Jista’ l-Ministru jgħid meta se jinfetaħ childcare centre fl-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn peress li f’din il-lokalità hemm numru konsiderevoli ta’ single parents?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Filwaqt li l-lokalità ta’ Wied il-Għajn qiegħda fil-proposta li l-Fondazzjoni għamlet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, il-Fondazzjoni tgħid li ma tistax tintrabat b’data ta’ meta se jinfetaħ dan iċ-ċentru.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1120, tista’ l-Ministru tgħid fiex kienu jikkonsistu il-154 telefonata li saru s-sena l-oħra mit-tfal fuq il-Linja 179? X’azzjoni ttieħdet mill-Aġenzija Appoġġ?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bniedem mejjet li jkun fil-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei ikollu bżonn balzmatura (embalming) iridux iħallsu għaliha l-qraba? Jekk iva, kemm hi ċ-charge tingħatax irċevuta?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura tal-ibbalżmar tal-katavri minn dejjem kienet proċedura privata u għalhekk trid tiġi mħallsa mill-qraba tal-persuna mejta.
Għalhekk l-amministrazzjoni tal-kamra mortwarja ta' Mater Dei m'għandiex informazzjoni dwar ħlas tal-ibbalżmatura.
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-proposti tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNDP) li hija għamlet fis-sena 2010 sabiex jiġu żviluppati servizzi ta’ matul il-jum individwalizzati u bbażati fil-komunità?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qasam tas-Saħħa Mentali — Servizzi ta’ Matul il-Jum
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li jsir fis-Servizzi ta’ Matul il-Jum għal persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali? Fejn huma allokati dawn iċ-ċentri? X’għandu jagħmel wieħed biex japplika sabiex ikun klijent ta’ dawn iċ-ċentri? Hemm il-ħsieb li jitwaqqfu aktar ċentri għal benefiċċju ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u l-familji tagħhom?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-għan taċ-Ċentru ta’ matul il-ġurnata fil-komunità huwa li jassisti fil-proċess ta’ rijabilitazzjoni ta’ individwi li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali. Issir evalwazzjoni sabiex jiġu identifikati oqsma problematiċi u l-aspettativi kemm tal-persuna li se tibda tuża s-servizz, kif ukoll ta’ dawk li jieħdu ħsiebha. Jiġi pjanat programm individwalizzat skont l-għanijiet li jirriżultaw mill-proċess tal-evalwazzjoni. Il-persuni li jużaw dawn is-servizzi, b`inkuraġġiment u motivazzjoni, jerġgħu jiġu kapaċi jinvolvu rwieħhom u jidħlu fir-rwoli li kienu sinifikanti għalihom u jerġgħu jiksbu l-ħiliet meħtieġa sabiex jiffunzjonaw fil-ħajja ta` kuljum tagħhom. Isir ukoll taħriġ pre-vokazzjonali u professjonali eżempju kif tikteb Curriculum Vitae, kif iġġib ruħek waqt intervista tax-xogħol eċċ.
Hemm ħames Ċentri ta` Matul il-Jum: f’Ħal-Qormi, Raħal Ġdid, Bormla, Żejtun u Furjana.
Dawn iċ-ċentri li jinsabu f`dawn il-lokalitajiet jiftħu mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7.30am sas-2.30pm.
Dawn is-servizzi jipprovdu kura speċjalizzata u għalhekk biex tattendi f`dawn ic-centri jeħtieġ li tkun referut mingħand il-psikjatra.
Bħalissa il-funzjoni ta’ dan is-servizz qed ikun rivedut bil-għan li jiġi żviluppat pjan ta’ kif se jiġu estiżi dawn is-servizz, fid-dawl tal-operat li qed ikun imħejji permezz tal-Mental Health Act.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 589 u peress li issa għaddew aktar minn xahrejn minn meta numru ta’ segretarji permanenti kellhom jirriżenjaw mill-kariga tagħhom, jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-grad, is-salarju u l-benefiċċji li llum għandu kull segretarju permanenti (b’mod individwali) li ntalab jirreżenja?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm baqa' spazju, f'termini ta' snin, sabiex timtela l-engineered landfill fl-Għallis peress li skont il-permessi li hemm maħruġa diġà għal din il-faċilità, ir-rata ta' skart prodott kull sena u meta wieħed jassumi li mhux se jkun hawn impjanti li jittrattaw l-iskart żviluppati ġodda għajr dawk li jeżistu diġà?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li skont it-tmexxija li kellha l-WasteServ, l-engineered landfill fl-Għallis maħsuba li jkollha volum kumplessiv ta’ madwar 3 miljun metru kubu li kien maħsub li jservi għal madwar 5 snin oħra. Dan kien maħsub li jista` jiżdied ġaladarba jiddaħħlu mpjanti u trattamenti ulterjuri.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq is-civic amenity site li qed tinbena f'Ta' Qali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-Civic Amenity Site li qed tinbena f’ Ta’ Qali hija maħsuba li titlesta lejn l-aħħar ta’ Diċembru ta’ din is-sena.
Jista' l-Ministru jagħti update dwar kull inizjattiva li hemm fil-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima għal Malta? Jista’ jgħid kull inizjattiva fejn waslet, jekk hemmx problemi fuq kull inizjattiva u f'każ li hemm x'inhuma u meta se tkun implimentata kull inizjattiva?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn rapport li kien ġie ippreżentat lili bħala Ministru mis-Segretarju Permanenti preċedenti, rriżulta li d-dettalji li ngħatawli kienu jitrattaw il-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima għal Malta sal-bidu ta’ Marzu ta’ din is-sena. Dan tlesta fis-sena 2009.
Minn din l-informazzjoni jidher illi minn 96 rakkomandazzjoni, 11 biss ġew attwati u kompluti, 26 rakkomandazzjoni għadu ma nbediex ix-xogħol fuqhom b’uħud minħabba nuqqas ta’
data
, fuq 5 oħra nbeda x-xogħol fuqhom b’mod marġinali (filwaqt li waħda ma baqgħetx relevanti) u fil-każ ta’ 53 rakkomandazzjoni x-xogħol inbeda u jinsab għaddej.
Il-politika dwar il-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima għal Malta hija mibnija fuq rakkomandazzjonijiet li r-rapport stess iħeġġeġ li għandhom jiġu riveduti b’mod kostanti, jiġu validati, rikunsidrati, ri-orjentati u prijoritizzati mill-ġdid biex tali politika tinżamm dinamika. Fil-qafas ta’ politika ġdida b’mandat ġdid, din ir-reviżjoni kostanti ser tkun għan ewlieni tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima.
Dan il-Gvern huwa impenjat u determinat li rakkomandazzjonijiet pendenti, anke f’kuntest ta’ politika ta’ mitigazzjoni aġġornata, ma jkomplux jieħdu żmien daqs qabel biex jiġu indirizzati.
L-Għallis – Fondi Ewropej għal Hazardous Waste Facility
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se tkun żviluppata l-hazardous waste facility fl-Għallis u kemm hemm fondi Ewropej għal din l-inizjattiva?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-hazardous waste facility mistennija li titlesta sal-aħħar tal-2014. Il-fondi Ewropej assenjati għal din l-inizjattiva jammontaw għal €4,176,832(ex VAT).
Jista' l-Ministru jgħid liema unit fi ħdan l-MSDEC qed jimplimenta l-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti għandu l-obbligu li jara l-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima tiġi implimentata.
Jista' l-Ministru jgħid liema unit fi ħdan l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima qed jimplimenta l-politika tal-adattazzjoni għat-tibdil fil-klima?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti għandu l-obbligu li jara l-politika tal-adattazzjoni għat-tibdil fil-klima tiġi implimentata.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inizjattivi se jieħu l-Gvern sabiex jgħin lill-intraprendituri Maltin jesportaw lejn swieq li tradizzjonalment ma nesporatwx lejhom, kif kien irrappurtat li qal meta ġiet imnedija il-Malta Trade for Growth Initiative?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninsab infurmat li l-Malta Trade for Growth Initiative hija inizjattiva tal-HSBC. Il-Malta Enterprise ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat f’diskussjonijiet mal-HSBC dwar kif iż-żewġ naħat jistgħu jikooperaw fl-għajnuna li tingħata lill-intrapriżi Maltin interessati li jesportaw. Minbarra dan, il-Malta Enterprise għandha diversi skemi li jgħinu lill-intrapriżi Maltin biex jirnexxu fi swieq internazzjonali. Dawn ivarjaw minn għajnuna finanzjarja biex kumpanija tipparteċipa f’fieri, jew fi trade missions, sa skemi ta’ taħriġ u konsulenza biex l-intrapriżi jsiru aktar preparati għall-esportazzjoni. Il-Malta Enterprise għandha uffiċini attivi fil-Libya u f’Dubai li joffru għajnuna b’mod kontinwu. Aktar tard din is-sena, l-Malta Enterprise ser terġa tmexxi delegazzjonijiet lejn il-Qatar, il-Kuwajt, ic-Ċina u diversi pajjiżi oħrajn li jippreżentaw potenzjal għall-intrapriżi Maltin.
Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri se jieħu biex titkabbar l-attività ekonomika f'Għawdex?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninsab infurmat li hemm diversi miżuri maħsuba f’dan is-sens. Il-Malta Enterprise, ftit xhur ilu, appuntat uffiċjal minn tagħha biex ikun inkarigat mill-investiment barrani speċifikament għal Għawdex. Il-ħsieb hu li titfassal strateġija li tibni fuq il-karatteristiċi anke industrijali ta’ Għawdex u tidentifika possibilitajiet ta’ investiment barrani f’oqsma bħall-edukazzjoni, r-riċerka u manifattura avvanzata.
Minbarra dan, il-Malta Enterprise għandha diversi skemi li huma mmirati għal-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, inkluż ġewwa Għawdex, biex tgħinhom jinvestu u jkabbru l-intrapriżi tagħhom, u anki biex jesportaw. L-iskemi kollha li jkunu implimentati u amministrati mill-Malta Enterprise jkunu miftuħin ukoll għall-industrija Għawdxija. F’xi każi, l-industrija Għawdxija jkollha vantaġġ bħal ma huwa l-każ f’dawn l-eżempji attwali:
- Intrapriżi Għawdxin qegħdin jingħataw rata preferenzjali ta’ sittin fil-mija (60%) taħt l-iskema MICROINVEST. Ir-rata normali taħt din l-iskema hija ta’ erbgħin fil-mija (40%). L-iskema MICROINVEST tgħin lill-intrapriżi żgħar sabiex jinvestu u jżidu l-impjegati.
- Skema ġdida ta’ grants lill-intrapriżi li jixtiequ jinvestu f'soluzzjonijiet li jiġġeneraw id-dawl permezz ta' pannelli fotovoltajċi ser toħroġ f’Lulju li ġej. Parti mill-fondi allokati għal din l-iskema ser ikunu riservati għall-intrapriżi Għawdxin. Din is-sejħa ser tkun ko-finanzjata mill-fond Ewropew tal-ERDF.
- Il-Malta Enterprise għandha wkoll skema li permezz tagħha, il-kumpaniji tal-manifattura bbażati ġewwa Għawdex jingħataw sussidju fuq spejjeż ta’ ġarr ta’ prodotti maħduma ġewwa Għawdex.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1589, jista’ l-Ministru jispjega x’kien l-iskop li tinħareġ stqarrija li fiha ngħad li sar ċaqliq ta' ħaddiema jekk fil-fatt ma kien sar l-ebda ċaqliq?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istqarrija nħarġet b’mod addizzjonali għal struzzjonijiet li kellhom id-diriġenti tal-WasteServ mill-Ministeru u li jirriżulta li ma ġewx osservati, tant li l-ħaddiema inkwistjoni reġgħu ċċaqalqu lura f’posthom.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1590 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se ssir is-separazzjoni fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u li permezz tagħha d-Direttorat tal-Ambjent mhux se jibqa’ parti mill-Awtorità? Jeżisti pjan ta' kif se ssir din is-separazzjoni? Il-ħaddiema se jiġu kkonsultati fuq din is-separazzjoni? Kif qiegħed jiġi kontemplat li jinqasmu d-direttorati tas-servizzi korporattivi u tal-infurzar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-diskussjonijiet dwar il-qasma bejn l-Ambjent u l-Ippjanar qegħdin isiru u għadhom fl-istadju inizzjali tagħhom. Dettalji jkunu pubbliċi darba jitlesta l-pjan b’mod ħolistiku. Nista’ nassigura lill-Onor Membru li ma hemm l-ebda ħsieb li l-ħaddiema ma jiġux ikkonsultati. Għal dan il-għan nista' nissigurah li ċ-Chairman diġa kellu xi konsultazzjonijiet.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1593, jista’ l-Ministru jgħid jekk, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ġiex ingaġġat wara sejħa pubblika?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħala Konsulent fuq it-Tibdil fil-Klima għalija bħala Ministru, fittixt li nirrikorri għas-servizz ta’ persuna esperta fis-suġġett, kemm fuq livell akkademiku kif ukoll dak professjonali u b’esperjenza fil-media fuq dan is-suġġett tekniku. L-għażla saret ukoll fuq bażi ta’ fiduċja u integrità.
Grant Scheme for Sustainable Tourism Projects — applikazzjonijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1594, jista’ l-Ministru jispjega għalxiex mhux prudenti li tingħata data? Jista’ jgħid jekk l-evalwazzjoni hix se ssir sal-aħħar ta’ Ġunju kif proġettat? Jekk le, x'wassal għad-dewmien? Jista’ jgħid jekk inżammx l-istess bord ta’ evalwazzjoni, u jekk le x'kienet ir-raġuni li nbidlu l-membri?
Response (VELLA, KARMENU)
Kif diġà ngħatat tweġiba fil-mistoqsija parlamentari 1594, il-proċess mistenni jieħu madwar 3 xhur minn meta bdiet l-evalwazzjoni. L-interpellant irid japrezza li f’kull proċess ta’evalwazzjoni ikun hemm bżonn ta’ xi kjarifiki li jintalbu mingħand l-applikanti, kif ukoll hemm il-proċess ta’ l-appelli.
Is-sejħa għalqet fit-18 ta’ Marzu 2013 u billi kellha ssir briefing lill-uffiċjali ġodda fil-Ministeru dwar din l-iskema, il-process ta’ evalwazzjoni beda f’nofs Mejju 2013.
Saru xi tibdiliet fil-membri tal-Bord ta’ qabel billi nħass li kellhom jiddaħħlu membri ġodda, fosthom id-direttur tas-Servizzi Korporattivi tal-Ministeru.
Problema ta’ vit perikoluż – każ ta’ numru ta’ individwi
Question
Jista’ l-Ministru jara l-każ, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ta’ numru ta’ nies li għandhom problema ta’ vit perikoluż u li minkejja li ilhom jilmentaw ix-xhur għadu ma sar xejn dwar din il-problema?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma marru fuq il-post u tkellmu mal-persuna kkonċernata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tfal tal-iskejjel ġew irrappurtati li ġew infettati bl-iSlapped Cheek Syndrome? F’liema perijodu ġara dan? F’liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex seħħ dan? Kemm hemm tfal li fil-preżent huma infettati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Din il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru għas-Saħħa li jżomm l-informazzjoni nazzjonali dwar il-mard infettiv.