Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #1665 Sitting 20 2013-05-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – applikazzjonijiet għal korsijiet kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm applikanti minn San Pawl il-Baħar (lokalità kollha) u minn lokalitajiet oħra (lokalità b’lokalità) li applikaw għall-korsijiet ta': a) ICT in Tourism ; b) Hospitality English in Tourism; c) Customer Care Management in Tourism; u d) Maltese Culture and Heritage in Tourism liema korsijiet dehru reklamati mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar taħt skema tal-ESF u li huma kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea? Kemm mill-applikanti se jiġu aċċettati għal dawn il-korsijiet u meta mistenni li jinżammu l-istess korsijiet? Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar liema kriterji ntużaw biex jintgħażlu l-persuni li se jagħmlu l-kors?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li rċieva sitta u sittin (66) applikazzjoni għall-kors ICT in Tourism; wieħed u għoxrin (21) applikazzjoni għall-kors Hospitality English in Tourism; wieħed u erbgħin (41) applikazzjoni għall-kors Customer Care Management in Tourism; u erba’ u tletin (34) applikazzjoni għall-kors Maltese Culture and Heritage in Tourism, ilkoll joqgħodu San Pawl il-Baħar. Il-korsijiet kollha dehru reklamati mill-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar taħt l-iskema tal-ESF u li huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Infurmat ukoll li bħalissa għaddej il-proċess tal-intervisti tal-applikanti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kriterji li ser jintużaw fis-selezzjoni.
Leg 12 PQ #1666 Sitting 20 2013-05-20 Oral · Interim From: ETIENNE GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema ġodda mas-Servizz Pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema ġodda mas-servizz pubbliku u ma’ aġenziji tal-Gvern mid-29 ta’ Novembru 2012 sad-9 ta’ Marzu 2013? Meta saret is-sejħa għal dawn il-ħaddiema ġodda u f’liema grad huma dawn il-ħaddiema?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din it-tweġiba se tingħata f’xi seduta ohra.
Leg 12 PQ #1674 Sitting 20 2013-05-20 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – bord tad-diretturi – ħatra ta’ segretarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid min inħatar bħala Segretarju tal-Bord tad-Diretturi tal-Gozo Channel? Din il-persuna għadha tokkupa din il-kariga? Jekk le min inħatar flokha u x'kienet ir-raġuni li inbidlet?

Response (REFALO, ANTON)

Għandi ninforma lill-Onorevoli interpellant li Dr Mandy Farrugia inħatret bħala segretarja tal-bord tad-diretturi tal-Gozo Channel u li hija għadha tokkupa din il-kariga.

L-Imrieħel — pedestrian crossing fil-bypass – applikazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1360 fejn saret referenza għall-PA 05852/96, tajjeb li l-Ministru jinnota li dak in-numru jikkorrispondi biss għall-żvilupp ta’ bini fi Triq Dun Xand Aquilina, Sannat. Għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid għal liema numru preċiż kien qed jirreferi, u nitolbu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti relattivi għall-permess tal-ippjanar korrett li suppost irrefera għalih?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 1360, fejn in-numru tal-permess jgħid PA05852/06 u mhux PA05852/96.

Reserved parking – każ ta’ individwu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1238, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ittra li skont l-Awtorità ma rċevietx, fil-fatt intbagħtet mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u li din l-ittra saħansitra waslet fiż-żmien stipulat għand l-istess Awtorità? Apparti din l-ittra li skont l-Awtorità qatt ma rċeviet, jista’ jikkonferma li l-kunsill lokali kien kiteb tal-inqas f’żewġ okkażjonijiet oħra fejn informa lill-Awtorità li kellu jibqa’ kollox kif kien? Jista’ jikkonferma li kienet l-istess Awtorità fl-2006 li kienet identifikat il-post ta’ fejn kellha titpoġġa l-kaxxa tal-parkeġġ, fejn fil-fatt kien hemm l-istess kaxxa sa ftit jiem biss wara d-9 ta’ Marzu li għadda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1238, intqal li Transport Malta ma rċevietx risposta mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fiż-żmien stipulat fl-ittra maħruġa mill-Awtorita’ bid-data 31 ta’ Jannar 2013 u mhux kif qed jintqal mill-Onorevoli Interpellant f’din il-mistoqsija parlamentari. L-ittra tal-Awtorita’ kienet tgħid li l-kunsill kellu jirrispondi fi żmien tletin ġurnata kalendarja mid-data tal-ittra u li jekk l-Awtorita’ ma kinitx ser tirċievi tali risposta f’dan iż-żmien stipulat l-Awtorita’ kienet tifhem li l-kunsill ma kellu l-ebda oġġezzjoni li dan il-parkeġġ riservat jiċċaqlaq sabiex ikun konformi mal-polza tal-Awtorita’. Fil-fatt Transport Malta rċeviet ir-risposta mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bil-posta fil-11 ta’ Marzu 2013. L-Awtorita’ tikkonferma li għalkemm din infurmat lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li tali kaxxa ta’ parkeġġ riservat ma kinitx konformi mal-polza, il-kunsill informa lill-Awtorita’ li ma riedx iċaqlaq xejn fuq il-post b’ittra datata 20 ta’ Diċembru 2012.
Leg 12 PQ #1679 Sitting 20 2013-05-20 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kmamar tan-Nar — applikazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1477, jista’ l-Prim Ministru jgħid għal liema raġuni l-applikazzjoni tal-kamra tan-nar tal-Mellieħa ma ssemietx fost dawk il-kmamar li kienu elenkati li għaddew jew jinsabu fil-proċess quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija fin-numru 1694.

Kunsilli Lokali – Ħaddiema mill-IPSL u l-ETC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema jaħdmu mal-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex taħt l-iskemi tal-Industrial Projects and Services Limited (IPSL) u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) sad-9 ta’ Marzu 2013? Jekk żdiedu wara din id-data, b’kemm żdiedu ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fid-09 ta' Marzu 2013 kien hemm 374 persuna fl-Iskema ta' Xogħol fil-Komunità filwaqt li kien hemm 384 persuna f'din l-iskema fis-17 ta' Mejju 2013. L-Iskema ta' Xogħol fil-Komunità hija mmexxija mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.
Leg 12 PQ #1682 Sitting 20 2013-05-20 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – trasferiment ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru trasferimenti ta' ħaddiema fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) mid-9 ta' Marzu 2013 s'issa, u f'kull każ jgħid jekk dan iċ-ċaqliq sarx fuq talba tal-impjegat jew tal-management? Jekk sar fuq talba tal-management, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum, 20 ta’ Mejju 2013 kien hemm tmintax-il impjegat li ġew imċaqilqa internament. 3 minn dawn saru fuq talba tagħhom waqt li l-oħrajn saru skont l-esiġenza tas-servizz

Il-Belt Valletta – Funtana tat-Tritoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-pjan li ġie diskuss sabiex issir pjazza madwar il-funtana tat-Tritoni, il-Belt Valletta, hemmx il-ħtieġa li jiċċaqalqu xi siġar?

Response (MIZZI, JOE)

Skont diskussjonijiet li kienu saru għall-ħabta ta' Jannar 2013 mad-dirretoratt tal-ambjent, ġie stabbilit li numru ta' siġar (ficus nitida) li hemm bħalissa fuq is-sit huma viċin wisq it-tarf tal-foss u għaldaqstant ikun għaqli li dawn jiġu magħqluha u pjantati fil-foss.

Vetturi – reġistrazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati vetturi ġodda fl-ewwel erba’ xhur ta' din is-sena? Kemm minn dawn ġew reġistrati minn Maltin u kemm minn barranin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi, skont ir-records li għandha Transport Malta, l-ammont ta’ vetturi ġodda rreġistrati hawn Malta fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena huwa ta’ 2290. Transport Malta ma tagħmilx distinzzjoni dwar in-nazzjonalità tas-sid meta tirreġistra vettura. Skont informazzjoni meħuda mill-Karta ta’ l-Identità tas-sid huwa smat illi l-ammont ta’ vetturi rreġistrati lil dawk li l-aħħar ittra tal-Karta tal-Identità hija “M” jew “G” huwa ta’ 2172, filwaqt li għal dawk li l-aħħar ittra hija “A” jew “L” jew numru tal-passaport huwa ta’ 118.

Il-Belt Valletta – Putirjal — gabbani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għal dawk il-gabbani li jinsabu madwar it-terminus ta' Putirjal, il-Belt Valletta?

Response (MIZZI, JOE)

Il-progett ta' bieb il-belt kien jinkludi l-bus terminus il-ġdid kif ukoll it-tisbieh tal-pjazza tat-tritoni. Bħalissa hemm applikazzjoni quddiem il-MEPA għall-approvazzjoni tat-tieni parti tal-proġett tal-bus terminus. Din l-applikazzjoni tinkludi t-tneħħija tal-gabbani li hemm fl-entratura ta' bieb il-belt għal post iktar arkitetonikament aċċetabbli. It-tneħħija tal-gabbani kienet bdiet fl-amministrazzjoni preċedenti, b'taħdidiet li kienu saru mas-sidien u l-GRTU. Id-diskussjonijiet ikomplu kull fejn ikun hemm il-ħtieġa.

Il-Belt Valletta – Funtana tat-Tritoni

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li skont il-pjanti li dehru f'gazzetti lokali ġie deċiż li l-parti t'isfel tal-funtana ta' Putirjal, il-Belt Valletta, tiġi livell wieħed mat-triq li se twassal għal Bieb il-Belt? Jidhirlu l-Ministru li jekk dan il-pjan iseħħ ikun qed jitħassar parti integrali mid-disinn oriġinali tal-funtana msemmija, hekk kif ħoloqha l-artist?

Response (MIZZI, JOE)

Il-pjanta proposta minn RPBW, li qegħda għall-konsiderazzjoni tal-MEPA mis-sena 2012 għall- permessi neċessarji, turi li l-pavimentar huwa ma’ l-istess livell tal-funtana biex tiġi integrata iktar il-funtana mal-pjazza li jixtieq joħloq l-arkitett Piano. Il -Mepa ghandha tapprovah jew titlob modifika.

Is-Siġġiewi (Salib tal-Għolja) – restawr ta’ kappella

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1255, u fid-dawl tal-fatt li Gvernijiet preċedenti intervjenew fir-restawr ta' diversi knejjes madwar Malta, jista' l-Ministru jikkonferma jekk din il-politika ta' restawr ta' knejjes Maltin hijiex se titkompla mill-Gvern tal-ġurnata? Jekk iva, meta se tittieħed id-deċiżjoni li jsir intervent fuq il-Knisja tas-Salib tal-Għolja fid-dawl tal-urġenza ddettat mill-istat ta' periklu avvanzat li jista' jwassal għat-tiġrif tagħha?

Response (MIZZI, JOE)

Nikkonferma li m’hemm l-ebda intenzjoni li l-politika ta’ restawr ta’ knejjes Maltin ma titkompliex mill-Gvern tal-ġurnata. Madankollu, kif ġara fil-passat, biex il-Gvern jagħmel restawr fuq proprjetà li mhix pubblika l-ewwel trid issir talba għall-għajnuna minn min hu responsabbli minn dik il-proprjetà. F’dak l-istadju, il-Gvern jagħmel studju preliminari biex jara hux f’pożizzjoni li jgħin f’dak il-każ partikolari. Fil-preżent ma jirriżultax li saret talba formali għall-għajnuna fuq din il-Kappella minn min hu responsabbli tagħha.

Is-Siġġiewi (Għar Lapsi) – Tisbiħ fil-bajja

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1258, jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux se jsir xogħol maġġuri mill-Gvern ta' tisbiħ fil-bajja ta' Għar Lapsi, lil hinn minn dak ta' manutenzjoni li jsir mill-Kunsill Lokali kull sena?

Response (MIZZI, JOE)

Fil-granet li ġejjin se jibda x-xogħol estensiv ta’ konteniment tal-blat fl-inħawi tal-għirien (west cove).

Is-Siġġiewi (Għar Lapsi) – Tiġrif ta’ Blat

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1259, jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan ix-xogħol ta’ konteniment tal-blat fil-bajja ta' Għar Lapsi hux se jitlesta qabel l-1 ta' Lulju ta' din is-sena sabiex il-bajja tkun tista' titgawda aħjar mit-turisti? Jista’ jikkonferma ukoll jekk għandux parir tal-esperti li dan il-konteniment joffrix soluzzjoni ta' natura temporanja jew permanenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ix-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant mistenni li jibda t-Tnejn 27 ta’ Mejju u jitlesta fix-xahar ta’ Lulju bil-għan li tkun offruta sigurta’ lil kull min jagħmel użu mill-bajja Is-sistema li ser tintuża tikkonsisti f’xibka doppja tal-azzar marbuta mal-blat b’ankeraġġi tal-istainless steel. Biex tiġi assigurata l-akbar reziztenza tal-elementi ser jintużaw ankeraġġi ta’ Grade superjuri ta’ stainless steel. Is-sistema li ser tintuża f’dan is-sit tippermetti li meta jkun hemm bzonn ix-xibka tkun tista’ tinbidel f’każ ta’ ħtieġa ta’ manutenzjoni.Din il-ħtieġa żgur li ma tistax tiġi eliminata f’sit b’kundizzjonijiet ambjentali hekk aggressivi.

Skalli — responsabbiltà

Question

Billi waħda mid-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħha s-sajjieda part-time hi dik tal-iskalli li hawn madwar Malta u Għawdex, u kultant ukoll id-diffikultà ta' liema dipartiment/awtorità hi responsabbli minnhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema minn dawn l-iskalli huma responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent/ Dipartiment tas-Sajd?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura huwa responsabbli għall-użu tal-iskalli li hawn madwar Malta u Għawdex skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja 425.04, “Regolamenti dwar l-Użu ta’ Skal”.

Binjiet agrikoli – Working group

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari1476, fejn qed jingħad li se jitwaqqaf working group li se jipproponi tibdil tad-dokument tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar agriculture, farm diversification and stables, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt kienx diġà miktub, diskuss mal-Awtorità u emendat tali studju, matul l-aħħar leġiżlatura? Jekk iva, x'se jkun l-iskop li jerġa’ jinbeda x-xogħol mill-ġdid fuq xi ħaġa li kienet fi stadju avvanzat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-diskussjonijiet li qed jirreferi għalihom u li seħħu fil-leġiżlatura preċedenti ma kienux ġew maqbula mill-istakeholders kollha konċernati u għaldaqstant ma ġewx fis-seħħ l-emendi msemmija, tant li sal-lum għadhom japplikaw l-“Agriculture, Farm Diversifications and Stables” Guidelines hekk kif ġew pubblikati fl-2007. Ninsab infurmat ukol li f’dawn l-aħħar ġimgħat saru numru ta’ laqgħat ma diversi organizazzjonijiet tal-bdiewa u rriżulta li għad hemm numru ta’ kwistjonijiet li ma ġewx indirizzati b’mod soddisfaċenti fil-leġiżlatura preċedenti u li jeħtieġu studju u bidliet ulterjuri flimkien mal-konsultazzjoni neċessarja, u għaldaqstant ġie fformat dan il- working group.
Leg 12 PQ #1693 Sitting 20 2013-05-20 Oral · Interim From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Binjiet agrikoli – konsultazzjonijiet mal-MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' laqgħat/diskussjonijiet kellha l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) mal-Ministeru li qabel l-elezzjoni kien responsabbli mill-agrikoltura, dwar it-tibdil li jinħass li hu meħtieġ fid-dokument dwar il-bini meħtieġ għall-agrikultura, ċjoè d-dokument Agriculture, Farm Diversification and Stables?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din it-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #1694 Sitting 20 2013-05-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kmamar tan-Nar – Applikazzjonijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1477, dwar kmamar tan-nar, jista' l-Prim Ministru jivverifika permezz tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) jekk fil-fatt hemmx ukoll almenu applikazzjoni oħra pendenti, u ċjoè dik tal-Mellieħa? Jekk iva f'liema stadju tinsab din l-applikazzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni PA5985/09 magħmula mill-Għaqda tan-Nar Marija Bambina fuq is-sit Tal-Għajn, il-Mellieħa, din m'hijiex pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, imma hemm appell pendenti quddiem it-Tribunal tal-Appelli, li huwa indipendenti mill-istess Awtorità. B'hekk din applikazzjoni ma ssemmietx fit-tieni parti tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1477.

Università ta’ Malta — Każ dwar Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk is-sinjur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kellux il-kuntratt tax-xogħol tiegħu mġedded mill-Università ta' Malta? Jekk fin-negattiv jista’ jgħid ta' min kienet id-deċiżjoni li tali kuntratt ma jiġġeddidx u x'wassal biex dan ma sarx? Meta se tittieħed l-azzjoni neċessarja biex tali kuntratt fil-fatt jiġġedded?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għandu kuntratt definit bħala laboratory officer mal-Università ta' Malta li beda fl-14 ta' Marzu 2012 u kien estiż sat-30 ta' Ġunju 2013.