B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1640 fejn intqal li l-ispiżerija tal-Furjana hija l-unika spiżerija reġjonali li se tibqa’ miftuħa, jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mill-istaff kollu li jaħdmu f’dawk l-ispiżeriji l-oħra li se jagħlqu?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-funzjoni tal-Ispiżerija ta’ Raħal Ġdid qed tiġi evalwata. Sakemm tiġi evalwata il-funzjoni ta’ din l-ispizerija u għalhekk titieħed id-deċiżjoni jekk tingħalaqx jew le, l-istaff ser jibqa jaħdem fid-dipartiment tal-kura primarja.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li waqt l-inawgurazzjoni tal-Esibizzjoni Faith & Humanity li saret il-Ġimgħa 3 ta’ Mejju 2013 kien hemm ħaddiema ta’ Heritage Malta li kienu mistednin u oħrajn li ma kenux? Jista’ jgħid kif meta ċertu ħaddiema staqsew lill-management ta’ Heritage Malta għalfejn ma kenux ġew mistiedna kienu ħadu risposta li dawk mistiedna kienu l-heads, managers, senior curators kollha u dawk il-ħaddiema kollha li direttament jew indirettament taw sehemhom waqt il-preparamenti biex ittellgħet din l-esebizzjoni, allura jista’ jikkonferma jekk kienx hemm ħaddiema mistednin li la ħadmu direttament u lanqas indirettament waqt il-bini u l-preparazzjonijiet tal-esebizzjoni? Jista’ jikkonferma li kien hemm mistiedna wkoll fattiga tal-kuntrattur li m’għandha x’taqsam xejn la mal-esibizzjoni u wisq iktar mal-Armerija tal-Palazz jew mal-Kmamar Statali tal-Palazz?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inviti għall-inawgurazzjoni tal-wirja "Faith and Humanity" inħarġu minn Heritage Malta u ninsab infurmat li għal din l-okkazjoni sar l-istess kif sar fi drabi oħra.
Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi l-proċedura ta' kif qed jinħaslu l-pazjenti li huma klassifikati bħala bed ridden ġewwa l-Isptar Mater Dei? Jikkonferma l-istess Ministru li tali proċedura se tinbidel u se jibdew jintużaw disposable sponges? X`inhi r-raġuni għal dan it-tibdil, u kemm hija l-istima taż-żieda fl-ispiża in konnessjoni max-xiri ta’ dawn id-disposable sponges?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B’riferenza għal dak li qal l-Onor. Fearne fil-Parlament fil-21 ta' Mejju 2013 u ċjoè "wieħed mill-affarijiet li nara li fis-snin li ġejjin irridu nikkonsidraw bis-serjetà huwa l-bini u l-ftuħ ta’ sptar ġdid speċjaliżżat għall-kura tal-ommijiet, tan-nisa u tat-tfal, mother and child hospital.", x'inhuma fil-fatt il-pjanijiet tal-gvern preżenti għal Mother & Child Hospital? Fejn se jkun tali sptar? B’liema fondi se jiġi finanzjat tali sptar?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li d-direttur tan-Nursing fl-Isptar Mater Dei ġiet trasfertita għall-Isptar Karen Grech? Min ħa tali deċiżjoni u min awtorizza dan iċ-ċaqliq? Dan iċ-ċaqliq huwa skont il-provvedimenti tal-kuntratt abbinat ma’ din il-kariga? Ingħata handover, u jekk iva lil min?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-ministru jgħid min hi l-persuna l-ġdida li ħadet over it-tmexxija tad-Dipartiment tan-Nursing ġol-Isptar Mater Dei? X`kariga kellha qabel u x’inhu s-substantive grade tagħha? Kif intgħażlet din il-persuna la darba ma jidhirx li ħarget xi call for application u b’liema mod ġiet assenjata? X’inhu s-salarju li din il-persuna se tkun qed tirċievi?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tara li tittranġa l-ħsara li hemm il-fond tal-Gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament minħabba leakage ta’ ilma li qed jagħmel ħsara lill-ġebla?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta dettaljata tal-proġett tal-Kappara hekk kif qed jiġi propost minn Transport Malta?
Jekk hemm stabilit xi
timeframes
tal-proġett, kemm ġejja l-ispiża, kif se jiġi ffinanzjat u saru konsultazzjonijiet mal-
persons of interest
? Jekk fl-affermativ ma' min kellu dawn id-diskuzzjonijiet? Ir-residenti tal-inħawi ġew konsultati? Meta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa Transport Malta qed tħejji l-pjanti biex tippreżentahom lill-MEPA fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn il-pjanti għadhom qed jiġu finaliżżati u ser jinkludu il-bini ta’ overpass fuq l-ispazju tal-junction eżistenti. Qed isiru wkoll studji biex tiġi mfassla l-junction ta’ taħt l-istess overpass. Dan il-proġett qed jingħata prijorita’ u l-pjan huwa li x-xogħol jinbeda s-sena d-dieħla, jekk ma jinqalgħux diffikultajiet li sa issa mhux previsti. Ninsab infurmat ukoll illi waqt il-proċess tal-applikazzjoni tal-MEPA saru diversi konsultazzjonijiet dwar dan il-proġett ma’ diversi mir-residenti tal-inħawi. Fl-aħħar ġranet saru wkoll laqgħat ma’ żewġ Kunsilli Lokali tal-inħawi u ma’ rappreżentant tan-Nature Trust. Minbarra hekk qed jiġu ppjanati serje` ta’ laqgħat ma’ residenti li talbu li jiltaqgħu ma’ Transport Malta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għal xiri ta' oqbra dan għaliex qabel l-elezzjoni tal-2008 persuni ntalbu jekk hux interessati u fl-2013 talbuhom iħallsu €2,500? Fiex wasal ix-xogħol? Jista' dan l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament jiġi kkuntatjat biex ikun jaf eżatt x'għandu jagħmel?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li jittela' ħajt jew issir xi forma ta' sapport biex jitneħħa l-periklu fl-east part taċ-Ċimiterju tal-Addolorata peress li huwa perikoluż ħafna?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ż-żona ndikata fil-mistoqsija jiġifieri hija żona vasta fejn fid-disgħinijiet kienet saret estensjoni tac-cimiterju. F’din iż-żona, d-dislivelli huma aktar prominenti minn żoni oħra. Fil-partijiet li kienu ikkunsidrati l-aktar meħtieġa sar ilqugħ bil-wire fencing sabiex jitneħħa l-periklu.
Għaldqastant jekk l-Onorevoli Interpellant jista; jindika xi partijiet speċifiċi fejn iħoss li għad hemm periklu konsiderevoli, wieħed ikun jista` jikkunsidra jekk
wire fencing
f’dawn il-partijiet ikunx possibli.
B'referenza għall-press release tad-DOI PR0693 tas-17 ta' April 2013 u peress li l-Ministru spiss qiegħda ssemmi li hemm mas-600 tifel u tifla li jingħataw kura barra minn djarhom, tista' l-Ministru tpoġġi breakdown ta’ dawn in-numri fuq il-Mejda tal-Kamra:
a) kemm hemm tfal minn dawn is-600 li jinsabu jgħixu fi ħdan familja alternattiva? Ta’ liema sess, età u nazzjonalità huma; u
b) it-tfal l-oħra,
cioè
dawk li mhumiex qed jgħixu fi ħdan familja alternattiva, f’liema postijiet jinsabu jgħixu? B'referenza għal kull wieħed minn dawn il-postijiet tista’ tgħid kemm għandhom żmien u ta’ liema sess huma dawn it-tfal u ta' liema nazzjonalità huma?
Peress li ssemmi wkoll li hemm 60 każ ieħor ta’ tfal li ġew diġà evalwati iżda li m’hemmx post fejn jistgħu jittieħdu, tista' l-Ministru tgħid l-età, s-sess u n-nazzjonalità ta’ dawn is-60 tifel u tifla li diġà ġew evalwati? Kemm minn dawn is-60 tifel u tifla jinsabu taħt
care order
?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dokument ta' ftehim fuq provvista ta' gass mal-privat
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mqar dokument wieħed ta’ kuntratt li dwaru tkellem tant fil-kampanja elettorali u li juri eżempju ta’ ftehim ta’ provvista ta’ gass mill-privat bil-prezz fiss għal għaxar snin u li kemm-il darba wiegħed li jipproduċi waqt diversi interventi fuq it-television waqt il-kampanja iżda qatt ma pproduċa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jezisitu numru ta' kuntratti b'kundizzjonijiet differenti kif ukoll b'mekkanizmi differenti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa kellu s'issa s-Segretarju Parlamentari responsabbli mit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern ma' kull wieħed mid-diretturi tal-Taqsima Proprjetà tal-Gvern?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-punt ta’ riferiment bejn is-Segretarju Parlamentari u d-Dipartiment Proprjeta’ tal-Gvern hu d-Direttur Ġenerali.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lill-Kamra lista sħiħa tal-applikazzjonijiet li huwa ddiskuta u x’kienu l-wegħdiet li huwa għamel dwar dawn l-applikazzjonijiet minn Ġunju 2008 meta sar Kap tal-Partit Laburista sal-lum? Liema huma dawk l-applikazzjonijiet li huwa wiegħed li jekk ikun Prim Ministru jinħareġ il-permess mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-Onorevoli Membru jista’ jserraħ rasu li l-impenn tiegħi huwa li f’kull każ ma jkunx hemm burokrazija żejda, u din kienet l-unika wegħda li għamilt.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — transfers ta' impjegati
Question
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm saru transfers fl-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-12 ta' Marzu sal-lum? Jista' jagħti din l-informazzjoni dettaljata dwar min kienu l-persuni milquta, il-postijiet minn u fejn imxew u jekk it-transfers sarux fuq talba tal-individwu jew le?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — transfers ta' impjegati
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm saru transfers fl-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-12 ta' Marzu sal-lum? Jista' jagħti din l-informazzjoni dettaljata dwar min kienu l-persuni milquta, il-postijiet minn u fejn imxew u jekk it-transfers sarux fuq talba tal-individwu jew le?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanti li l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta ohra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Marsa Racing Club bejn Jannar 2012 u Frar 2013? Jista' jgħid kemm minnhom huma fuq bażi full-time u kemm fuq bażi part-time?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-perjodu ndikat mill-Onor. Interpellant ġiet impjegata persuna waħda fuq bażi full-time. Ġew impjegati wkoll żewġ persuni fuq bażi part-time. Dawn jaħdmu mhux aktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa, jitħallsu b'rata fissa kull siegħa li jaħdmu u ma jirċievu ebda tip ta' bonus kemm statutorju u kemm xi tip ta' bonus ieħor.
Infurmat ukoll li ġew impjegati seba' persuni oħra fuq bażi part-time u dawn jaħdmu biss waqt it-tiġrijiet u l-maġġoranza taghħom jaħdmu fuq roster.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtrat għamara ġdida mill-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) bejn Jannar 2013 u llum? Jista' jgħid ukoll kemm intnefaq fuq din l-għamara u min fejn inxtrat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx monitors u/jew television mill-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) bejn Settembru 2012 u Marzu 2013? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm inxtraw, ta' liema daqs kienu, kemm intnefaq f'kull każ u minn fejn inxtraw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Settembru 2012 u Marzu 2013 inxtraw żewġ 17" LCD TFT monitors mingħand Scan Ltd. għall-prezz ta' €141.55c l-wieħed. Fl-istess perjodu ma' nxtraw ebda televisions.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx water dispensersmill-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) bejn Settembru 2012 u April 2013? Jista' jgħid għal kull każ meta nxtraw, mingħand min inxtraw u kemm damu biex inxtraw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Settembru 2012 u April 2013 inxtraw żewġ water dispensors mingħand Eco Pure, Premium Water Co. Ltd. L-ordni ghal dawn il-water dispensors saret fit-28 ta' Marzu 2013 u dawn waslu fit-03 ta' April 2013.