Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar l-istatus tal-applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-isfond tal-aħbar li l-oqbra waslu biex jitqassmu? Jista’ jikkonferma li din l-applikanta hija fil-fatt waħda minnhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva l-applikazzjonijiet mingħand il-persuna msemmija u kif isir għal kull applikazzjoni din titpoġġa fil-lista ta’ stennija sakemm ikun il-waqt li titħabbar il-lista ta’ dawk eliġibbli.
Jista’ l-Prim Ministru jara sitwazzjoni ta’ overload ta’ dawl fis-Swatar speċjalment (imma mhux biss) f’Triq I Zammit fejn id-dawl inqata’ 5 darbiet fi 15-il ġurnata?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li t-tiswijiet meħtieġa saru. Sadanittant il-Kumpanija se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni fil-jiem li ġejjin biex tnaqqas ir-riskju li jkun hemm diffikultajiet oħrajn.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-każ ta’ pensjoni ta’ persuni single, il-free of tax se tibda fl-2018 u mhux fl-2017? Jista’ jgħid ukoll jekk it-taxxa hux se titkompla tinġabar u wara sena jkun hemm refund? Jista’ jgħid ukoll jekk persuni għandhomx dritt għal xi interessi? Kemm hemm persuni single affettwati? U għaliex ġiet targeted din il-kategorija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-każijiet ta’ pensjonanti, kemm single kif ukoll miżżewġin ta’ ’l fuq minn 61 sena, minn din is-sena ser jaraw żieda fir-rata tal-pensjoni tagħhom hekk kif sal-2018 mhux ser jibqgħu jiġu ntaxxati fuq l-ekwivalenti tal-ogħla pensjoni tas-sigurta’ soċjali.
Minn din is-sena, il-pensjonanti li jħallsu t-taxxa bir-rati ta’ miżżewġin mhux se jħallsu taxxa fuq l-ewwel €13,000 minn pensjonijiet. Dan ifisser li xi ħadd li għandu pensjoni tas-sigurta’ soċjali biss minn dis-sena mhux se jħallas aktar taxxa fuq il-pensjoni. Waqt li xi ħadd li għandu zewġ pensjonijiet jew aktar, fuq l-ewwel €13,000 mill-pensjonijiet mhux se jħallas aktar taxxa. Barra minn hekk se jiffranka ukoll ħlas ta’ taxxa fuq dħul ieħor ta’ €500 fl-2017 u €1,000 fl-2018.
Minn din is-sena wkoll, il-pensjonanti li jħallsu t-taxxa bir-rati ta’ single (li jistgħu jkunu miżżewġin ukoll) mhux se jħallsu taxxa fuq l-ewwel €10,500 minn pensjonijiet u fuq l-ewwel €13,000 fl-2018. Dan ifisser li xi ħadd li għandu pensjoni tas-sigurta’ soċjali biss, fl-2017 se jħallas anqas taxxa waqt li mill-2018 mhux se jħallas aktar taxxa fuq il-pensjoni. Xi ħadd li għandu żewġ pensjonijiet jew aktar, fuq l-ewwel €10,500 mill-pensjonijiet fl-2017 mhux se jħallas aktar taxxa waqt li fl-2018 mhux se jħallas aktar taxxa fuq l-ewwel €13,000 minn pensjonijiet.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-taxxa li l-pensjonanti mhux se jħallsu, se jkunu qed igawdu minnha immedjatament mill-2017 skont il-parametri msemmija hawn fuq billi se jkunu qed jaqbdu pensjoni netta ogħla minn dik fl-2016.
Hemm total ta’ 8,575 pensjonanti li għal skopijiet ta’ taxxa huma meqjusa bħala miżżewġin u 14,639 persuna bħala pensjonanti, li għal skopijiet ta’ taxxa huma meqjusa bħala single li kienu affetwati minn din il-miżura.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk Vjal l-Avjazzjoni f’Ħal Luqa (immarkata bl-aħmar fid-dokument li qed jingħata separatament) hijiex triq privata jew pubblika?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill Onorevoli Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill Ministru kkonċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27292, jista' l-Ministru jerġa' jara li jsir kuntatt mal-individwu peress li għadu ma sar l-ebda kuntatt miegħu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kuntatt mal-imsemmija persuna sar mill-ewwel u l-każ għadu qed jiġi segwit.
Supplementary Financial Estimates 2016 – Professional Services
Question
B'referenza għas-Supplementary Financial Estimates 2016, Vote 31, (31) Professional Services, jista' l-Prim Ministru jgħid kif is-somma approvata ta' €60,000 żdiedet bi €825,000 għal nefqa totali ta' kważi 15-il darba aktar mis-somma approvata fil-baġit 2016? Jista' jgħid fiex marret din in-nefqa u liema huma dawn il-Professional Services? Jista' jgħid ukoll jekk din in-nefqa addizzjonali saritx wara ħruġ ta' tenders jew sejħiet pubbliċi oħra jew jekk saritx permezz ta' direct orders?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li l-flus allokati fuq Item 31 – Professional Services żdiedu ad hoc minħabba servizzi professjonali speċifiċi mitluba. Dawn l-ispejjeż addizzjonali kienu kollha koperti b’approvazzjonijiet mill-Ministeru tal-Finanzi.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li waqt li l-estimi supplimentari għall-2016 huma 3.6% iżjed mill-baġit, fl-2001 l-estimi supplimentari ta’ Gvern Nazzjonalista kienu 5.5% tal-bagit ta’ dik is-sena u dawn żdiedu għal 7.7 % fl-2004. Fl-2008 kienu agħar - rekord ta’ 16% tal-baġit. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li fl-2013 dan il-gvern sab ma' wiċċu deficit ferm ogħla minn dak imbassar, b'riżultat li pajjiżna reġa' ddaħħal fil-proċedura ta' deficit eċċessiv mill-Kummissjoni Ewropea. Din kienet it-tielet darba f'10 snin li ġara hekk. Għal dis-sena iżda d-deficit mistenni jkompli niżel għal 0.5%. Dan il-gvern bil-kontra ta’ gvernijiet oħra fl-imgħoddi, huwa determinat li bil-fatti jaqta' l-iżbilanċ fiskali għal kollox biex Malta tibda tirreġistra bilanċ favorevoli għall-ewwel darba fi snin sħaħ.
Supplementary Financial Estimates 2016 – Projects Malta
Question
B'referenza għas-Supplementary Financial Estimates 2016, Vote 31, (5780) Projects Malta, jista' l-Prim Ministru jgħid kif is-somma approvata ta' €1,100,000 żdiedet b'€2,075,000 biex in-nefqa totali laħqet is-somma ta' €3,175,000 (aktar minn tliet darbiet mis-somma approvata fil-Budget 2016? Jista' jgħid fiex marret din in-nefqa u liema huma dawn il-Professional Services? Jista' jgħid ukoll jekk din in-nefqa addizzjonali saritx wara ħruġ ta' tenders jew sejħiet pubbliċi oħra jew jekk saritx permezz ta' direct orders?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt informat minn Projects Malta li s-somma approvata telgħet b’ €1,924,976 u mhux b’ €2,075,000 kif qed jintqal mill-Onor. Interpellant. L-ammont allokat għaldaqstant jammonta għal €3,024,976. It-€3 miljuni kienu meħtieġa biex Projects Malta Ltd tilħaq l-objettivi tagħha li jirriflettu numru dejjem jiżdied ta’ proġetti ambizzjużi li l-Gvern qed jaħdem biex jimplimenta sabiex ikompli jtejjeb il-ħajja tan-nies. Minn dawn it-€3 miljuni, Projects Malta għaddiet subvention ta’ €590,000 lil 3 entitajiet li jaqgħu taħtha skont ftehimiet li saru : Trade Malta, Yachting Malta u l-iMrieħel Foundation. Intużaw €1.6 miljun għal servizzi legali, ta’ project management, perizja u oħrajn, b’rabta mal-proġetti li ġew delegati lilha sabiex jigu implimentati.
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li waqt li l-estimi supplimentari għall-2016 huma 3.6% iżjed mill-baġit, fl-2001 l-estimi supplimentari ta’ Gvern Nazzjonalista kienu 5.5% tal-baġit ta’ dik is-sena u dawn żdiedu għal 7.7 % fl-2004. Fl-2008 kienu agħar - rekord ta’ 16% tal-baġit. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li fl-2013 dan il-gvern sab ma' wiċċu deficit ferm ogħla minn dak imbassar, b'riżultat li pajjiżna reġa' ddaħħal fil-proċedura ta' deficit eċċessiv mill-Kummissjoni Ewropea. Din kienet it-tielet darba f'10 snin li ġara hekk. Għal dis-sena iżda d-deficit mistenni jkompli niżel għal 0.5%. Dan il-gvern bil-kontra ta’ gvernijiet oħra fl-imgħoddi, huwa determinat li bil-fatti jaqta' l-iżbilanċ fiskali għal kollox biex Malta tibda tirreġistra bilanċ favorevoli għall-ewwel darba fi snin sħaħ.
Jista' l-Ministru jgħid x’kien l-ammont totali ta’ xogħol u f’termini ta’ flus li l-Gvern ta lill-isptarijiet u kliniċi privati fis-snin 2010, 2011, 2012 u 2013 sena b’sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-medja ta’ kemm intefqu flus fis-sena mill-Gvern għal-xogħlijiet li saru mal-isptarijiet u kliniċi privati bejn l-2010 u l-2012 kienet ta’ €764,407.63.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex marbut li jibgħat il-pazjenti fl-isptarijiet immexxija minn Vitalis Global Healthcare (VGH) għall-operazzjonijiet u investigazzjonijiet? X’se tkun il-policy tal-Gvern dwar xogħol li s-soltu jingħata lill-isptarijiet privati li fil-passat u fil-preżent qed ikunu ta’ tant għajnuna lill-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa l-ħsieb tal-gvern illi l-kollaborazzjoni bejn l-Gvern u l-isptarijiet privati Maltin tkompli u saħansitra tiżdied fix-xhur u s-snin li gejjin.
Sptar Ġenerali t’Għawdex u Sptar Karin Grech — ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid li peress li l-ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u f’Karin Grech li kienu fuq il-kotba tal-Gvern qabel ma’ ġew trasferiti mal-Vitalis Global Healthcare (VHG) ġew assigurati li se jibqgħu jgawdu l-istess kundizzjonijiet li għandhom skont il-ftehim kollettiv, jekk dawn humiex intitolati għal żidiet biex ikunu pari mal-ħaddiema li se jiġu impjegati mill-VGH?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema in kwistjoni kienu, għandhom u se jibqgħu ħaddiema tas-servizz pubbliku, sakemm ma jagħżlux huma xort'oħra, u li għalhekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jibqgħu dawk li ġew maqbula mal-unions rispettivi tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kif titħallas l-ispiża għas-saħħa? Jista’ jispjega jekk hemmx persentaġġi mill-VAT, min-National Insurance u mit-taxxi li jmorru direttament għall-ispiża tas-saħħa?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija jirreferi ghat-twegiba moghtija f'PQ28883.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, m'hemm l-ebda rbit dirett kif indikat mill-Onor. Interpellant bejn id-dħul mit-taxxa msemmija u n-nefqa fuq is-saħħa.
Għawdex – Fontana – Triq Mons. Mikiel F Buttigieg – xogħolijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir il-wiċċ u jingħaddu s-servizzi fi Triq Mons. Mikiel F Buttigieg fil-Fontana stante li din it-triq qatt ma ngħatat wiċċ u tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li din it-triq tifforma parti mill-pjan ta’ asfaltar ta’ toroq u li x-xogħol fuqha għandu jibda fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir patching fi Triq it-Tiġrija fin-Nadur peress li hemm partijiet minnha li jinsabu fi stat ħażin ħafna? Jista' jgħid meta hu ppjanat li jsir resurfacing ta' din it-triq u jekk hemmx il-ħsieb li jsir culvert għall-ilma tax-xita peress li f'din it-triq jinġabar l-ilma tax-xita minn partijiet sostanzjali tal-lokalità tan-Nadur?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat illi l-patching fit-triq in kwistjoni tlesta. Il-culverts ser isiru meta t-triq tiġi resurfaced fil-futur.
Ministeru għas-Saħħa — persuni f'position of trust
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni fuq position of trust minn Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Minn dawn, kemm saru tal-post għax ġew assorbiti fis-Servizz Pubbliku u b'hekk ma baqgħux fuq position of trust?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 ġew maħtura 9 persuni f’position of trust mal-Ministeru għas-Saħħa. Bħalissa fil-Ministeru, fadal 7 f’position of trust. Hadd minn dawn ma kellu għalfejn jiġi assorbit fis-Servizz Pubbliku għax biex persuna tkun f’position of trust trid tkun fis-settur pubbliku.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — persuni f'position of trust
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni fuq position of trust minn Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Minn dawn, kemm saru tal-post għax ġew assorbiti fis-Servizz Pubbliku u b'hekk ma baqgħux fuq position of trust?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 ġew maħtura dsatax-il (19) persuna f’position of trust mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima. Bħalissa fil-Ministeru fadal tnax (12) f’position of trust. Ħadd minn dawn ma kellu għalfejn jiġi assorbit fis-Servizz Pubbliku għax biex persuna tkun f’position of trust trid tkun fis-settur pubbliku.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — persuni f'position of trust
Question
Tista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni fuq position of trust minn Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Minn dawn, kemm saru tal-post għax ġew assorbiti fis-Servizz Pubbliku u b'hekk ma baqgħux fuq position of trust?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 ġew maħtura 7 persuni f’position of trust mal-Ministeru Għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili. Bħalissa fil-Ministeru, fadal 2 f’position of trust. Ħadd minn dawn ma kellu għalfejn jiġi assorbit fis-Servizz Pubbliku għax biex persuna tkun f’position of trust trid tkun fis-settur pubbliku.