Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #1868 Sitting 23 2013-05-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Saħħa

Ajruport internazzjonali ta’ Malta — klinika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-klinika tal-ajruport internazzjonali ta' Malta se tingħalaq? Min ħa din id-deċiżjoni u għaliex? Meta ttieħdet din id-deċiżjoni? Ma jaħsibx il-Ministru li jkun żball li dan isir meta wieħed iqis l-ammont ta' nies li jagħmlu użu mill-ajruport?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-iskop tal-klinika tal-ajruport huwa li isservi bħala lok fejn jistgħu jigu iżolati u ttratati nies li jaslu Malta b'xi marda infettiva jew suspett ta' tali marda. Matul is-snin bdiet tintuża bħala post fejn jirrikorru ħaddiema tal-ajruport jekk ma jħossuhomx sew fuq ix-xogħol. Huwa rari li din il-klinika toffri servizzi lil xi passiġġieri. F'April 2012, kien sar rapport ta' evalwazzjoni ta' din il-klinika, liema rapport kien wera li l-ispiża finanzjarja relatata ma' riżorsi umami biss għas-sena 2011 kienet tammonta għal €290,431.39. Meta wieħed iqabbel din l-ispiza man-numru ta’ pazjenti eżaminati f'din il-klinika isib li kull pazjent kien qed jiġi jiswa madwar €387. Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li l-każijiet li jiġu ittratti huma kważi kollha ta’ natura minuri. Għalhekk deher biċ-ċar li dan is-sevizz mhux vijabbli u li allura l-klinika se terġa’ tassumi biss ir-rwol li għalih kienet oriġinarjament istitwita - dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa pubblika liema servizz jista' jingħata permezz ta' sistema ta' on call. Id-deċizjoni li tingħalaq kienet ittieħdet mill-amministrazzjoni preċedenti, iżda jidher li l-għeluq kien ġie postpost minħabba l-elezzjoni. Wara li saret evalwazzjoni tal-fatti mill-ġdid, id-decizjoni li r-rwol ta' din il-klinika jinbidel, ġiet konfermata minn l-MIA din l-amministrazzjoni. Id-decizjoni ttiehdet wara konsultazzjoni li saret mal-Ministeru responsabbli mit-turizmu, mal-Malta International Airport u kif ukoll il-fatt li ftit kienu dawk il-passiġġieri li għamlu użu minn din il-klinika. Mhux se jkun hemm impatt negattiv.
Leg 12 PQ #1869 Sitting 23 2013-05-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Saħħa

Cutrico House

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-binja ta' Cutrico House? Jista' jgħid ukoll jekk hux il-binja kollha hija mikrija lill-Gvern jew inkella partijiet minnha? Mill-partijiet li huma mikrija dawn kollha qed jintużaw? Jista’ jgħid ukoll mill-ħaddiema li hemm f'Cutrico House kemm minnhom kienu f'xi ministeru fil-leġiżlatura li għaddiet? F'liema ministeru kienu u x'kien ix-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll meta marru f'Cutrico House u x'inhu x-xogħol tagħhom? Jista' jgħid ukoll min kien qed jaghmel ix-xogħol li qed jagħmlu huma fil-preżent x'qed jagħmel issa u allura jekk xi ħaddiema ġewx trasferiti minħabba f'dawn l-ex ħaddiema tal-ministeri ta' qabel?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #1870 Sitting 23 2013-05-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Saħħa

Qasam tas-Saħħa — diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm diretturi fil-qasam tas-saħħa u x'inhu x-xogħol u r-responsabbiltà tagħhom? Min huma dawn id-diretturi u meta ġew maħtura? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm xi sejħa jew ġew appuntati b'mod dirett?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #1871 Sitting 23 2013-05-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Saħħa

Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa Mentali — Twaqqif mill-ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 573 u jgħid jekk huwiex se jwaqqaf mill-ġdid il-Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa Mentali li ilha wieqfa mill-31 ta’ Diċembru 2007?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-funzjoni prinċipali tal-Kummissjoni għas-Saħħa Mentali kien it-tfassil tal-liġi ġdida tas-saħħa mentali. Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, din il-liġi ġiet approvata mill-Parlament f’Diċembru li għadda u tinkludi fiha l-ħatra tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali li l-funzjoni tiegħu hija li jara li l-liġi tigi implimentata. Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali huwa suġġett għall-iskrutinju tal-parlament u wkoll tal-qrati.
Leg 12 PQ #1872 Sitting 23 2013-05-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Saħħa

Crisis Intervention Team — servizz mogħti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 572 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-protokoll jew il-quality service charter tas-servizz importanti mogħti mill-Crisis Intervention Team? F’każ ta’ xi kriżi, x’servizzi konkreti qed jirċievu l-ġenituri ta’ membri tal-familja tagħhom li jsofru minn xi mard mentali? F'liema ħinijiet jistgħu jċemplu għall-għajnuna? Għaliex dan is-servizz mhux qed jingħata 24 siegħa kuljum u kemm ilu ma jinghata 24 siegħa kuljum? Isiru home visits mill-ewwel mill-professjonisti ta’ dan it-team meta jkun hemm ‘kriżi’ fil-familja?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub. F`każ ta’ kriżi, kemm il-pazjent innifsu kif ukoll il-ġenituri u/jew qraba viċin tiegħu jingħataw support jew terapija minn dak il-professjonist li l-aktar huwa addattat għall-bżonnijiet tal-każ partikolari. Il-professjonisti tat-tim jinkludu tabib, psychiatric nurses, social worker u psychologist li kollha joffru servizzi skont il-bżonniijiet tagħhom. Il-Crisis Intervention Team jagħtu servizz mit-Tnejn sal-Ħadd mis-sebgħa ta` filgħodu sas-sebgħa ta’ filgħaxija. Is-servizz tal-Crisis Intervention Team beda fl-2010 u s’issa qatt ma offra servizz ta’ 24 siegħa kuljum. L-għan hu li s-servizz jiġi estiż għal 24 siegħa kuljum. Bħalissa mhux qed isiru home visits. Il- funzjoni ta’ dan is-servizz qed tkun riveduta bil-għan li jiġi estiż is-servizz u jibdew isiru l-home visits.
Leg 12 PQ #1880 Sitting 23 2013-05-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Saħħa

Port Health Medical Officer

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-Port Health Medical Officer ilu nieqes xhur? X’inhu x-xogħol tal-Port Health Medical Officer? Min qed jagħmel dan ix-xogħol fin-nuqqas tiegħu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #1903 Sitting 23 2013-05-28 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei — trasferiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kariga jokkupa l-persuna li llum qed tmexxi l-Volserv fl-Isptar Mater Dei? X'sar minnha l-persuna li kienet tmexxi l-Volserv fl-Isptar Mater Dei sa ftit xhur ilu u x'inhi r-raġuni għalfejn ġiet trasferita?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kariga li jokkupa il-persuna li tmexxi il-voluntiera fl-Isptar Mater Dei huwa voluntary service coordinator. Il- persuna li kienet tmexxi qabel ġie trasferit fl-Out Patients ġie trasferit fuq deċizjoni tal-management.
Leg 12 PQ #1904 Sitting 23 2013-05-28 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei — voluntiera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm voluntiera tal-Volserv joffru s-servizzi tagħhom fl-Isptar Mater Dei fl-aħħar ta’ Frar 2013 u kemm hemm fil-preżent? Jekk hemm xi differenza, jista’ jagħti r-raġuni ta’ dan?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm 176 voluntiera tal-volserv. Ma kienx hemm differenzi partikolari tan-numru ta’ voluntiera bejn Frar u issa.

Residenza San Vinċenz de Paul — ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hux veru li l-ħaddiema li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, qegħdin jitilqu mill-post tax-xogħol tagħhom fir-Residenza San Vinċenz de Paul kull nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ħamis sabiex imorru ġewwa l-Ministeru fil-Belt Valletta u jassistu lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Min ta l-permess biex dawn il-ħaddiema ma jagħmlux xogħol ġewwa r-residenza u jassistu lil din il-persuna? X'poteri għandhom dawn il-ħaddiema fuq ħaddiema oħra/anzjani li qegħdin jgħixu fl-istess residenza?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn żmien għal żmien dan il-Ministeru jkollu laqgħat ma’ bosta impjegati minn sezzjonijiet u oqsma differenti biex jiddiskuti kwistjonijiet u sfidi li jiffaċċjaw perjodikament fuq il-linja tax-xogħol tagħhom. Kull assenza minn fuq il-post tax-xogħol kienet awtorizzata mill-maniġment. Dan il-ministeru jikkonferma li l-ismijiet fl-interpellanza huma fost diversi ismijiet oħrajn li saru laqgħat magħhom ma’ bosta partijiet interessati fi ħdan il-Ministeru. Il-persuni msemmija mill-Onorevoli Interpellant m’humiex jessistu lil Onor. A. Aguis Decelis.
Leg 12 PQ #1922 Sitting 23 2013-05-28 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għal Għawdex

Lejliet Lapsi – Produzzjoni ta’ Ġensna

Question

B‘referenza għall-mistoqsija parlamentari 1323, jista’ l-Ministru jgħid ma’ min sar il-ftehim biex tittella’ l-produzzjoni Ġensna f'Lejlet Lapsi u min se jitħallas ta’ din il-produzzjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-kuntratt biex tittella' l-Produzzjoni Ġensna waqt Lejliet Lapsi Notte Gozitana ġie ffirmat ma' Maestro Paul Abela u l-ħlas għal din il-produzzjoni se ssir lill-istess Maestro.

Binjiet Agrikoli – working groups

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1692, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proposti li saru mill-Ministeru responsabbli mill-agrikoltura, u min kienu l-istakeholders li ma qablux ma dawn il-proposti? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proposti li kienu saru mill-Ministeru f'dan ir-rigward? Jista' jagħti tagħrif meta twaqqaf il-working group imsemmi, u minn min hu magħmul? Billi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1476, qed jingħad li għad irid jitwaqqaf dan il-group, jista' jagħti tagħrif, min ħa sehem fin-numru ta' laqgħat li hemm imsemmija bħala li nżammu, u liema kwistjonijiet qed jiġu indirizzati b'mod iktar profond?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-working group imsemmi fit-tweġiba numru 1476 qed jaħdem sabiex l-ewwelnett tinġabar l-informazzjoni kollha meħtieġa li tkun tista’ twassal għal posizzjoni nfurmata. Barra minn hekk, ngħarraf lil Onor. Interpellant li mistoqsijiet fuq dan is-suġġett għandhom jiġu riferuti lil Ministru kkonċernat mill-MEPA, billi l- working group ġie stabbilit minn dawn tal-aħħar.

Responsabilità għall-iskalli

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1691, billi qed jingħad li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura hu responsabbli mill-iskalli kollha ta' Malta u Għawdex, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn jinsabu kull wieħed minn dawn l-iskalli li tagħhom hu responsabbli d-dipartiment imsemmi? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema huma l-iskalli li mistenni jiġu rranġati matul din is-sena? Min se jwettaq it-tiswija neċessarja?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub, miġbur f’Tabella ‘A’. Ninsab infurmat illi qiegħed jitlesta programm ta’ manutenzjoni ta’ dawn l-iskalli fuq medda ta’ 5 snin. Dan ix-xogħol huwa fil-ħsieb li jibda ġaladarba jkun hemm flejjes ivvotati għal dan il-għan.

Pitkalija – permessi għax-xerrejja

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1661, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li kienu mogħtija permess biex jaħdmu ta' xerrejja, kull sena bejn l-2007 u l-2012? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni, mhux xerrejja, li jitħallew jidħlu fil-Pitkalija, wara l-ħinijiet normali tax-xerrejja, u x'tip ta' kontroll isir fuq dawn il-persuni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li kienu mogħtija permess biex jaħdmu ta’ xerrejja bejn is-snin 2007 – 2012 kienu ta’ 646, 695, 729, 795, 775, 798 rispettivament. Ninsab infurmat ukoll li permess għal persuni li mhumiex xerrejja ma jiġġeditx kull sena. Mill-2011, min meta bdew jiġu rreġistrati sal-2012, in-numru ta’ permessi li nħarġu kien ta’ 438. Il-kontroll jitwettaq permess ta’ dokument maħruġ għal dan il-għan u li jingħata lil dawn il-persuni.
Leg 12 PQ #1926 Sitting 23 2013-05-28 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – applikazzjonijiet għal korsijiet kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1665, jista’ l-Ministru, għal kull wieħed mill-korsijiet li huma offruti, jgħid kemm se jkunu l-persuni li jintgħażlu? Min qed jagħmel l-intervisti tal-għażla?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-intervisti qegħdin isiru mis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill. Intant il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jinsab f’kumunikat mal-Planning & Priorties Coordination Division dwar l-ammont ta’ persuni li se jintgħażlu.

Esportazzjoni ta’ tonn

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1431, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni tat-tabella li ngħatat għad-diversi xhur indikati, peress li jidher li hemm overlap f'dawn iċ-ċifri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-figuri mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 1431, jiġbru t-tunellaġġ ta’ tonn esportat fejn kull ma jitqiegħed fil-containers ikun ikkumpanjat minn ċertifikat maħruġ lill-esportatur. Għaldaqstant ma tistax tingħata informazzjoni bix-xahar imma l-informazzjoni qiegħda mqassma skont l-ammont li tpoġġa fil-containers.

Irziezet — spezzjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1430, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu r-raġunijiet għall-ispezzjonijiet imsemmija, u x'kienu r-riżultati miksuba?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi hemm diversi raġunijiet għalxiex isiru l-ispezzjonijiet, fosthom liġijiet u linji gwida li jikkonċernaw l-irżieżet u r-raba u biex jimxu mal-bżonnijiet tal-pjanijiet annwali tal-kontroll ta’ mard, identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ l-annimali, iġene u trattament xieraq ta’ l-annimali. Nitlob lil Onor. Interpellant jindika speċifikament għal liema riżultati jixtieq tweġiba peress li r-raġunijiet għalxiex isiru l-ispezzjonijiet huma bosta.

Għawdex – In-Nadur – Triq ir-Ramla- asfaltar

Question

Peress li r-residenti ta’ Triq Ramla in-Nadur, liema triq mhux dik li tieħu għar-Ramla imma li tmiss ma’ Triq Binġemma u hija parti mill-housing estate, ripetutament jilmentaw bl-istat ħażin tat-triq u hemm ħofor fondi, jista’ l-Ministru jara li titqaxxar l-art fejn hemm dawn il-ħofor u tiġi asfaltata dik il-parti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq imsemmija taqa` taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #380 Sitting 22 2013-05-27 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Kiri ta' vetturi - proċedura

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 39, jista' l-Ministru jgħid x'proċedura ġiet addottata biex inkrew dawn il-vetturi? B'liema rata qed jinkrew u mingħand min?

Response (VELLA, KARMENU)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-vetturi imsemmija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 39, nkrew wara li nġabru numru ta’ quotations u ntgħażlet l-aktar waħda addattata. Il-vetturi għall-Ministeru għat-Turiżmu huma; BQZ-714 €65-il ġurnata minn Sixt Rent a Car (Vat mhux Inkluża) BCK-083 €18.50-il ġurnata minn TopCar Services Ltd (Vat mhux Inkluża) Il-vetturi għas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali hi; IBH-362 €30-il ġurnata minn Trifty – Meli Group Ltd. (Vat mhux Inkluża)

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — kiri ta' vetturi - prċedura

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35, jista' l-Ministru jgħid x'proċedura ġiet addottata biex jinkrew dawn il-vetturi? B'liema rata qed jinkrew u mingħand min?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura li ġiet addottata hija dik normali li tiġi addottata miċ-Ċivil jiġifieri li jintalbu tlett kwotazzjonijiet: 1. Il-Karozza Uffiċċjali tal-Ministru li nkriet mingħand Meli Garage għal €59 kuljum. Il-Karozza kienet tintuża qabel mill-Ex Ministru tal-Ġustizzja Dr Chris Said. 2. Il-Karozza tal-Ministeru li nkriet mingħand is-Sur John Refalo Auto Rentals €12.75 kuljum. 3. It-tieni karozza tal-Ministru kienet mikrija minn qabel u ser tiġi ritornata fl-aħħar tax-xahar mingħand Galea General Services €23.84 kuljum. Il-Karozza Uffiċjali tas-Segretarju Parlamentari nkriet mingħand Meli Car Rentals €35.40 kuljum. (Ara dokument Nru 597 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 28 tat-Tnejn 28 ta’ Ġunju 2013)

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — kiri ta' vetturi - proċedura

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 37, jista' l-Ministru jgħid x'proċedura ġiet addottata biex jinkrew dawn il-vetturi? B'liema rata qed jinkrew u mingħand min?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi inkriet vettura wahda skont il-proċedura normali li tintuża maċ-Ċivil biili ttieħdet l-oħros offerta.