Legislature:
Category:
Reset
Active:

DG Fisheries — każ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tneħħa mill-kariga ta’ DG Fisheries?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-individwu, li d-dettalji dwaru intbagħtu separatament, għandu kariga mal-Gvern u kien qiegħed jokkupa, temporanjament, kariga oħra sakemm din tiġi mimlija. Issa din il-kariga temporanja qiegħda tiġi okkupata minn persuna oħra, għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda tneħħija mill-kariga f’dan ir-rigward.
Leg 12 PQ #1438 Sitting 19 2013-05-15 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali — Advisor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-advisor fuq kunsilli lokali mas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu? Kif intgħażel? Jista’ jpoġġi kopja tal-kuntratt tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-advisor huma s-Sur Michael Cohen. Is-Sur Cohen qiegħed jagħti pariri lis-Segretarju Parlamentari dwar l-Kunsilli Lokali. Hu gie identifikat bhala persuna li ghandha esperjenza vasta f’dan il-qasam billi serva bhala Sindku u President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Il-kuntratt għadu qiegħed jiġi ifformalizzat.

Siġar tal-palm – tħawwil

Question

Jista' l- Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li siġar tal-palm li jinqalgħu minn xi post partikulari jitħawlu mill-ġdid xi mkien ieħor? Kemm kien hemm siġar tal-palm li nqalgħu u tpoġġew post ieħor matul l-aħħar sitt xhur?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi d-Direttorat responsabbli għas-Saħħa tal-Pjanti ma jagħtiex permess li siġar tal-palm jinqalgħu u jitħawlu f’postijiet oħra.

Servizzi għall-anzjani – means-test

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hemmx il-ħsieb li servizzi għall-anzjani bħall-Home Help, Meals on Wheels u Telecare jsiru means-tested kif ġie rrapurtat li qal is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, tista’ tgħid liema minn dawn is-servizzi hemm il-ħsieb li jsiru means-tested?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed fil-proċess li jagħmel reviżjoni tas-servizzi kollha inkwistjoni, fejn irid jassigura li dawn jiġu pprovduti fit-tul b’mod sostenibbli. L-għan ta’ dan il-Gvern hu li jkollna soċjetà ġusta u għalhekk irridu nassiguraw li dawn is-servizzi jkunu ta’ sosten għal dawk li huma l-aktar dgħajfa fis-soċjetà tagħna.

Licensing Appeal Board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Licensing Appeal Board hux kostitwit? Jekk le, meta hemm il-ħsieb li jerġa’ jiġi kostitwit u dan fid-dawl ta’ każijiet pendenti li hemm quddiem dan il-bord?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord in kwistjoni se jkun kostitwit fil-futur mhux imbiegħed.

Residenza San Vinċenz de Paul — rwol ta' deputat parlamentari

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’se jkunu d-dmirijiet tad-deputat parlamentari, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fir-residenza San Vinċenz de Paul? Jekk dan mhux se jkun involut fil-management ta’ din ir-residenza x’se jkun qed jagħmel eżatt?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – dmirijiet ta’ staff nurses u health assistant

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma d-dmirijiet eżatti ta’ staff nurses u health assistants fir-Residenza San Vinċenz de Paul, li mill-anqas darbtejn fil-ġimgħa qed jitilqu mis-swali tagħhom u jkunu allokati fl-uffiċċju tad-deputat parlamentari, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Qed jintalab replacement ta’ dawn l-istaff meta dawn jitilqu mis-swali rispettivi tagħhom biex imorru jagħmlu xogħol fl-uffiċċju tad-deputat parlamentari, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #1502 Sitting 19 2013-05-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tneħħija ta’ segretarji permanenti

Question

Jista’ Prim Ministru jgħid kemm tneħħew segretarji permanenti, u minn kemm?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #1503 Sitting 19 2013-05-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

segretarji permanenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid fejn ġie jew se jiġi posted kull segretarju permanenti li tneħħa mill-kariga tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tidher fit-tabella t’hawn taħt: Isem Responsabilitajiet Ġodda Dr Godwin Grima Head Data Management Is-Sur John Inguanez Proġetti kbar fil-Ministeru t’Għawdex Is-Sur Frans Borg Proġetti fi ħdan il-Ministeri għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali Is-Sur John Gatt Policies ta’ Koeżjoni MITA Is-Sur Anthony Camilleri Fondi Ewropej Is-Sur Chris Ciantar u is-Sur Peter Portelli Għadhom jithallsu ta’ Segretarji Permanent għal 90 jum kif diġa’ ingħad fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 354.

Residenza San Vinċenz de Paul – Kap eżekuttiv

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk wara li twaqqaf Bord ta’ Tmexxija għar-residenza San Vinċenz de Paul hux qed jiġi kkunsidrat ukoll li jinħatar kap eżekuttiv fuq l-istess linji ta’ sptarijiet pubbliċi oħra?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Skema għall-persuni li jieħdu ħsieb il-ġenituri

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskema għal dawk l-ulied li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom tapplikax kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa? Din l-iskema hija means tested? X'irid isir biex persuna tapplika għal din l-iskema?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ benefiċċji għal min jieħu ħsieb il-ġenituri. Guvintur u xebbiet, kif ukoll nisa u rġiel romol u persuni separati bla tfal li jkunu jgħixu u jduru bil-ġenituri full-time, jiġu intitolati jekk il-kapital tagħhom ma jkunx jeċċedi €14000. Jekk il-ġenituri jkunu f’sodda jew f’wheelchair japplikaw għal Pensjoni tal-Wens filwaqt li jekk le għal Għajnuna Soċjali għal Carers. Il-means test għalihom hija l-istess u it-tnejn iridu jidhru quddiem board mediku. L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-Uffiċini Distrettwali jew jitniżżlu mil-website tad-Dipartiment.

Eżamijiet tal-Matsec — Żbalji fil-karti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li tiddaħħal xi sistema sabiex jiġi assigurat li ma jibqgħux jirrepetu ruħhom żbalji fil-karti tal-eżami tal-MATSEC?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Bord tal-MATSEC għandu sistema sabiex ikun assigurat li ma jkunx hemm żbalji fil-karti tal-eżamijiet. Din is-sistema ilha tintuża mill-2002 u fiha tlett fażijiet. Fl-ewwel fażi kull bord tal-eżaminaturi fid-diversi suġġetti jikteb il-mistoqsijiet u jipprepara abbozz tal-karti tal-eżami, skema tal-immarkar u specification grid li turi kif il-mistoqsijiet jirriflettu s-sillabu. Fit-tieni fażi, iċ- chairman tal-bord tal-eżaminaturi jgħaddi dan il-materjal lil reviżur indipendenti li jkun responsabbli biex jara li l-mistoqsijiet ma fihomx żbalji, li mhumiex ambigwi, li jistgħu jinħadmu mill-istudenti fil-ħin allokat għall-eżami, li huma fis-sillabu u li huma tal-livell mistenni. Wara dan, ir-reviżur jgħaddi l-kummenti tiegħu lill-bord tal-eżaminaturi u flimkien jagħmlu t-tibdiliet li jkun hemm bżonn. Fit-tielet fażi, l-karti jgħaddu għand il-MATSEC Support Unit fejn il-Principal Subject Area Officer responsabbli għas-suġġett u uffiċjal ieħor jaraw li l-karti huma konformi mas-sillabu, li l-mistoqsijiet huma ċari u l-lingwa tagħhom hija addattata u li l-format tal-karti huwa konsistenti ma' dak ta' suġġetti oħrajn. Għall-kull fażi hemm checklist biex tiggwida liċ-chairman tal-bord tal-eżaminaturi, lir-reviżur u lill-uffiċjali tal-MATSEC. Din trid timtela' u tkun iffirmata minnhom. Minkejja dan l-iskrutinju, jista' xorta joħroġ xi żball f'xi parti minn mistoqsija li x'aktarx ikun jista' jkun irranġat malajr waqt l-eżami mingħajr effett kbir fuq l-istudenti. Hekk din is-sena fil-karta tal-Business Studies fil-livell tas-SEC kien hemm il-kelma 'care' flok 'cake'; fil-Computing livell tas-SEC waħda mill-vleġeġ kienet fid-direzzjoni ħażina. Fis-Systems of Knowledge kien hemm differenza żgħira bejn il-verżjoni bl-Ingliż li kienet titlob lill-istudenti jirrispondu 'from Classical to Modern times' u dik bil-Malti li talbithom jirrispondu 'miż-żminijiet Klassiċi u Moderni'. F'dan il-każ l-eżaminaturi se jaċċettaw risposti għaż-żewġ verżjonijiet. Il-MATSEC Bord dejjem jibqa' jara li ma jkun hemm l-ebda żball fil-karti tal-eżamijiet li joħorġu, iżda meta jkun hemm xi żball, il-Bord dejjem jiżgura li d-deċiżjoni li tittieħed tkun favur l-istudent u tpatti xi ftit għat-tensjoni li tista' tinħoloq waqt l-eżami.

Korp tal-Pulizija — policy dwar reinstatement

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk: a) teżistix policy dwar reinstatement ta' pulizija; b) jekk iva, x'inhi tali policy ta' reinstatement; u ċ) jekk m' hemmx tali policy, hemm il-ħsieb li din issir fil-futur qarib?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji interni tar-reinstatements fil-Korp tal-Pulizija huma: a) li ma jkunux ilhom li telqu mill-Korp iktar minn għaxar snin; b) li jkunu taħt il-55 sena; ċ) li ma jkunux instabu ħatja ta’ xi reat kriminali; d) li ma jkunux instabu ħatja ta’ reat serju mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku; e) li ma jkunux ġew assoġġettati għal dixxiplina interna aktar minn darba kull sena u aktar minn għaxar darbiet b’kollox matul il-perijodu li jkunu għamlu fil-Korp: u f) li jkunu medikament b’saħħithom.

Korp tal-Pulizija — reinstatement

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra: a) kemm ġew reinstate d pulizija sena b'sena, fis-snin 1999 sal-2012; b) f'liema grad kienu dawk li ġew reinstated sena b'sena fis-snin 1999 sal-2012; u ċ) kemm minn dawn il-pulizija li ġew reinstated, kienu nisa u kemm kienu irġiel u dawn sena b'sena fis-snin 1999 sal-2012?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #1530 Sitting 19 2013-05-15 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Finanzi

Income Tax – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li jidher li hemm xi problema dwar income tax?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli nterpellant li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.

maħfriet Presidenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw maħfriet Presidenzjali matul din il-Presidenza u kemm f`dik ta’ qabilha?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ingħataw 40 maħfriet Presidenzjali matul il-Presidenza (2009-2013) attwali ta’ l-E.T. Dr George Abela u 276 maħfriet Presidenzjali matul il-Presidenza preċedenti (2004-2008) ta’ l-E.T. Dr Edward Fenech Adami.

Birżebbuġa – Bajja s-Sabiħa – irbit għad-dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1217 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex dawk il-persuni li għandhom dgħajsa marbuta ġewwa l-Bajja s-Sabiħa, Birżebbuġa, in-naħa fejn se tiġi żviluppata, humiex se jingħataw post alternattiv fejn jorbtu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk qed jirreferi għall-estensjoni tal-Freeport Terminal 2 (West Quay) li se taffettwa l-irmiġġi ġewwa Wied il-Buni, nikkonferma li hija l-intenzjoni tal-Gvern illi jinstabu rmiġġi alternattivi. Ninsab infurmat li Transport Malta diġa kellha laqgħat ma’ dawk li jirrapreżentaw lis-sidien tal-irmiġġi biex isir pjan u jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet.

Is-Siġġiewi — Għar Lapsi - tneħħija ta' periklu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1218 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u issa ġiet riferuta lilu u jara li jitneħħa l-periklu li hemm fiż-żona ta' Għar Lapsi ġewwa s-Siġġiewi? Jista' jgħid x'kienu l-konklużjonijiet ta' studju li ġie kkumissjonat f'Awwissu 2012 fuq din iż-żona u x'passi se jittieħdu f’dan ir-rigward?

Response (MIZZI, JOE)

Id-Dipartiment tax-Xoghlijiet ilu jahdem fuq din il-problema mill-2011, minn ftit wara li kien sar rapport lill-pulizija, li kien hemm periklu bil-blat fl-akkwati tal-gherien. Fil-fatt id-Dipartiment kien ikkommissjona lill-Gejologista Dr.S.Scerri biex jaghmel rapport dwar din il-problema. Ir-rapport kien tlesta f’Dicembru 2011. Kien jidher car mill-ewwel li l-problema tezisti fl-area tal-gherien, li hi l-aktar frekwentata mill-pubbliku (WEST COVE) u l-parti l-ohra taht ir-Restaurant fejn ricentament waqghet selha blat kbira. Fl-EAST COVE, id-dahla l-ohra lil hinn mir-Restaurant ukoll qed isehh dan il-fenomenu naturali ta’ selhiet kbar ta’ blat li jispiccaw jaqghu fil-bahar ghal ragunijiet spjegati fir-rapport ta’ Dr.S.Scerri. Id-Dipartiment ingagga s-servizzi tal-Perit Adrian Mifsud li ghandu esperjenza ta’ dan it-tip ta’ xoghol, li hejja rapport li jinkludi s-soluzzjonijiet teknici possibli. Sussegwentament, kienet ittiehdet id-decizjoni li ghandna naghtu prijorita tal-area tal-gherien. Minhabba li l-kumpanija specjalizzata taljana Geomont Spl kienu ghadhom impenjati fix-xoghol tac-Cittadella gie deciz li jigu mitluba jaghtu stima ghax-xoghol ta’ konteniment tal-blat kif propost mill-espert imqabbad mid-Dipartiment. L-imsemmija kumpanija tat l-proposta taghha sew ghax-xoghol kif ukoll finanzjarja. Ntalbet l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi ghal din id-direct order u issa li din inharget qed nippjanaw li nibdew ix-xoghlijiet b’effett mit-Tnejn 27 ta’ Mejju.

Il-Buskett — Triq l-Għajn il-Kbira – tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 438 u 1215 li saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx xi ħsieb li Triq l-Għajn il-Kbira li tagħti għall-Buskett tingħata wiċċ bit-tarmak peress li hemm joqogħdu ammont ta’ familji li ta’ kuljum jgħaddu minn din it-triq li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa ntqal fir-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 438, l-imsemmija triq ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta’ Transport Malta, hekk kif stabbilit skont l-Pjan ta’ Struttura ppublikat mill-MEPA rigward toroq arterjali u distributorji. Inġibditli l-attenzjoni li skont Skeda 4 tal-Liġi tal-Kunsilli Lokali, jista’ jkun li teżisti anomalija rigward din it-triq. Għaldaqstant wieħed irid jara eżatt taħt min taqa din l-imsemmija triq sabiex isiru l-interventi li hemm bzonn.

Miżuri 121 — proġetti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1216, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-data ta’ kull applikant taħt din il-miżura li ġabu l-istess punti relatata mal-kriterji imsemmija fit-tweġiba, kif ukoll dokumenti li jikkonfermaw dawn il-kriterji?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li diġa ġie sottomess ħafna informazzjoni taħt it-tweġiba parlamentari numru 436. Ninsab infurmat illi l-kriterji li ntużaw u msemmija fit-tweġiba ġew ippublikati fit-8 ta’ April 2013 u qed jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra bħala Tabelli A u B flimkien ma kopja tal-minuti, Tabella Ċ, fejn il-Bord qabel li jintużaw dawn il-kriterji addizzjonali.