Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija – reklutaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir reklutaġġ ta’ pulizija fix-xhur li ġejjin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għal dik il-parti fejn tikkonċerna lill-Pulizija fit-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1190.

Forzi Armati ta’ Malta – reklutaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir reklutaġġ għal Membri fil-Forzi Armati ta' Malta?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal dik il-parti fejn tikkonċerna lill-Forzi Armati ta’ Malta fit-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1190.

Buġibba – Waterpark – ħinijiet tal-ftuħ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1362, jista’ l-Ministru jgħid meta se jerġa’ jiftaħ għall-pubbliku l-Waterpark ta’ Buġibba u x’se jkunu l-ġranet u l-ħinijiet li fihom tinfetaħ din il-faċilità?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li qed jsiru preparamenti li huma ntiżi biex il-waterpark jinfetaħ kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd (inkluż il-festi pubbliċi), bejn l-1 ta’ Lulju u 29 ta’ Settembru bejn 10:00am u 7:00pm.

Impjant tat-Trattament għall-Iskart — Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk twaqqafx il-Bord biex jevalwa t-tender għall-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis, liema impjant ġie approvat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dan l-aħħar? Jekk iva sa meta hu mistenni li dan il-Bord ilesti l-evalwazzjoni tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi l-Bord biex jevalwa t-tender għall-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis ġie mwaqqaf. Dan il-Bord għandu jibda jiltaqa' minn din il-gimgħa. L-Onor. Interpellant ġentilment mitlub japprezza li dan il-proċess huwa delikat u għaldaqstant għad m’hemmx data fissa ta’ meta dan il-bord hu mistenni jlesti l-evalwazzjoni tiegħu.

Enerġija nadifa — Refused Derived Fuel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern preżenti beħsiebu jikseb enerġija nadifa mir-refuse-derived fuel li pajjiżna jiġġenera?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ġentilment mitlub japprezza li bħalissa jinsab għaddej eżerċizzju intensiv dwar l-operat kollu tal-WasteServ inkluż l-istess impjanti tagħha. Huwa l-ħsieb tagħna li nindirizzaw l-mistoqsija fi stadju ulterjuri la jkollna stampa aktar ċara attwali tal-operat tal-WasteServ. Ser nkunu qed nħarsu b’attenzjoni kbira lejn r-rakkomandazzjonijiet li jkunu qed jagħmlu dawk responsabbli għal dawn ir-rapporti. L-aspett tar-RDF bla dubju ta’ xejn ma jistax jitwarrab jew jiġi njorat.

Pjan Nazzjonali għall-Ilma

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1355, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna li mhumiex indirizzati mill-Pjan Nazzjonali għall-Ilma varat fl-2012?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-Politika ghall-ilma li se titnieda mill-Gvern se tagħti importanza strategika lill-Integrazzjoni ta' sorsi alternattivi tal-ilma, id-domanda nazzjonali u l-protezzjoni tar-rizorsi naturali tal-Ilma. Din il-politika se jkollha impatt aktar dirett fuq policies settorali, kif ukoll se tieħu in konsiderazzjoni d-direzzjoni gdida tal-Kummissjoni Ewropeja.

L-Imsida – Pedestrian Crossing ħdejn l-Università

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jikkonsidra li jagħmel pedestrian crossing fil-forma ta’ overpass jew underpass ħdejn l-Università fejn ħafna studenti kif ukoll residenti li joqogħdu lejn l-inħawi tas-Swatar ikollhom jaqsmu l-bypass Triq Dun Karm għal Triq Mons. Carmelo Zammit fl-Imsida?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-inħawi tal-Università diġà teżisti underpass li tinsab taħt l-iskate park. Madanakollu Transport Malta lesta tikkunsidra mizuri varji mahsuba biex ikun hemm iktar sigurtà kemm ghall-istudenti tal-Università u kif ukoll ghar-residenti tas-Swatar.

Water Policy – konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-input li l-Gvern kien irċieva mingħand l-entitajiet kollha fil-perijodu ta’ konsultazzjoni pubblika fuq in-National Water Policy li kienet iffinalizzata f’Ġunju tal-2012?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #1775 Sitting 21 2013-05-21 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għall-Finanzi

Każini Filarmoniċi — kontribuzzjonijiet mill-booths tal-lottu

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta l-każini filarmoniċi se jirċievu l-persentaġġ dovut lilhom minn bejgħ mill-booths tal-lottu fil-każini rispettivi tagħhom?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Il-Gvern qed jara fid-dettal x'inhi l-pożizzjoni tal-fond. Meta din il-pożizzjoni tkun ċara l-gvern ikun jista' jippronunzja ruħu

Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir — Ftehim mal-EBU

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li kien irrapurtat li laħaq mas-Segretarju Ġenerali tal-European Broadcasting Union (EBU) fuq għajnuna lill-Malta biex tiġġedded il-politika nazzjonali dwar ix-xandir?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim sar verbalment. Minn issa ‘l quddiem iż-żewġ naħat se jkunu qed jidħlu f’diskussjonijiet biex dak li kien miftiehem, fiż-żmien li ġej, jitwettaq fil-prattika.

Laqgħa tas-70 Assemblea Ġenerali tal-EBU

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta kien deċiż mill-European Broadcasting Union (EBU) li torganizza s-70 Assemblea Ġenerali tal-istess EBU ġewwa pajjiżna, x'se jkun hemm fuq l-aġenda tal-istess Assemblea? X'inhi l-attendenza mistennija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #1778 Sitting 21 2013-05-21 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Saħħa

Parkeġġ

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1662, jista' l-Ministru jara li l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, twettaq xogħlha sew peress li f'dan il-parkeġġ qiegħed isir ħafna parking b'mod abbużżiv?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Isptar Mater Dei ha jżomm ix-xogħol f’din iż-żona taħt skrutinju speċjali biex jara li din il-kumpanija tagħmel xogħolha sew.

Skema 'Kun Sid Darek'

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jinħarġu għal bejgħ il-flats li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament, skont l-iskema Kun Sid Darek?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Akkomodazzjoni — każ ta' individwu

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u li hi single mother se tingħata akkomodazzjoni għax hi ilha li applikat għal aktar minn tliet snin?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Interuzzjoni fis-servizz tal-ilma — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jingħata s-servizz tal-ilma, liema servizz ġie sospiż meta għal xi raġuni ġiet interotta il-provvista tal-ilma tal-istess persuna?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li diġà kkuntatjajna lill-konsumatur. Fil-ġranet li ġejjin ħaddiema tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma se jiltaqgħu fuq il-post ħalli jiddentifikaw il-problema.

Awtorità tad-Djar — proprjetà

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-post, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, hux proprjetà tal-Awtorità tad-Djar? Jekk fl-affermattiv, dan il-post hu użat jew mikri lil terzi?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-post imsemmi m’huwiex propjetà tal-Awtorità tad-Djar

Ħaddiema tax-Xatt — arretrati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1663, 1315, 581 u 116 li oriġinarjmanet saru lill-Ministru għall-Ekonomija u Investiment u li issa ġew riferuti lilu u jgħid jekk hux qed isiru diskussjonijiet fuq arretrati tal-ħaddiema tax-xatt?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 306, u ċioè li l-arretrati tal-ħaddiema tax-xatt huma s-suġġett ta’ erba’ kawżi miftuħa mill-ħaddiema tax-xatt, ħaddiema tax-xatt irtirati u werrieta tal-ħaddiema tax-xatt li kienu rtiraw.

Iż-Żejtun – kindergarten — tapit

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-tapit li hemm fil-playing area tal-kindergarten taż-Żejtun jinbidel minħabba li fi żmien amministrazzjoni ta’ qabel dan ma sarx b’konsegwenza li t-tfal żgħar jistgħu jweġġgħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol jifforma parti minn programm ta' xogħlijiet li qegħdin jiġu ppreparati għal futur qrib fi skejjel statali.

Diskors tal-baġit – skema ta’ taħriġ għall-Għawdxin

Question

B'referenza għad-diskors, tal-Ministru tal-Finanzi preċedenti, dwar il-baġit għal din is-sena, fejn f’paġna 58 kien intqal... ‘Flimkien mal-ETC se tinħoloq skema biex persuni Għawdxin li qed jirreġistraw għax-xogħol jingħataw l-opportunità ta' taħriġ f'impjieg għal perjodu definittiv' u fejn intqal ukoll li.... 'din l-iskema hi mistennija li tolqot madwar 200 persuna u se tfisser żieda netta fl-ispiża tal-Gvern ta' €1.1 miljun’, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Gvern preżenti għadux bil-ħsieb li jwettaq din il-miżura hekk kif imħabbara fid-diskors imsemmi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern talab lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ sabiex tfassal din l-iskema li minnha se jibbenefikaw 200 persuna Għawdxija.

Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma – frekwenza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 372 u jgħid meta se jibda l-proċess li kien imwiegħed sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu l-metodu u l-frekwenza ta' meta jirċievu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern huwa kommess li jirranġa l-problemi kbar li sab fit-tmexxija tal-Arms LTD kif ukoll fil-mod kif joħorġu l-kontijiet biex dawn jibdew joħorġu b'mod regolari minħabba li dan il-punt bażiku ma kienx qed jinżamm taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Dan huwa l-bidu tal-proċess li għandu jwassal biex titwettaq din il-wegħda elettorali.