u 286 u jgħid jekk il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid saritx skont Kapitlu VII section 92 tal-Kostituzzjoni, li tgħid li l-kapijiet tad-dipartimenti, inkluż dak tal-Pulizija, jrid ikun membru tas-settur pubbliku?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat li l-ħatra tal-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija saret skont l-Artiklu 92(4) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Speed Cameras

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kemm saru kontravenzjonijiet minn speed cameras fl-aħħar 12-il xahar; b) kemm minn dawn il-kontravenzjonijiet ġew imħallsin; ċ) kemm minn dawn il-kontravenzjonijiet ġew appellati fit-tribunali lokali; u d) meta l-aħħar li ġiet kalibrata kull speed camera? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ċertifikat li jagħti prova ta' din l-aħħar kalibrazzjoni ta' kull speed camera?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħaddi l-informazzjoni lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #857 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lagħqa bejn il-Prim Ministru u l-President Franċiż

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min kien l-individwu li kien fil-karozza miegħu meta mar Pariġi, Franza u mar miegħu jiltaqa' mal-Prim Ministru Franċiż u mal-President Franċiż? Jista' jgħid min hu l-individwu li deher fuq il-mezzi tax-xandir ħiereġ mill-karozza mal-Prim Ministru fil-mument li wasal għand il-President Franċiż? Huwa diplomatiku jew impjegat taċ-ċivil? Jista' jgħid jekk dan l-individwu kienx preżenti fil-laqgħat bilaterali li kienu organizzati f'Pariġi? Jista' jgħid kif u għaliex intgħażel dan l-individwu? Jista' jikkonferma li dan l-individwu kien ukoll preżenti għall-ikliet uffiċjali li kellu l-istess Prim Ministru f'Pariġi? Jista' jgħid kemm swiet din iż-żjara? Jista' jgħid min kienu l-persuni l-oħra fid-delegazzjoni Maltija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-individwu li l-Onor Interpellant qed jagħmel referenza għalih huwa s-sur David Mangion. Is-sur Mangion huwa residenti fi Franza u jopera fil-qasam tat-turiżmu. Huwa kien preżenti bħala konsulent tal-Prim Ministru fuq oqsma relatati ma' Franza. Is-sur Mangion ma kienx preżenti għal ebda ikla ufficjali. Is-sur Mangion kien preżenti għal-laqgħa li d-delegazzjoni tal-Gvern Malti kellha mal-President tar-Repubblika Franċiża François Hollande. Id-delegazzjoni Maltija kienet maghmula mill-Viċi Prim Ministru Louis Grech, mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr. George Vella, mic-Chief of Staff fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri, miċ-Chief of Staff fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Leonard Sacco u mill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia. Għall-laqgħa mal-President Franċiż kien preżenti wkoll l-Ambaxxatur Malti fi Franza, is-sur Pierre Clive Agius.

Is-Salina — restawr tas-Salini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol ta' restawr tas-Salini u sa meta se jitlesta? Min se jkun qed imexxi s-Salini u jipproduċi l-melħ meta r-restawr jitlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ix-xoghol ta' restawr tas-salini għadu għaddej u issa li t-temp qaleb għall-aħjar ix-xogħol jista’ jieħu spinta l-quddiem. Dan il-proġett għandu jitlesta sal-aħħar ta’ 2014 minħabba li għad fadal xi sejħiet għal offerti li għad irridu jiġu publikati particolarment ix-xogħol fuq il-bur mielaħ (salt marsh) u x-xagħri in-naħa ta’ Kennedy Grove. Il-proġett ser ikun immexxi mill-Gvern iżda mhux eskluża il-possibilità li x-xogħol għall- ħsad tal-melħ issir minn nies immħarġa f'dan il-qasam.

Ex Kummissarju tal-Pulizija — riżenja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ittra ta' riżenja tal-ex Kummissarju tal-Pulizija? Jista' l-Ministru jpoġġi l-ittra ta' riżenja fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Żjara sorpriża

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk id-diviżjonijiet fil-ħabs li żar waqt iż-żjara sorpriża li għamel fil-Ħabs ta' Kordin nhar il-Ħadd 14 ta' April? Barra dakinhar kemm-il darba żar il-Ħabs minn meta ġie maħtur Ministru?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għamilt l-ebda żjara fid-diviżjonijiet tal-ħabs waqt iż-żjara sorpriża li għamilt fl-14 t’April, 2013. Żort darbtejn l-imsemmija faċilità; darba fl-imsemmija data t’hawn fuq u darboħra meta kelli laqgħa ta’ ċertu tul mad-Direttur tal-Ħabs u l-Uffiċjali f’viżita ta’ kortesija sabiex niddiskutu l-qagħda fl-imsemmija faċilità.
Leg 12 PQ #861 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Fondi tal-Unjoni Ewropea — Katakombi ta' San Pawl, ir-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fuq il-proġett minn fondi Ewropej tal-Katakombi ta' San Pawl? Kemm se jiġi jiswa u f'liema stadju jinsab il-proġett illum?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-kuntratt tax-xoghlijiet maġġuri fil-Katakombi ta’ San Pawl, bħala parti minn proġett iffinanżjat mill-fondi Ewropej tal-ERDF, kien iffirmat fil-11 ta’ Frar 2013. Dawn ix-xogħolijiet, li jiswew €2.4 miljun (VAT inkluża), mistennija li jkunu lesti fi tmintax-il xahar, iġifieri f’Ottubru 2014. Barra minn hekk, bħalissa għaddejin xogħlijiet ta’ skavi arkeoloġiċi f’dan l-istess sit, li jammontaw għal madwar €151,152 (VAT Inkluża). Bi preparazzjoni għal dan il-proġett s’issa intefqu madwar €650,000 (VAT inkluża) fuq studji marbutin ma’ dan is-sit. Jonqos li jinħareg tender ieħor għal xogħolijiet ta’ konservazzjoni, walkways u s-servizzi ġewwa l-katakombi, liema xogħlijiet huwa stmat li jiswew €730,000 (VAT Inkluża). Ix-xogholijiet kollha f’dan is-sit huma mistennija li jkunu lesti sa Ottubru 2014.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' għalliema li se jirtiraw sal-1 ta' Ottubru ta' din is-sena? Kemm hu n-numru ta' għalliema każwali li għandu d-dipartiment llum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' għalliema li se jirtiraw matul din is-sena sal-01 ta' Ottubru hu ta' 10. Infurmat ukoll li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi m'għandu l-ebda għalliem każwali. Id-Direttorat jimpjega 147 għalliem fuq bażi supply li 22 minnhom għandhom status indefinit.

Għawdex — sejħa għal prinċipal għall-kulleġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid ħarġitx is-sejħa għal prinċipal għall-kulleġġ ta' Għawdex u jikkonfermax li l-ħsieb hu li dan il-kulleġġ jiġi magħqud ma' wieħed mill-kulleġġi f'Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ma nħarġitx is-sejħa għall-Prinċipal tal-Kulleġġ ta' Għawdex peress li dan il-Kulleġġ diġa' għandu Prinċipal u l-kuntratt ta' dan il-Prinċipal għadu ma skadiex. M'hemmx ħsieb li l-Kulleġġ ta' Għawdex jiġi maqgħud ma' wieħed mill-Kulleġġi f'Malta.
Leg 12 PQ #864 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għas-Saħħa

Ir-Rabat — Ċentru tas-Saħħa - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun lest ix-xogħol li qed isir fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat u jekk hemmx il-ħsieb li s-servizzi f'dan iċ-ċentru jiżdiedu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant tingħata f’xi seduta ohra.

provvista tal-elettriku — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li l-wires tal-elettriku li kienu tneħħew minn ma' ħajt waqt il-bini ta' farm fil-Baħrija, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, issa jitwaħħlu mal-arblu għax ilhom aktar minn erba' snin maqlugħa u kull meta jagħmel ir-riħ, jinterrompi l-provvista tal-elettriku tal-farm l-ieħor li qiegħed aktar 'il ġewwa u jieħu l-provvista tiegħu minn dawn il-wires?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninsab infurmat illi l-każ qed jiġi investigat mill-Korporazzjoni Enemalta.

Pitkalija — Riforma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żvilupp qed iseħħu bħalissa fil-kwestjoni tar-riforma tal-Pitkalija? Meta hu maħsub li din ir-riforma titwettaq u jekk intlaħaqx xi ftehim mal-Pitkala dwar din ir-riforma?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li minkejja għaddew diversi snin minn meta tħabbret ir-riforma fil-Pitkalija, fir-realtà jidher li s’issa sar ftit li xejn sabiex din titwettaq għal ġid tas-settur agrikolu u taċ-ċittadin. Fil-fatt, fl-2004, f’dokument ippubblikat mill-PPCD (Planning and Priorities Co-ordination Division) tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ġew ikkwotati flejjes mill-Unjoni Ewropea allokati għal dan il-għan. Waqt li kulħadd jaqbel li r-riforma hija ferm importanti u għandha ssir fl-iqsar żmien possibli, jidher li ma kienx hemm dak l-impenn mill-amministrazzjoni preċedenti u għadna ferm il-bogħod milli jintlaħaq ftehim. Saru bosta diskusjonijiet fejn ġew preżentati diversi pjanti, madanakollu m’hemm l-ebda qbil bejn il-bdiewa, il-pitkala u x-xerrejja kif ser taħdem din ir-riforma.

Buġibba — Triq Ġulju Ċenturjun - xogħol

Question

Jista' l-Ministru jindika meta hu ppjanat li jibda x-xogħol fuq Triq Ġulju ċ-Ċentrujun, f'Buġibba?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant x-xogħlijiet fit-triq imsemmija jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali u mhux taħt ir-responsabilità ta' Transport Malta. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar u Buġibba — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawn il-proġetti/xogħlijiet li bħalissa huma għaddejjin fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar u Buġibba mill-Ministeru tiegħu? Meta hu mistenni li kull biċċa xogħol/proġett jitlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Il-proġetti li għandu l-Ministeru f’Buġibba/San Pawl il-Baħar fil-preżent huma: 1. Il-proġett ta’ restawr tas-Salini . Dan il-proġett mistenni jitlesta sal-ahhar tal-2014. 2. Il-manutenzjoni tal-promenade ta’ Buġibba – xogħol ta’ manutenzjoni li jkun għaddej matul is-sena kollha. 3. Xogħol ta’ manutenzjoni fuq żewġ slipways fil-Qawra (in-naħa tas-Suncrest) li mistenni jitlesta fi ftit ġimgħat. It-twettieq ta’ dan ix-xogħol jiddependi mill-kundizzjoni tat -temp kif ukoll minn xi diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħol. Hu pjanat ukoll li jinbeda x-xogħol fuq it-tindif tas-Sukkors tas-Salina u bħalissa għaddejjin taħdidiet mal-uffiċjali tal-MEPA dwar dan.

Ħ'Attard — Triq Xatbet l-Art - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq Triq Xatbet l-Art f’Ħ'Attard?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-Superintendance of Cultural Heritage (SCH) se tkompli bix-xogħlijiet fil-ġranet li ġejjin fuq Triq Xatbet l-Art, Ħ’Attard. Kif dan ix-xogħol jitlesta Transport Malta tkun tista' tkompli bix-xogħlijiet tagħha.
Leg 12 PQ #963 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Interim From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA — bord tal-gvernaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'minn min hu kompost il-bord tal-gvernaturi tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) u x'inhi r-remunerazzjoni tagħhom?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #964 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Bord tar-Reviżjoni tal-Appelli — Appelli pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti quddiem il-Bord tar-Reviżjoni tal-Appelli minn tenders anqas minn €12,000?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li hemm seba’ (7) appelli pendenti quddiem il-Bord tar-Reviżjoni tal-Appelli minn tenders anqas minn €12,000.