Legislature:
Category:
Reset
Active:

Importazzjoni ta’ siġar — border controls

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' border controls qed iseħħu meta jiddaħħlu siġar minn barra minn Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jagħmel spezzjonijiet fuq siġar li jiddaħħlu minn barra minn Malta skont l-Avviż Legali 97 ta’2004 taħt l-Att tal-Kwarantina tal-Pjanti, 2001 (Kapitlu 433) u l-liġijiet sussidjarji, kif ukoll skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea u skont il-konvenzjoni tal-IPPC (International Plant Protection Convention). Is-siġar li huma rregolati taħt il-liġijiet jew l- istandards imsemmija hawn fuq huma suġġetti għal spezzjonijiet. Waqt dawn il-kontrolli, l-ispetturi għas-saħħa tal-pjanti jivverifikaw il-kontenut taċ-ċertifikat fitosanitarju, l-identita’ tal- kunsinna, kif ukoll l-istat ta’ saħħa u l-kwalita’ ta’ din il-kunsinna. Meta dawn it-tlieta jiġu verifikati kif ukoll approvati, il-kunsinna titħalla tidħol f’pajjiżna. Dawn l-ispezzjonijiet ta’ kunsinni, hekk kif msemmija hawn fuq, isiru ġewwa l- Border Inspection Post tal- FreePort , kif ukoll fl-Ajruport ta’ Malta. Isiru kontrolli wkoll fil- Groupage f’Hal Far kif ukoll fl-imħazen approvati mid-Direttorat.

Esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni li preżentement għandhom liċenzja/permess biex jesportaw/jibagħtu prodotti agrikoli Maltin lejn is-suq tal-Unjoni Ewropea?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ammont ta’ persuni/entitajiet li jistgħu jinnegozjaw fis-Suq Ħieles Ewropew jew jesportaw lejn pajjiżi terzi prodotti ta’ oriġini mill-annimali, huwa ta’ 134. Ninsab infurmat ukol li fil-każ ta’ pjanti, l-ammont ta’ persuni/entitajiet li jistgħu jinnegozjaw fis-Suq Ħieles Ewropew jew jesportaw lejn pajjiżi terzi, huwa ta’ 218.

Plant health – gradwati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni gradwati fil-plant health, u li preżentement jaħdmu mad-dipartimenti responsabbli mill-agrikoltura? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx persuni li bħalissa qed jistudjaw f'dawn l-oqsma biex ikunu ppreparati għax-xogħol mad-dipartiment?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament hemm 19-il gradwat li bejniethom għandhom dawn il-kwalifiki kif ġej: 17-il impjegat għandhom Diploma; 14-il impjegat għandhom Degree; 6 impjegati għandhom Masters ; Impjegata waħda għandha PHD. Ninsab infurmat ukoll illi tnejn minn dawn l-impjegati li preżentament għandhom Degree qegħdin ikomplu javvanzaw l-istudji tagħhom fuq livell ta’ Masters. Dawn il-ħaddiema kollha jaħdmu mad-Direttorat tas-Saħħa tal-Pjanti li huwa parti mid-Dipartiment tar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti.

Istituti ta' studji agrikoli — scholarships

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux kuntatti ta' istituti ta' studji agrikoli barra minn Malta, u jekk hemmx xi scholarships li hu mistenni jintrebħu għal dawn l-istituti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament il-Ministeru m’għandux kuntatti ma’ istituti ta' studji agrikoli barra minn Malta.

użu ta' prodotti agrikoli lokali – kuntatti mal-FAO

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi kuntatti partikolari mal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) dwar l-użu ta' prodotti agrikoli lokali? Min hu r-rappreżentant ta' Malta f'din l-organizzazzjoni fil-preżent?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent ma jeżiżtux programmi fuq użu ta’ prodotti agrikoli lokali ta' l-FAO. Malta tippartecipa fl-FAO f’laqgħat f’livelli varji, bir-rappreżentat ewlieni jkun is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, li jipparteċipa fil-konferenza tal-FAO li ssir kull sentejn.

Skejjel Sekondarji – attendenza ta’ tfal

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hawn tfal jattendu l-iskejjel sekondarji tal-Gvern , u possibilment jindika dan skola, skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #1731 Sitting 21 2013-05-21 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Aġenzija Sapport – servizz ta’ Personal Assistants lil persuni bi problemi ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 845, jista’ l-Ministru jindika s-servizzi speċjalizzati (bħal per ezempju s-servizz tal-Personal Assistants tal-Aġenzija Sapport)) mogħtija minn entitajiet oħra lil persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jiklarifika u jagħti aktar informazzjoni rigward il-mistoqsija parlamentari 845.

Kulleġġ St Albert The Great — rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-kamra x’passi ulterjuri ġew meħuda sabiex isir il-proġett li permezz tiegħu l-Kulleġġ St Albert the Great li qiegħed l-Belt Valletta jiġi rilokat f’post ieħor?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Hekk kif spjegat f'dokument preliminari mħejji mill-istess skola u ppreżentat fl-2010 lill-Onor. Dr. Jason Azzopardi, dak iż-żmien fil-kapaċita' tiegħu bħala Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ghall-Finanzi, Ekonomija u Investiment, il-proposta ta' rilokazzjoni tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir ilha tiġi diskussa għall-aktar minn għaxar snin. Dan wassal sabiex nhar il-25 ta' Lulju 2011, ġie ppreżentat dokument dettaljat mill-iskola lill-Kabinett biex jispeċifika l-proposta dwar ir-rilokazzjoni tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir mill-Belt Valletta għall-bini ġdid f'Ħal Għaxaq u jitlob direzzjoni politika. Nhar it-28 ta' Lulju 2011, id-Direttorati tal-Edukazzjoni formalment iddikjaraw li ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni għall-iżvilupp propost mill-iskola lill-MEPA. Għad iridu jibdew taħditiet bejn iż-żewġ naħat dwar il-proġett.

Qorti Ċivili – mandati ta’ qbid

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew preżentati mandati ta’ qbid fis-snin 2009, 2010, 2011 u 2012 quddiem l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija kif ġejja: Sena Mandati ta' Qbid preżentati Malta Għawdex 2009 218 20 2010 142 10 2011 114 25 2012 90 23
Leg 12 PQ #1742 Sitting 21 2013-05-21 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għas-Saħħa

Spejjeż ta’ safar għall-ġenituri minħabba kura tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux diġà qed titħaddem il-wegħda li l-Istat iħallas l-ispejjeż għaż-żewġ ġenituri biex ikunu jistgħu jakkumpanjaw lit-tifla jew tifel tagħhom taħt l-età meta dawn ikollhom bżonn isiefru barra minn Malta għall-kura? Jekk le, x’inhu jżomm biex dan jibda jsir ġaladarba dan ma jitlobx bdil f'liġijiet imma proċedura li diġà qed titħaddem illum fuq bażi ta' ġenitur wieħed?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-ħlas għat-tieni ġenitur meta jiġu akkumpanjati minuri għal-trattamenti barra minn Malta, peress li fil-budget attwali l-gvern preċedenti qatt ma ħaseb dan il-bżonn u għalhekk m’alloka l-ebda fondi, bi pjaċir ninfurmaħ li dan il-ftehim se jiġi attwat mal-Budget li jmiss.

Bini tal-Parlament il-ġdid – xiri ta’ materjal

Question

Peress li persuni responsabbli mill-proġett tal-bini tal-Parlament stqarrew li nxtraw bosta affarijiet li se jintużaw għal dan il-bini, jista’ l-Ministru jgħid u jagħti d-dettalji ta’ x’inxtara s’issa, kemm ġew jiswew, kif ġew magħżula l-affarijiet u minn fejn inxtraw? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm sejħa għall-offerti u kemm ġew mixtrija b’direct order? X’għad fadal li għadhom ma nxtrawx? Fejn qed jinżammu l-affarijiet li ġew mixtrija diġà? Jista’ jgħid jekk il-kumpaniji li minn għandhom ġew mixtrija dawn l-affarijiet tħallsux diġà jew le?

Response (MIZZI, JOE)

L-affarijiet mixtrija qegħdin jinżammu fl-istores tal-kuntratturi rispettivi jew fi stores fuq is-sit sa kemm dawn jiġu nstallati. Għad baqa’ il-loose furniture x’tinxtara għall-Parlament, li l-istima taghha hija ta’ €450,000. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bini tal-Parlament il-ġdid – akkomodazzjoni għall-ħaddiema barranin

Question

Peress li hemm numru ta’ persuni barranin li qed jaħdmu fuq is-sit tal-Parlament il-ġdid, jista’ l-Ministru jgħid jekk inkrewx xi postijiet sabiex dawn il-persuni joqogħdu fihom sakemm ikunu hawn Malta? Fejn jinsabu dawn il-postijiet, kemm hemm postijiet li qed jinkrew, kemm hija l-ispiża għal kull kirja u min qed iħallas għal dan?

Response (MIZZI, JOE)

Il-ħaddiema barranin fuq is-sit tal-proġett ta' Bieb il-Belt huma ngaġġati mill-kuntratturi rispettivi tagħhom.

Il-Belt Valletta — ditch

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fid-ditch tad-daħla tal-Belt Valletta? Jikkonferma li dan ix-xogħol huwa parti mix-xogħol tal-bini tal-Parlament il-ġdid u allura l-ispiża tinsab fit-€80 miljun li suppost se jintefqu fuq dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ix-xogħol infrastrutturali fid-ditch huwa lest fil-maġġor parti tiegħu. Dan jinkludi reservoirs kbar li jiġbru l-ilma tax-xita biex jintuża bħala "second class water" fit-toilets kif ukoll għat-tisqija. Iżda baqa xogħol li huwa marbut mat-tisbieħ tal-foss, liema xogħol jirriżulta li jaqbeż il-budget stabilit u allura ġie mitlub budget addizzjonali lill-gvern biex dan ix-xogħol ikun jista’ jitwettaq. L-ispiża fuq dawn ix-xogħlijiet tagħmel parti mit-80 miljun ewro għall-proġett tal-Belt Valletta.
Leg 12 PQ #1746 Sitting 21 2013-05-21 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Lejliet Lapsi – spiża totali

Question

B'referenza għall-edizzjoni tal-attività 'Lejliet Lapsi - Notte Gozitana' ta’ din is-sena, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra: a) Kemm kienet l-ispiża totali biex ittellgħet din l-attività; b) Jekk dan l-ammont qabiżx il-vot allokat għal din l-attività; ċ) Min kienu l-parteċipanti f'din l-attività; u d) Kemm hu l-ammont ta’ flus li ġew allokati għal kull attività?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-ispiża totali biex titela l-attività Lejliet Lapsi - Notte Gozitana 2013 ammont għal €122,307.34 liema ammont ma qabżix il-vot allokat. L-allokazzjoni tal-flus għal din l-attività maret b'dan il-mod: Media u Advertising €20,028.38 Program ta' attivitajiet €57,428.23 Loġistika €44,850.73 Il-lista tal-parteċipanti fil-programm ta din is-sena qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

WasteServ — Studji

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-istudji li għamel referenza għalihom waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar il-kompożizzjoni tal-bord il-ġdid tal-WasterServ? X'aspetti tal-operat tal-WasteServ qed ikopru dawn l-istudji? Min qed jagħmilhom? Sa meta għandhom jitlestew?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi l-istudji li rreferejt għalihom huma intiżi biex jagħmlu review strateġiku - skrutinju fid-dettal – ta’ l-operat kollu tal-kumpanija aktar u aktar wara sensiela ta' nuqqasijiet serji li ilhom li ġew elenkati kemm mill-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali u anki mill-istess ditta ta’ awdituri interni li qabbdet il-kumpanija innifisha. Il-ħsieb huwa li dawn iħarsu lejn kull qasam inkluż dak li huwa management, operat u anki dak finanzjarju fost oqsma oħrajn. Dan l-eżerċizzju komprensiv li mistenni jieħu madwar sitt gimgħat, kif ħabbart fil-konferenza tal-aħbarijiet, qed issir mill-kumpaniji NEXIA BT, RSM MALTA u IDEA MANAGEMENT CONSULTING SERVICES LTD. F'mod parallel hemm review team li għandu bħala Chairperson lil Profs. EA Mallia u bħala membri lil Dr Louiselle Spiteri Farrugia u lis- Sur A Pulis li qegħdin jħarsu lejn l-impatt ambjentali tal-impjant ta' Sant’ Antnin, kif ukoll dwar kemm dan qiegħed filfatt jilħaq il-miri tiegħu f'termini effettivi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mit-tħaddim tiegħu. Nittamaw u nawguraw li dak li nħeba u ġie mistur mill-pubbliku in ġenerali u mit - taxpayers Maltin għal dawn l-aħħar snin jitla fil-wiċċ ħalli toħroġ il-verita' kollha u kullħadd ikun mitlub u mistenni jġorr ir-responsabbilita' tiegħu. Anki dik politika. Nittama li fil-ġejjieni qrib inkun nista nirreferi wkoll għall-istudju li kien tħejja għall-Gvern preċedenti nnifsu, dwar abbużi u prattiċi ħżiena, fost affarijiet oħra, fil-kumpanija WasteServ, li għal raġunijiet mhux magħrufa baqa’ fuq l-ixkaffa, tant li wara li tlesta, il-kumpanija WasteServ baqgħet tagħmel il-maqlub ta’ dak li l-istudju nnifsu rrikmanda.
Leg 12 PQ #1748 Sitting 21 2013-05-21 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kariga ta’ Deputy Chief of Staff

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema segretarjati ta' ministeri jeżisti l-grad ta' Deputy Chief of Staff? Fejn jeżisti, għal-liema raġuni ġie introdott?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għall-Guidelines for the Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats, li kopja tiegħu tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f’seduta numru 7, tal-15 t’April 2013. Il-grad ta’ Deputy Chief of Staff huwa maħsub biex iċ-Chief of Staff ikollu appoġġ fil-ħidma tiegħu ta’ kuljum. Filwaqt li l-complement tas-segretarjati privati ta’ kull Ministeru u ta’ kull Segretarjat Parlamentari huwa l-istess, huma fil-libertà li joħolqu din il-kariga fi ħdan dan l-istess complement.

Korp tal-Pulizija – Unit għas-sigurtà tat-turisti

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm il-ħsieb li jinħoloq unit speċjalizzat fi ħdan il-pulizija li jkun imħarreġ biex jieħu ħsieb żoni turistiċi u biex ittejjeb is-sigurtà tat-turisti li jżuru Malta bħal m'hemm f'pajjiżi oħra bħall-Eġittu u t-Tuneżija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li bir-rispett kollu ma’ naqbilx mal-paragun imsemmi mill-Onorevoli kulħadd jaqbel li s-sitwazzjoni f’pajjiżna m’għandha x’taqsam xejn ma’ dik fil-pajjiżi msemmija fejn mhux l-ewwel darba li turisti kienu l-mira ta’ attakki terroristiċi. Però ninsab infurmat illi fil-preżent qed isiru diskussjonijiet bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Awtorità dwar it-Turiżmu bil-għan li jkunu magħrufa oqsma fil-qasam turistiku fejn il-Korp tal-Pulizija jista’ jtejjeb is-servizz li joffri f’dan il-qasam.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – Kap

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 514 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' riżenja tal-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, minn Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Jista' jagħti ukoll id-data meta l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku approvat il-ħatra tal-individwu li d-dettalji dwaru ukoll qed jingħataw separatament bħala Kap ġdid għad-Dipartiment imsemmi?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.