Employment Aid Programme — ingaġġ ta' persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b'diżabilità li sena b'sena mill-2008 'l hawn instabilhom xogħol fis-settur privat permezz tal-Iskema Employment Aid Programme?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni b'diżabilità li nstabilhom xogħol fis-settur privat permezz tal-iskema Employment Aid Programme kien kif ġej:-
2009 - 24
2010 - 24
2011 - 52
2012 - 25
____
Total:- 125
L-iskema tal-Employment Aid Programme bdiet fl-2009.
Diviżjoni għas-Servizzi Edukattivi — Ċentru għar-Riżorsi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' studenti li qed jattendu f'kull Ċentru għar-Riżorsi (ex skejjel speċjali) li jaqgħu taħt ir-responsabilità tad-Diviżjoni għas-Servizzi Edukattivi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jiċċara dak li ġie rappurtat fil-MaltaToday online, li l-link tar-rapport qed jingħata separatament, u ċjoè, li wara l-EOI ħa jkun hemm "final selection process that must follow EU rules by providing a competitive process that can also be appealed"? Peress li l-Ministru diġà kien qal li no formal call for tender will be issued, jista' jirrikonċilja dawn iż-żewġ posizzjonijiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-onorevoli Interpellant li l-fatt li hemm ezenzjoni mir-regolamaneti dwar Public Procurement ma jfissirx li l-proċess kompetittiv m'huwiex regolat. Hemm numru ta' principji li qegħdin jiġu osservat.
B'referenza għall-artiklu li deher fit-Times of Malta tas-26 t'April 2013, jista' l-Ministru jispeċifika eżatt il-proċess ta' appell li se jkun qed jadotta għax-xiri tal-power station? Jista' jgħid ukoll jekk, f'każ t'appell minn wieħed mill-bidders, il-proċess hux ħa jiġi sospiż peress li skont AL65/2013 Reg. 4(d) jgħid 'sakemm id-deċiżjoni tal-qorti tibqa' pendenti, il-proċess tas-sejħa għall-offerti għandu jiġu sospiż?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nikkoregi lill-Onorevoli Interpellant għaliex il-proċess li qegħdin nitkellmu dwaru ma jittrattax xiri ta' Power Station imma huwa kuntratt għall-provvista ta' elettriku u gass. Madanakollu l-proċess se jkollu redress għal dawk li jħossuhom aggarvati minn xi deċiżjoni li tkun ittieħdet.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħierġa s-sejħa pubblika għall-water saving kits li għandhom jitqassmu fid-djar?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f'Mejju se nibdew proċess ta' tfassil tal-national water policy. Permezz ta' dan il-proċess it-timeframes se jiġu determinati.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 84, jista' l-Ministru jispjega kif hu qed jgħid, skont l-artiklu li deher fuq it-Times of Malta u li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li sal-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena se jkollu kuntrattur magħżul ħalli jibni l-power station il-ġdida? Jista' jgħid kif wasal għal din id-data u dan billi jipprovdi l-informazzjoni neċessarja kuq kif ħa jiżvolġi l-proċess?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nikkoreġi l-impressjoni li qed jagħti l-Onorevolli interpellant li se jintgħażel xi kuntrattur biex jibni power station ġdida. Nippreċiza li l-Enemalta se tidħol f’Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement.
L-iskeda li ppreparajna hija mqassma kif ġej:
Is-sottomissjonijiet għall-Expression of Interest and Capability jagħlqu fl-10 ta’ Mejju. Fl-10 ta’ Ġunju għandha toħroġ l-RFP għall-kandidati li jkunu ipproċedew għall-fazi segwenti. Il-proposti għandhom jaslu għand l-Enemalta sal-31 ta’ Lulju fejn wara jsiru l-evalwazzjoniet u adjudication neċessarji. Fl-ewwel t’Ottubru ikun aġġudikat il-kuntratt.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — Transfers mill-MRA
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-persuni li minn Marzu 2013 'il hawn ġew trasferiti mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA) u issa qed jaħdmu f'unit fi ħdan il-Ministeru tiegħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli interpellant illi l-impjegati imniżżla f’din il-lista ġew “seconded” mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Rizorsi għall-Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma:
Energy Policy Unit
· Ing Godwin Sant (Chief Officer, Policy)
· Ing Charles Buttigieg, (Analyst I)
· Ing Rachelle Riolo (Analyst I)
· Ing Maurizio Busuttil (Analyst I)
· Ing Simon Scicluna (Analyst I)
Water Policy Unit
· Mr Manuel Sapiano (Analyst II)
· Mr Michael Schembri (Project Officer)
· Mr Clive Brincat (Clerk)
.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi indirizzata l-problema eżistenti f'Għawdex li residenti barranin f-Għawdex ma jistgħux jinqdew fl-Uffiċċju tal-ID Cards f''Għawdex imma jkollhom joqgħodu jmorru Malta?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-possibilità li residenti barranin f’Għawdex ikunu jistgħu japplikaw għad-dokument ta’ residenza f’Għawdex stess, għadha qed tiġi eżaminata.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Port Ruman - servizzi tal-ilma u drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 447 u jagħti tagħrif dwar jekk fi Triq il-Port Ruman f'San Pawl il-Baħar, is-servizzi tal-ilma u d-drenaġġ humiex mgħoddija matul it-triq kollha, kull fejn hemm it-tarmac mogħti? Jekk le, f'liema parti tat-triq hemm servizzi li huma ieqsin (mhux imqiegħda f'posthom)? Jista' jgħid jekk qabel saru x-xogħlijiet fit-triq kienx hemm konsultazzjoni mal-Korporazzjoni għas-Servizzil tal-Ilma?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninsab infurmat illi kull sena isir High Tension Maintenance Program mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta. Matul dan il-programm l-arbli kollha tal-high tension li jinsabu li huma fi stat hażin jiġu mibdula. Fil-fatt matul is-sena l-għaddiet kienu diġà nbiddlu xi arbli fl-istess żona li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Huwa ppjanat li l-kumplament tal-arbli f'din iż-żona jkomplu jiġu spezzjonati din is-sena u dawk li jinsabu fi stat perikoluż jiġu mibdula.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti agrikoli (f'dawk li huma marbuta ma' micropropagation) hu nvolut preżentement id-dipartiment ikkonċernat? Kemm ilhom li nbdew dawn l-istess proġetti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li preżentement fil-Laboratorju tal-Mikropropagazzjoni tal-Pjanti fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti hemm għaddejja l-esperimentazzjoni li bdiet fl-2008 fuq it-tneħħija ta’ mard minn varjetajiet antiki taċ-ċitru, bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u Malta, bil-għan li ssir produzzjoni ta’ pjanti ta’ larinġ u lumi mingħajr mard, għall-konservazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li regolarment isiru numru ta’ proġetti minn studenti mill-Università ta’ Malta bhala parti mit-teżi tagħhom.
Mellieħa/Xemxija — Ambulanza Stand by fix-xhur tas-sajf
Question
Jista' l-Ministru jassigura li matul ix-xhur tas-sajf, ikun hemm ambulanza stand by jew fix-Xemxija jew il-Mellieħa biex tkun tista' taqdi d-diversi emerġenzi li jinqalgħu minn żmien għal ieħor?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar kemm-il reserved parking ġiet approvata li titneħħa minn San Pawl il-Baħar (il-lokalità kollha) matul l-aħħar 12-il xahar? Kemm tali bays ġodda ġew approvati fl-istess perijodu ta' żmien? Minn fejn tneħħew u fejn ġew approvati tali parkings ġodda?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li minn informazzjoni provduta minn Transport Malta rriżulta li kien hemm disa’ parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabilita’ li ġew approvati ġewwa San Pawl il-Baħar f’dawn l-aħħar tnax-il xahar. Fl-istess perjodu ġew imneħħija disa’ parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabilità. Qed naghti l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq fil-lokalitajiet tat-12-il distrett li skont l-informazzjoni li għandha Transport Malta, għadhom ma sarux? Meta hu mistenni li jsiru dawn l-istess toroq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-toroq li skont l-informazzjoni li għandha Transport Malta għad iridu jsiru u huma nklużi fil-programm tax-xogħlijiet li għaddej bħalissa huma elenkati hawn taħt:
1. Bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fi:
· Triq bejn Triq il-Mellieħa u Triq Dun Manwel Grima, Mellieħa
· Triq it-Trill, Mellieħa
· Triq Ħannewjia, Naxxar
2. Triq il-Konz u Triq Simar, San Pawl il-Baħar u Triq Sir William Jervois, Naxxar jagħmlu wkoll parti minn dan il-programm pero hemm problema biex jinbeda x-xogħol minħabba raġunijiet ta' ffurmar ta' triq, għax l-iżviluppaturi ta’ dawn it-toroq ma wettqux l-obbligi legali tagħhom u għalhekk dawn it-toroq għadhom taħt ir-responsabilta` tagħhom.
3. Ix-xogħlijiet ta’ Triq il-Qasab, Mellieħa ġew aġġudikati u bħalissa qed isir ix-xogħol preparatorju sabiex tkun tista’ tinħareġ sejħa għall-offerti għal Triq il-Qortin, Mellieħa.
4. Xagħra tal-Bandieri, San Pawl il-Baħar tagħmel ukoll parti minn dan il-programm pero’ hemm problema biex jinbeda x-xogħol minħabba raġunijiet t’esproprjazzjoni.
Fir-rigward ta’ toroq oħrajn li mhumiex fil-programm tax-xogħlijiet eżistenti imma li għad iridu jsiru minn Transport Malta, ninforma lill-Onorevoli nterpellant li s-sena l-oħra sar proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali ta’ Malta kollha, sabiex jissottomettu lista ta’ toroq fil-lokalita’ tagħhom li qatt ma nbnew. Dawn it-toroq qed jiġu vverifikati minn Transport Malta bil-għan li nistabbilixxu programm ta’ xogħol li jmiss għat-toroq residenzjali li qatt ma saru.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-toroq li kienu inklużi fil-ftehim tal-PPE li ġew approvati madwar sentejn ilu bejn il-Kunsill Lokali tat-12-il distrett u l-Gvern Ċentrali? Kemm minn dawn it-toroq huma lesti, u f'kull każ, meta saru l-kuntratti mal-kuntratturi li wettqu x-xogħol? Kemm fadal toroq li għad iridu jsiru b'dan l-istess ftehim? Kemm kien hemm bidliet mill-ftehim oriġinali?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsilli Lokali tan-Naxxar li ma għandux toroq fir-rigward tal-Mistoqsija Parlamentari peress li ma daħalx fi ftehim ta’ PPP għat-toroq fil-lokalità.
Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-unika triq li kellu fil-ftehim tal-PPP għat-toroq fil-lokalità kienet Triq l-Armier li hi lesta. Il-kuntratt għaliha kien sar fl-10 ta’ Mejju 2011.
Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar dwar it-toroq bl-iskema tal-PPP għat-toroq tal-lokalità. Hawn tlestew it-toroq kollha li kien hemm fil-ftehim oriġinali. Tlieta minn dawn it-toroq iżda tneħħew mil-lista biex minflokom issir triq oħra li x-xogħol fuqha nbeda fis-6 ta’ Mejju.
Aġenzija Sapport — personal assistants għal persuni b'diżabilità
Question
Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk persuni b'diżabilità minħabba nuqqas ta' saħħa mentali jistgħux jingħataw is-servizz ta' personal assistant li huma msemmi mill-Aġenzija Sapport?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija SAPPORT ġiet mwaqqfa biex toffri servizzi għal persuni b’diżabilità intelletwali u/jew fiżika u/jew sensorjali u għalkemm xi wħud mill-klijenti tagħha ikollhom ukoll diffikultajiet ta’ saħħa mentali – minħabba li jkollhom dual diagnosis – id-direzzjoni tal-aġenzija hija li ma toffrix servizzi lil persuni li jkollhom diffikultà ta’ saħħa mentali biss. Dan minħabba l-fatt li hawn servizzi speċjalizzati purament għalihom mogħtija minn entitajiet oħra f’Malta.
Tista' l-Ministru tindika kemm hemm impjegati separatament fi ħdan is-servizzi kollha offruti mill-Aġenzija Sapport u l-Aġenzija Sedqa? Tista' tindika kemm hi l-case load medja li kull impjegat għandu għal kull servizz offrut?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-persuni li rrikorrew għand l-Aġenzija Appoġġ biex jieħdu sehem fil-perpetrator programmes fl-2011 u fl-2012? Jista' jiġi ppreżentat fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-programm?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-Informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.