Jista' l-Ministru jgħid kemm kunsilli lokali ġew megħjuna sena b' sena f' dawn l-aħħar ħames snin bl-iskemi biex jsiru proġetti u inizjattivi ta' enerġija nadifa? Liema proġetti jew inizjattivi saru f'kull waħda minn dawn il-lokalitajiet li ġew megħjuna? Kemm kienet l-għajnuna mogħtija lil kull kunsill lokali sena b'sena fl-aħħar ħames snin taħt din l-iskema ta' enerġija nadifa? Kemm hu kkalkulat li tnaqqsu emissjonijiet permezz ta' dawn l-inizjattivi?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' laqgħat/diskussjonijiet kellha l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) mal-Ministeru li qabel l-elezzjoni kien responsabbli mill-agrikoltura, dwar it-tibdil li jinħass li hu meħtieġ fid-dokument dwar il-bini meħtieġ għall-agrikultura, ċjoè d-dokument Agriculture, Farm Diversification and Stables?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qabel l-elezzjoni saru sensiela ta’ laqgħat bejn rappreżentanti tal-MEPA u tal-MRRA bil-għan li jiġi emendat id-dokument tal-2007: Policy and Design Guidance: Agriculture, Farm Diversification and Stables. Dan wara li l-MEPA ġiet mgħarrfa li l-MRRA ħadet l-inkarigu li tirrevedi hi l-imsemmija policy.
Billi l-MEPA ma rċeviet l-ebda abbozz tal-policy sa wara l-elezzjoni, l-istess MEPA issa ħadet l-inkarigu hi biex b’konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Agrikultura tlesti din il-
policy
.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – kuntratti ta’ security guards
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-lista ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ sigurtà (security guards/officers) li huma in vigore fil-Ministeru u l-entitajiet li huwa responsabbli minnhom u li r-rata komputata fis-siegħa hija ta’ anqas minn €5.66 eskluża l-VAT?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fid-direttorati, dipartimenti u entitajiet li huma fi ħdan il-Ministeru tiegħi, hemm seba` kuntratti ta’ servizzi ta’ sigurta` li r-rata fis-siegħa eskluża l-VAT hija anqas mill-ammont imsemmi fil-mistoqsija. Il-lista ta’ dawn il-kuntratti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-impenn tal-gvern kontra x-xogħol prekarju jibqa` dejjem wieħed assolut.
Il-gvern jemmen li x-xogħol prekarju, waqt li jċaħħad lill-ħaddiema mid-dinjita` tagħhom, la jagħmel ġid lil min iħaddem u lanqas lill-ekonomija.
Il-kwistjoni tax-xogħol prekarju kienet diskussa fuq livell ta’ Kabinett.
Ġie maqbul li jitressaq Pjan ta' Azzjoni quddiem l-MCESD għad-diskussjoni mal-imsieħba soċjali biex eventwalment ikun ippreżentat pjan t’azzjoni finali.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm viżitaturi fil-Mużew Marittimu tal-Birgu fis-snin 2011, 2012 u s’issa f’din is-sena?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li n-numru totali ta’ viżitaturi li żaru l-Mużew Marittimu tal-Birgu fl-2011kien jammonta għal 22,189 (Novembru u Diċembru esklużi minħabba li l-kuntrattur li kien jipprovdi s-servizz m’għaddiex din l-informazzjoni).
Fl-2012 żaru l-Mużew Marittimu tal-Birgu 23,409 viżitatur, filwaqt li minn Jannar sa April ta’ din is-sena (2013) marru 8,147 ruħ.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm viżitaturi fl-Ipoġew ta’ Ħal Tarxien fis-snin 2011, 2012 u s’issa f’din is-sena?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li n-numru totali ta’ viżitaturi li żaru l-Ipoġew ta’ Ħal Tarxien fl-2011kien jammonta għal 22,904 (Novembru u Diċembru esklużi minħabba li l-kuntrattur li kien jipprovdi s-servizz m’għaddiex din l-informazzjoni).
Fl-2012 żaru l-Ipoġew ta’ Ħal Tarxien 27,409 viżitatur, filwaqt li minn Jannar sa April ta’ din is-sena (2013) marru 9,121 ruħ.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm viżitaturi fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt fis-snin 2011, 2012 u s’ issa f’din is-sena?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li n-numru totali ta’ viżitaturi li żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt fl-2011 kien jammonta għal 22,265 (dan ma jinkludix il-viżitaturi ta’ Novembru u Dicembru minħabba li l-kuntrattur li kien jipprovdi dan is-servizz ma pprovdiex din l-informazzjoni).
Fl-2012 żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt 23,957 viżitatur, filwaqt li minn Jannar sa April ta’ din is-sena marru 6,562 ruħ.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm viżitaturi fil-Mużew tal-Arkejoloġija l-Belt fis-snin 2011, 2012 u s’issa f’din is-sena?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li n-numru totali ta’ viżitaturi li żaru l-Mużew tal-Arkejoloġija, l-Belt fl-2011 kien jammonta għal 73,951 (dan ma jinkludix il-viżitaturi ta’ Novembru u Dicembru minħabba li l-kuntrattur li kien jipprovdi dan is-servizz ma pprovdiex din l-informazzjoni).
Fl-2012 żaru l-Mużew tal-Arkejoloġija, l-Belt 71,366 viżitatur, filwaqt li minn Jannar sa April ta’ din is-sena marru 21,551 ruħ.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-linji gwida dwar il-ħatriet ta’ konsulenti f’Ministeri mħabbra fil-ġranet li għaddew?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kopja tal-linja gwida ta’ konsulenti fl-Strategic and Priorities Unit tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f l-20 ta’ Mejju 2013 (Mistoqsija Parlamentari nru 1048).
Dipartiment tal-Informazzjoni — organisational structure
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-organisational structure sħiħa tad-Dipartiment tal-Informazzjoni kif ukoll il-lista sħiħa tal-impjegati tal-istess dipartiment? Għal kull impjegat/a jista’ l-Prim Ministru jagħti wkoll il-grad u d-dettalji sħaħ tar-remunerazzjoni tiegħu/tagħha?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-organisational structure sħiħa tal-Istamperija tal-Gvern kif ukoll il-lista sħiħa tal-impjegati tal-istess dipartiment? Għal kull impjegat/a jista’ l-Prim Ministru jagħti wkoll il-grad u d-dettalji sħaħ tar-remunerazzjoni tiegħu/tagħha?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Minħabba li fil-lista uffiċjali tal-portfolios tal-Ministri, ir-responsabbiltà għall-Privatisation Unit ma tidher imkien, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk dan hux bi żvista u jekk hu hekk jgħid min hu l-Ministru responsabbli minnu u kif inhu kompost il-bord tal-istess unit?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Privatisation Unit għadha topera u taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministru responsabbli għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nistieden lill-Onor Membru jpoġġi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għall-permessi ta’ żvilupp pendenti f’kull tip ta’ permess (jiġifieri DNO, ODZ, Inside Scheme u PC Applications) f’kull lokalità?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-istess Awtorità għandha quddiemha, tlieta u ħamsin (53) PC Applications pendenti għall-alignment u sitta u erbgħin (46) applikazzjoni pendenti għal zoning/rationalisation kif ukoll mitejn u sitta u sittin (266) DNO validati. Għar-rigward ta' applikazzjonijiet għal ippjanar (Full Development), l-Awtorità għandha quddiema elf u disa' u tletin (1039) applikazzjoni attiva u validata inside scheme, u erba' mija u seba' u ħamsin (457) applikazzjoni attiva u validata ODZ.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-lokalitajiet ta' dawn il- PCs, DNOs u l-applikazzjonijiet kollha (Annex 1)
Hemm ukoll numru ta' applikazzjonijiet validati imma mhux attivi għal diversi raġunijiet u wkoll numru ta' applikazzjonijiet diferiti li diġa’ għaddew għand il-kummisjoni għad-deċi¿joni. Dawn qed jiġu elenkati separatament fit-tieni tabella (Annex 2).
Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta se jpoġġi r-rapport annwali tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għas-sena 2012 fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kopja tar-rapport annwali tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għas-sena 2012 ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġimgħat li ġejjin, wara li dan ikun approvat mill-bord tal-awtorità.
B’referenza għall-eżami li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku li nżamm fis-sessjoni ta’ Jannar 2013, meta wieħed iqis li dan l-eżami huwa kompetittiv, jista’ l-Ministru jgħid kif se jkun assigurat li l-proċess jibqa’ wieħed ġust ma’ dawk il-kandidati li diġà għaddew? Kif se jkun assigurat li kandidati jibqgħu jikkompetu fuq l-istess livell meta dawk li ser joqogħdu għar-resits se jingħataw karta differenti u possibbilment b’eżaminaturi differenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal ċirkulari tal-PAHRO Nru 9/2013 li kopja tagħha tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra b'konnessjoni ma' Mistoqsija Parlamentari Numru 2032.
Iċ- ċirkulari tindika li r-riżultat aħħari (l-eżami miktub kif ukoll l-
interview
) ser ikun maqsum f’żewġ listi separati, wieħed li fih il-kandidati li għaddew mill-eżamijiet ma' l-ewwel darba u lista oħra li jkun fiha dawk il-kandidati li għaddew fir-
resit
. Il-kandidati li għaddew l-eżamijiet f’Jannar ser ikollhom preċedenza fuq dawk li għaddew wara li qagħdu għall-eżami/eżamijiet fir-
resit.
Il-livelli tal-karti ser ikunu ta’ l-istess livell ta’ l-ewwel eżami bħal ma jsir f’każijiet simili ta’ bordijiet oħra f’kazijiet ta’
re-sits.
Ser tinżamm ukoll il-prassi li tliet eżaminaturi ser ikunu responsabbli għal kull eżami li jsir waqt li ftit ser ikun hemm tibdil fl-eżaminaturi.
B’referenza għall-eżami ta’ Jannar 2013 li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku, meta wieħed iqis li dan huwa eżami kompetittiv, jista’ l-Ministru jgħid jekk min jagħmel ir-resit hux se jkun jista’ jaqbeż fil-marki lil dawk li diġà għaddew fl-eżami f’Jannar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ċ-ċirkulari tal-PAHRO Nru. 9/2013 tindika l-proċedura li se tittieħed dwar ir-riżultati miksuba kemm fl-ewwel eżami ta' Jannar li għadda kif ukoll fir-resit. Dan ġie spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 2035.
B’referenza għall-eżami ta’ Jannar 2013 li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ir-resits se jsiru fil-gradi kollha meta skont stqarrijiet pubbliċi l-investigazzjonijiet tal-pulizija jixħtu dell ta’ irregolaritajiet biss fil-marki tal-executive officers u mhux fi gradi oħra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-resits se jsiru fil-gradi kollha u mhux biss fl-eżamijiet għall-Uffiċjali Eżekuttivi biex kull min għamel l-eżami se jkollu ċans ieħor.
B’referenza għall-mistoqsija parlamenrtari 1130 dwar l-użu tal-iskejjel mill-Klabb 3-16 immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, jista’ l-Ministru jgħid sa meta huwa mistenni li jkun lest il-qafas ta’ ftehim mad-Direttorat u l-iskejjel fejn hemm is-servizz sabiex il-partijiet kollha jkunu jafu x’inhu mistenni minnhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Hu mistenni li dan il-qafas tal-ftehim ikun lest sa nofs ix-xahar ta' Ġunju.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ngħataw l-ewwel darba l-isports scholarships? Kemm kienu vvotati flus? Kemm ingħataw scholarships? F’liema dixxiplini ngħataw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-isports scholarships ingħataw għall-ewwel darba fl-2012. Oriġinarjament fil-baġit kienu ġew ivvutati €120,000. Dan l-ammont tnaqqas għal €100,000 meta saret reviżjoni tan-nefqa taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
F’dik is-sena ingħataw 14-il borża ta’ studju fid-dixxiplini li jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet u meta se tagħlaq is-sejħa ta’ din is-sena għal sports scholarships? Kemm hemm flus ivvotati għal din l-iskema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat illi s-sejħa għal Sports Scholarships ta' din is-sena ġiet imnedija nhar l-Erbgħa, 22 ta' Mejju 2013. L-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sa nofsinhar tal-Ġimgħa, 21 ta' Ġunju, 2013.
Ġew ivvutati €120,000 għal din l-iskema.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-2004 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mid-direttorati, dipartimenti u entitajiet li huma fi ħdan il-Ministeru tiegħi ma ingħatax xogħol ta’ konsulenza lill-kumpanija indikata mill-Onorevoli Interpellant fil-perjodu msemmi fil-mistoqsija. Iżda, f’Ġunju tal-2012, il-Kunsill Malti għall-iSport ħallas l-ammont ta’ €3,620.43 lill-kumpanija indikata bħala ħlas għan-nom tal-klijenti tagħha Damian Restall u Jesmond Agius f’isimhom proprju u eżerċitanti l-kummerċ taħt l-isem Turn-Pro Waterproofing & Turnkey Contractors għal kawża mitlufa fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar (seduta li saret fis-26 ta’ April 2012).