Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #29399 Sitting 467 2017-01-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – rwejjaħ f’diversi partijiet

Question

Billi fl-20 ta' Diċembru u fil-jiem ta' qabel kien hemm riħa qawwija f'diversi partijiet ta' Għawdex, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'investigazzjoni għamel il-Ministeru, u minn fejn irriżulta li kienet ġejja din l-istess riħa? X'passi ttieħdu biex dawn l-irwejjaħ jinqatgħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Oneroveli Interpellant biex jirreferri l-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Permessi lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar tiswijiet ta’ ħsarat fis-sistemi tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' permessi jingħataw lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal dak li jirrigwarda tiswijiet ta' ħsarat kemm fis-sistemi tad-drenaġġ kif ukoll fejn jikkonċernaw tiswijiet tal-pajpijiet tal-ilma? X'tip ta' spezzjonijiet jagħmel il-Ministeru biex jassigura li dawn it-tiswijiet isiru skont is-sengħa? Billi spiss jingħad li hemm koordinazzjoni sħiħa ma' entitajiet governattivi oħra, jista' jagħti tagħrif dwar kif Transport Malta tkun infurmata bix-xogħol li jwettqu tali entitajiet governattivi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każ li jkun hemm bżonn ta’ tiswijiet fuq is-servizzi tad-drenaġġ kif ukoll dawk tal-ilma u li huma ta’ natura urġenti, l-entità tista’ tagħmel użu tal-permessi tal-emerġenza li jinħarġu fuq diskrezzjoni tal-perit li jkun on call fi ħdan id-Direttorat tat-Toroq. F’din is-sitwazzjoni hi responsabbilità tal-kuntrattur/entità li tagħmel il-konsultazzjoni neċessarja. Kull meta jinħareġ permess tal-emerġenza tiġi mibgħuta notifika awtomatika mis-sistema kemm lill-Kunsill konċernat, kif ukoll lil dawk l-entitajiet li għandhom servizzi taħt l-art. F’każ li l-ħsara mhiex ta’ natura urġenti, l-entità tista’ tagħmel użu mis-sistema elettronika tal-permessi fejn din tissottomessi applikazzjoni u wara li tali applikazzjoni tiġi ivvalidata, din tintbagħat elettronikament lil diversi entitajiet kif ukoll lill-Kunsill konċernat kif ukoll lill-perit tar-reġjun fi ħdan id-Direttorat tat-Toroq sabiex jiġu konsultati u jagħtu l-kundizzjoni u/jew rimarki neċessarji għall-ħruġ tal-permess. Fiż-żewġ każijiet isiru spezzjonijiet waqt it-twettiq tax-xogħol minħabba sigurta’, kif ukoll jiġi spezzjonat, meta ix-xogħol hu komplut u jiġi sottomess iċ-ċertifikat tal-compliance mill-kuntrattur, mill-perit responsabbli fi ħdan id-Direttorat tat-Toroq. Tali spezzjonijiet iseħħu f’perjodu ta’ sentejn miċ-ċertifikazzjoni tax-xogħol fejn l-kuntrattur jibqa’ responsabbli matul dan iż-żmien li jirranġa xi difetti li jista’ jkun hemm.

Covers tal-plastik — servizzi fuq il-bankina

Question

Billi madwar Malta u Għawdex huma bosta dawk, kemm entitajiet uffiċjali, kif ukoll individwi li jużaw covers tal-plastik biex jgħattu numru ta' servizzi li jkunu fuq il-bankini, u billi dawn l-istess covers mhumiex b'saħħithom biżżejjed biex minn fuqhom jgħaddu l-vetturi, bil-konsegwenza li jinkisru mill-ewwel, u joħolqu periklu mhux żgħir għal dawk li jgħaddu minn fuqhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-istandards li wieħed suppost japplika għal tali covers, kif ukoll x'passi jittieħdu biex dan il-periklu jitneħħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istandards applikati mid-Direttorat tat-Toroq għall-covers ta’ manholes (servizzi) li jservu fit-toroq huma inklużi fil-leġiżlazzjoni sussidjarja 499.57: Regolamenti dwar Toroq Ġodda u Xogħlijiet f’Toroq, Volum 1, Specifications for Road works, Series 500 – Drainage and Service Ducts. Dawn jorbtu lil Transport Malta u lil kull min jagħmel xogħol fit-toroq pubbliċi li juża covers skont l-istandard EN 124 – Gully Tops and Manhole Tops for Vehicular and Pedestrian Areas. Dan jinkludi kategorizzazzjoni ta’ covers skont il-piż li jifilħu a bażi tal-pożizzjoni tagħhom fit-triq. Peress illi l-bankini jaqgħu f’kategorija indikata bħala Group 2, jiġifieri spazju ġeneralment riservat għall-pedestrians, il-covers jiġu speċifikati bħal Class B125 (jiġifieri kapaċi li jirreżistu biss traffiku okkażjonali / emergenza). Fir-rigward ta’ toroq arterjali u distributorji li Transport Malta hija responsabbli għal manutenzjoni tagħhom, l-Awtorità tagħmel l-almu tagħha sabiex rapporti ta’ covers imkissrin jiġu ndirizzati u jsir is-sostituzzjoni tagħhom. Ħsarat fil-kumplament tat-toroq, li allura jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali, għandhom jiġu rrapurtati lill-Kunsill ikkonċernat.

Fgura – Triq Hompesh – bus stop shelters

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba ż-żewġ bus stop shelters li jinsabu fl-aħħar tat-Triq Hompesch, Fgura humiex sejrin isiru tul din is-sena issa li ġew ppubblikati r-Request for Proposals?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm hekk kif ser ikunu qegħdin jiġu stallati dawn il-bus shelters ikun stabbilit ġaladarba jiġi identifikat il-kuntrattur il-ġdid u dan wara li issir l-aġġudikazzjoni tar-Request For Proposals.

Bormla – Triq il-Mitħna – tiswijiet fil-ħitan

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet neċessarji fil-ħitan ta’ barra tal-mitħna li tinsab f’Triq il-Mitħna Bormla billi hemm tmermir evidenti fl-estern?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Tarxien – Triq San Franġisk – skart illegali

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-iskart li ġie mixħut illegalment f’parti viċin Triq San Franġisk Ħal Tarxien jitneħħa u jinforma lill-Kamra jekk ittieħdux passi legali?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant, biex jindirizza l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #29412 Sitting 467 2017-01-10 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Sea Malta – ħlas lill-ex-impjegati

Question

B’referenza għall-ex-ħaddiema tas-Sea Malta u l-mistoqsija parlamentari 28626, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema rata ta’ imgħax ġiet użata għall-pagament fuq is-somma li ġiet imħallsa u jista’ jinforma jekk kienx hemm passi ulterjuri dwar dawk il-ħaddiema li ma kenux parti mill-proċeduri?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rata ta’ imgħax li ġiet użata għall-pagament fuq is-somma li ġiet imħallsa kienet dik ta’ 1% f’interessi li ji¿diedu mal-kapital, għal 10 snin. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nissuġġerixxi li l-Onor. Interpellant jitlob dan it-tagħrif minn għand il-Ministru konċernat.

Fondazzjoni tal-GWU – Community Work Scheme – ħaddiema ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm jirriżulta li kien hemm ħaddiema ingaġġati mal-Fondazzjoni tal-GWU fuq l-iskema Community Work Scheme sal-aħħar ta’ Diċembru 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ ħaddiema ingaġġati mal-Community Work Scheme sal-31 ta’ Diċembru 2016 kien ta’ 587.

Fondazzjoni tal-GWU – Community Work Scheme – sessjonijiet ta’ taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’sessjonijiet ta’ taħriġ saru mill-Fondazzjoni tal-GWU permezz tal-Community Work Scheme, u kemm attendew persuni għalihom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena li għaddiet il-management kien impenjat li jqassam il-ħaddiema skont il-ħtiġijiet li hemm bżonn u li kull wieħed u waħda minnhom ikollhom designation tax-xogħol tagħhom. Issa li dan ix-xogħol wasal kważi fit-tmiem, il-management qiegħed jipprepara t-taħriġ li hemm bżonn skont kif meħtieġ mill-post tax-xogħol.

Persuni li twieldu fl-1947 — pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid individwu li twieled fl-1947 li ħadem u ħallas il-bolla dejjem u kellu paga ta' LM100 fil-ġimgħa u li spiċċa ta' 61 sena, kemm għandu pensjoni llum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull każ huwa wieħed partikolari, għalhekk nitolbu li jirreferi l-persuna fl-Uffiċċju Distrettwali tas-Sigurtà Soċjali tal-lokalità tiegħu.

Persuni li twieldu fl-1952 — pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid individwu li twieled fl-1952 li ħadem u ħallas il-bolla dejjem u kellu paga ta' LM115 fil-ġimgħa u li spiċċa ta' 62 sena, kemm għandu pensjoni llum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull każ huwa wieħed partikolari, għalhekk nitolbu li jirreferi l-persuna fl-Uffiċċju Distrettwali tas-Sigurtà Soċjali tal-lokalità tiegħu.

Persuni li twieldu fl-1952 — pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid individwu li twieled fl-1952 li ħadem u ħallas il-bolla dejjem u kellu paga ta' LM160 fil-ġimgħa u ħallas il-bolla full għall-20 sena u li spiċċa ta' 62 sena, kemm għandu pensjoni llum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull każ huwa wieħed partikolari, għalhekk nitolbu li jirreferi l-persuna fl-Uffiċċju Distrettwali tas-Sigurtà Soċjali tal-lokalità tiegħu.

Trasport pubbliku b'xejn lill-persuni li jagħlqu t-18-il sena

Question

Billi fid-diskors tal-budget ingħadd li din is-sena, dawk il-persuni li jagħlqu t-18-il sena se jingħataw sena trasport publiku b'xejn, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dawk il-persuni li għalqu 18-il sena matul is-sena li għaddiet iżda għadhom ma għalqux id-19-il sena hux se jingħataw parti minn dan it-trasport pubbliku b'xejn sakemm jagħlqu d-19-il sena? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar jekk dawk li jagħlqu t-18-il sena din is-sena hux se jingħataw servizz għal sena sħiħa, jew minn meta jagħlqu 18 sal-aħħar tal-2017?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ġie spjegat fir-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 29102, l-iskema fejn persuni li jagħlqu it-18-il sena fl-2017 jikkwalifikaw għal sena trasport b’xejn, sa massimu ta’ €312, permezz tat-trasport publiku bl-iskeda hija applikabbli għal dawk il-persuni li jagħlqu it-18-il sena fis-sena li qegħdin fiha, jiġifieri fl-2017. Għaldaqstant, persuni li għalqu it-tmintax il-sena fl-2016 ma jikkwalifikax taħt din l-iskema.
Leg 12 PQ #29447 Sitting 467 2017-01-10 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tal-Ippjanar – refurbishing tal-uffiċini

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hi l-ispiża għar-refurbishing tal-uffiċini fid-daħla tal-Awtorità tal-Ippjanar, kif intgħażel il-kuntrattur u min hu l-kuntrattur?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li l-kuntrattur, iprojects Ltd, intgħazel permezz ta’ sejħa għall-offerti pubblika (open call for tenders). Il-valur tal-kuntratt huwa ta’ €406,858.40 VAT ezkluza. Hemm ukoll l-element tar-restawr tal-faccata tal-blokka. Il-kuntrattur, Vaults Co Ltd, intgħazel permezz ta’ sejħa ghall-offerti pubblika (open call for tenders). Il-valur tal-kuntratt huwa ta’ €46,663.30 VAT ezklua.

Is-Siġġiewi – Sqaq fi Triq il-Brandin – wiċċ tat-triq

Question

B'referenza għall-mistoqija parlamentari 29003, jista' l-Ministru jindika min hu l-Ministru responsabbli sabiex jingħata għall-ewwel darba wiċċ l-isqaq li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn spezzjoni li għamlet Transport Malta jidher li din it-triq kienet ingħatat xi forma ta’ wiċċ u għaldaqstant il-manutenzjoni tagħha taqa’ taħt il-Kunsill Lokali sakemm it-triq hi kkunsidrata pubblika.

Is-Siġġiewi — rotta 62

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-frekwenza tar-rotta 62 mis-Siġġiewi għall-Belt fil-ħinijiet ta' filgħodu tnaqsitx minn kull għoxrin minuta għal kull nofs siegħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn spezzjoni li għamlet Transport Malta jidher li din it-triq kienet ingħatat xi forma ta’ wiċċ u għaldaqstant il-manutenzjoni tagħha taqa’ taħt il-Kunsill Lokali sakemm it-triq hi kkunsidrata pubblika.
Leg 12 PQ #29499 Sitting 467 2017-01-10 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gabbani tal-Belt — ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, rigward l-istorja tal-gabbani tal-Belt, kemm-il gabbana ġew affetwati, kemm nies spiċċaw bla xogħol? Kemm hemm gabbani li ġew rilokati, u kemm hemm gabbani li ngħatalhom post temporanju?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ahhar xhur ta’ 2016 ġew effetwati sitt gabbani ta’ ħdejn il-funtana tat-Tritoni. Dawn kellhom il-kirja tterminata fl-2011 iża li baqgħu jokkupaw l-istess gabbana b’mera tolleranza ben konsapevoli illi l-proġett kien imminenti. Ebda waħda minn dawn il-gabbani ma giet rilokata f’post permanenti jew temporanju. Kien hemm 8 gabbani ohra illi kienu qed jokkupaw art tal-gvern illegalment. Ebda waħda minn dawn il-gabbani ma ġiet rilokata f’post permanenti jew temporanju.

Community Work Scheme — proċess

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif u xi proċess għaddew minnu dawk li kienu interessati li jmexxu l-Community Work Scheme? X'sar biex fl-aħħar intagħżlet il-kumpanija li ntagħżlet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Jobsplus ħarget sejħa għall-interess permezz tal-Privatisation Unit. B’kollox kienu tlieta l-operaturi li kienu interessati u tefgħu l-offerta. L-offerenti ssottomettew żewġ pakketti, wieħed bl-offerta finanzjarja u l-ieħor bl-aspetti tekniċi. L-evalwazzjoni bdiet billi l-ewwel infetħu l-pakketti bl-informazzjoni teknika. Wara li ġie assigurat li kollha kienu jissodisfaw il-kriterji mitluba, infetħu l-pakketti bl-informazzjoni finanzjarja. Minn hawn irriżulta li l-orħos offerta kienet dik tal-GWU u għaldaqstant huma ġew inkarigati bit-twettiq tal-Fondazzjoni. Ma kien hemm l-ebda kontestazzjoni miż-żewg offerenti l-oħra.

Community Work Scheme — tibdil

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir tibdil fil-Community Work Scheme u x'tibdil jixtieq jara?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni l-ewwel trid tistabbilixxi n-nomenklaturi u tfassal id-deskrizzjoni tal-impjieg ta’ kull ħaddiem. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju jkun possibbli biex fil-futur ikun hemm aġġustament fil-pagi sabiex jiġi assigurat li dawn il-ħaddiema jkunu mħallsa bl-istess mod ta’ kif jitħallsu ħaddiema ta’ kuntratturi li jfornu servizz lill-gvern.

Ordinanza dwar id-Drittijiet ta’ Xhieda – tariffi riveduti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu riveduti t-tariffi fl-iskeda kollha tal-Kap. 108 tal-Liġijiet ta’ Malta (Ordinanza dwar id-Drittijiet ta' Xhieda)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn it-tariffi kienu saru ħafna snin ilu u ilhom snin twal ma jiġu applikati u għalhekk il-Gvern ma jarax l-utilità li din l-Ordinanza tiġi emendata.