Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — Nefqa għall-użu ta' mobiles

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru għal użu tal-mobiles kollha tal-Ministru u s-segretarjat privat għall-perijodu bejn 1 ta' Ġunju 2012 u t-8 ta' Marzu 2013?

Response (GRECH, LOUIS)

Peress li fil-perjodu msemmi l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru Tonio Borġ kien jinkorpora wkoll il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Nefqa għall-użu ta' mobiles

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru għal użu tal-mobiles kollha tal-Ministru u s-segretarjat privat għall-perijodu bejn 1 ta' Ġunju 2012 u t-8 ta' Marzu 2013?

Response (VELLA, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa totali hija €8,602.28 kif spjegat fit-tabella hawn taħt. Nota: L-uffiċjali tas-Segretarjat huma ntitolati li jitħallsilhom l-ammont tal-kontijiet li jkopri x-xahar ta' Marzu kollu, hekk kif inhu mniżżel fil-kuntatt tagħhom. Għalhekk għal fini tal-Mistoqsija Parlamentari ngħata valur pro-rata sabiex ikopri sat-8 ta' Marzu.
Leg 12 PQ #1210 Sitting 18 2013-05-14 Oral · Interim From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ingaġġ ta' konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsulenti ġew ingaġġati mal-Ministeru s'issa? Kif intgħażlu? X'inhu x-xogħol tagħhom? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-kuntratti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #1211 Sitting 18 2013-05-14 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Ġenerali t'Għawdex — riżenja ta' supretendent

Question

Jista' l-Ministru jgħid is-supretendent tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex irreżenjax? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni li dan irreżenja wara biss xahar li ġie maħtur minnu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li kienet inkarigata bħala ad hoc acting medical director kien talab biex tiġi maħtura persuna oħra minfloku.
Leg 12 PQ #1212 Sitting 18 2013-05-14 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Xagħra (Għawdex) — Triq Ġnien Xibla - platform tal-konkos

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-platform tal-konkos fin-nofs tat-Triq Ġnien Xibla, ix-Xagħra sarx minn ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex? Jekk iva, kien hemm permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u Transport Malta biex din issir? Jista' jgħid jekk il-Kunsill Lokali tax-Xagħra ġiex ikkonsultat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-każ qed jiġi investigat.

Suq tal-bdiewa — xiri ta' prodotti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni, b'seħħ mis-Sibt 4 ta' Mejju 2013, dawk li jarmaw fis-suq tal-bdiewa ma tħallewx jixtru prodotti li ma jkollhomx huma mingħand bdiewa oħra li ma jarmawx fl-istess suq? Ma jaħsibx li din il-projbizzjoni hija ta' żvantaġġ għall-konsumtar kif ukoll għall-bejjiegħa f'dan is-suq li huma lkoll bdiewa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-iskop li twaqqaf is-suq tal-bdiewa kien li bidwi seta’ jbiegħ direttament il-prodott tiegħu lill-konsumatur, għal ġid tiegħu stess u tal-konsumatur. Ninsab infurmat li jekk bidwi jbiegħ lil bidwi ieħor ikun qiegħed jieħu post il-pitkala jew ix-xerrej u ma jilħaqx l-iskop msemmi.

Is-Siġġiewi (Salib tal-Għolja) — restawr tal-kappella

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Gvern jintervjeni biex jgħin fir-restawr tal-kappella li tinsab fuq is-salib tal-Għolja s-Siġġiewi peress li din tinsab fi stat perikoluż u peress li dan is-sit, barra li hu popolari ħafna mal-pubbliku u t-turisti, hu wkoll landmark storiku?

Response (MIZZI, JOE)

Għalkemm il-Kappella mhix proprjetà pubblika, madanakollu wieħed jara kif nistgħu nagħtu l-għajnuna tagħna.

Għawdex — skejjel tal-irħula

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li qed tiġi kkunsidrata l-idea li l-iskejjel tal-irħula f'Għawdex jiġu magħquda fi skejjel akbar li jkopru numru ta' rħula flimkien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġiet ikkunsidrata u diskussa l-ebda idea simili. Infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li mill-aspett edukattiv mhux dejjem hu ta' ġid li t-tfal ikunu fi klassijiet b'numru żgħir ħafna ta' tfal. Tfal f'dawn il-klassijiet ftit li xejn isibu kompetizzjoni b'saħħitha u jkun hemm nuqqas ta' stimolu ta' opinjonijiet u karattri differenti. L-edukaturi jirrakkomandaw li fejn hemm klassijiet żgħar din il-prassi tiġi riveduta kullimkien, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex. Għalkemm ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet, wieħed m'għandux jipprekludi d-diskussjoni edukattiva għall-ġid tat-tfal.
Leg 12 PQ #1257 Sitting 18 2013-05-14 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Cruise liners — Turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' turisti li żaru Malta permezz ta' cruise liners matul ix-xahar ta' April 2013 u kemm kien in-numru tal-istess turisti f'April 2012?

Response (VELLA, KARMENU)

L-aħħar statistika fuq cruise passengers ġiet pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tkopri l-perjodu Jannar sa Marzu 2013. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha m'hijiex disponibbli.
Leg 12 PQ #1258 Sitting 18 2013-05-14 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Is-Siġġiewi (Għar Lapsi) — tisbiħ fil-bajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir xogħol ta' tisbiħ fil-bajja ta' Għar Lapsi fis-Siġġiewi? Jekk iva, meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li bħalissa għaddej b’xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ f’Għar Lapsi. Dawn jinkludu l-manutenzjoni tar-railings tal-ħadid u tal-bankijiet, bdil ta’ tabelli u bdil tal-fanali f’Għar Lapsi Park. Ix-xogħol mistenni jitlesta matul il-ġimgħat li ġejjin.

Is-Siġġiewi (Għar Lapsi) — tiġrif tal-blat

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif beħsiebu jindirzza l-problema tat-tiġrif tal-blat f'Għar Lapsi?

Response (MIZZI, JOE)

Il-problema tat-tiġrif tal-blat f’Għar Lapsi hija waħda mifruxa fuq parti sostanzjali tal-kosta fl-inħawi. B’mod imminenti se jinbeda xogħol ta’ konteniment tal-blat (rock nets u rock bolts) fil-parti tal-bajja l-aktar frekwentata mill-pubbliku, jiġifieri fl-inħawi tal-għerien ta’ Għar Lapsi.
Leg 12 PQ #1293 Sitting 18 2013-05-14 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kariga ta' individwu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ingħatax xi kariga mill-Gvern? Jekk iva, jista' jindika liema kariga ngħata? Jekk ma ngħatax kariga jista' jgħid jekk ġiex imqabbad bħala konsulent f'xi ministeru, aġenzija jew entità tal-Gvern? Jekk iva, fejn u x'inhu s-salarju tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-persuna indikata mill-Onorevoli Interpellant ma ngħatat l-ebda kariga jew kuntratt minn dan l-uffiċċju.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — prekawzjoni kontra t-tixrid ta' mard infettiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'prekawzjonijiet jittieħdu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fit-trażżin tat-tixrid ta' STIs/STDs u mard infettiv ieħor li jittieħed permezz tas-sess? Teżisti politika ta' projbizzjoni, politika ta' protezzjoni jew it-tnejn?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kull meta tkun se ssir xi extended visit bejn priġunier u l-partner dawk li jkunu ġejjin minn barra l-faċilità, jitħallew idaħħlu magħhom priservattivi.

Tas-Sliema — Triq it-Torri - Traffic Lights

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-traffic lights li hemm quddiem il-Preluna Hotel fi Triq it-Torri, Tas-Sliema, jitranġaw?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta ħadet il-passi neċessarji.

L-Imrieħel — pedestrian crossing fil-bypass - applikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni ħalli ssir pedestrian crossing fil-bypass tal-Imrieħel? Meta hu maħsub li jibda x-xogħol fuq din il-crossing ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-gvern preżenti, bil-kontra tal-gvern preċedent, se jagħti priorita assoluta lis-sigurta’ tar-residenti li jgħixu fiż-żona in kwistjoni u għalhekk se jżomm mal-impenn tiegħu li joffri soluzzjoni għall-problema li sfortunatamet kienet injorata għal snin sħaħ, minkejja li saħansitra kien hemm inċidenti fatali. F’dan il-kuntest bħalissa qed jiġu evalwati l-pjanijiet eżistenti għal pedestrian footbridge hekk kif maħsub fil-permess tal-ippjanar PA 5852/06.

L-Imrieħel — pedestrian crossing fil-Bypass - spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi mistennija li tiġi tqum il-pedestrian crossing fil-bypass tal-Imrieħel?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 1360.

Buġibba — Waterpark - ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jerġa’ jiftaħ il-waterpark ta’ Buġibba għall-pubbliku u x’se jkunu l-ġranet u l-ħinijiet li fihom tinfetaħ din il-faċilità?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda lill-Ministeru konċernat.

Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini — ingaġġ ta' kap

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex konkluż l-ingaġġ ta’ kap għall-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini? Jekk iva, min se jkun il-kap?

Response (MIZZI, JOE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.