Wara li ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar li beda x-xogħol fuq il-pixxina nazzjonali, jista’ l-Ministru jgħid liema huwa x-xogħol li qed isir bħalissa? X’se jkun qed isir aktar? X’inhi n-nefqa proġettata? Sa meta se jkun lest dan ix-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport ikkummissjona rapport dwar l-istat eżistenti tal-pixxina nazzjonali. Dan ir-rapport li hu mistenni li jkun sottomess sal-aħħar ta' Ġunju 2013 għandu jidentifika dawk il-postijiet fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq li jinħteġilhom attenzjoni, jidentifika lista ta' xogħlijiet li għandhom isiru f'ordni ta' priorita' u wkoll jagħti stima finanzjarja tax-xogħol li ser ikun rakkomandat li jsir.
Jista’ l-Ministru jelenka liema programmi sportivi ngħataw mill-Kunsill Malti għall-Isport matul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ħames snin ingħataw għaxar programmi sportivi differenti li huma:-
1. Skolasport
2. Summer on the Move
3. Sports Buzz
4. Sports Fun
5. Girls on the Move
6. Akkademji
7. Walking and Jogging Clubs
8. Senior Citizens on the Move
9. MUSEUMS
10. Arti Sport
Dawn minbarra l-programmi sportivi imtella' mill-iSport Promotion Unit qabel, waqt u wara l-ħinijiet tal-iskola u l-programmi sportivi taħt l-iskema tal-Kunsilli Lokali.
Ir-Rabat (Għawdex) — ċentru kliniku - trasferiment għall-Isptar Ġenerali t'Għawdex
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2332 fejn qed jidher li la ġie kkonsultat u lanqas intervjena biex iċ-ċentru kliniku li kien hemm fiċ-ċentru tar-Rabat jiġi trasferit għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, jista’ l-Ministru jikkonferma li kellu numru kbir ta' Għawdxin li wasslulu l-ilmenti formali tagħhom dwar dan? Jista’ jgħid x'għamel b'dawn l-ilmenti?
Response (REFALO, ANTON)
M'ghandi xejn x'inżid mat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari1248,1785, u 2332
B'referenza għat-tweġiba tal mistoqsija parlamentari 1810 fejn fiha iddikjara li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ma jafx għalxiex qed jirreferi l-Onor. Interpellant, u peress li tali Konferenza Annwali tal-Edukazzjoni hi waħda mill-wegħdiet li tinsab fil-programm elettorali tal-Partit Laburista tal-aħħar elezzjoni, u peress li jidher li kemm il-Ministru kif ukoll id-dipartiment mhumiex konxji minn dan, jista’ l-Onor. Ministru jgħid hu kienx ġie kkonsultat qabel ma nkitbet din il-wegħda, jekk jaqbilx ma’ din il-wegħda u jekk għandux il-ħsieb li jwettaqha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Jidher li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-proposta numru 44 li tikkonċerna Konferenza Nazzjonali għall-Għalliema. Din il-proposta se tiġi mwettqa fiż-żmien li ġej. Jiena diġà ltqajt ma' diversi oqsma ta' edukaturi bħal uffiċjali edukattivi, biex nikkonsultahom f'laqgħat li ma kienux isiru qabel.
kodiċi ta’ etika – waivers — ministri u s-segretarji parlamentari
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1762 u jindika dawk il-provvedimenti fil-Kodiċi ta' Etika għall-Ministru u s-Segretarji Parlamentari li jagħtu s-setgħa lil Prim Ministru biex jeżenta lil xi Ministru jew Segretarju Parlamentari milli josserva l-Kodiċi jew parti minnu? Jista’ jikkonferma kemm ta eżenzjonijiet sal-lum u lil min?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, ngħarraf lill-Onor Interpellant li kif hemm imniżżel fid-daħla tal-Kodiċi ta’ Etika nnifsu, l-Kodiċi li issa ilu li sar 20 sena kien intiż bħala gwida lill-Ministri fl-aġir tagħhom li huma stess jimponu fuqhom innifishom biex tissaħħaħ it-trasparenza u l-fiduċja fil-Gvern.
Fejn jidħlu l-interessi privati l-Kodiċi f’paġna 42 jgħid li “normalment hu l-Ministru stess li għandu jiddeċiedi kif l-aħjar jipproċedi” għalkemm ir-regola ġenerali għandha tkun li l-Ministru jitlaq l-interessi privati tiegħu. Fl-istess paġna l-Kodiċi jżid li l-Prim Ministru jiddeċiedi kif għandu jimxi l-Ministru li jissottomettilu każ bħal dan.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-Onorevoli Segretarju Parlamentari Franco Merċieca fil-jiem li għaddew waqqaf b’mod immedjat l-operazzjonijiet kollha tal-oftalmoloġija, li kien qed jagħmel fil-privat, anki jekk konxju li pass bħal dan se jwassal biex tinħoloq skumdita għal numru ta’ pazjenti. L-Onor Segretarju Parlamentari se jibqa’ jagħti s-servizz tiegħu mingħajr ħlas fl-isptar Mater Dei u fl-Isptar t’Għawdex.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1756 fejn il-Ministru kkonferma li ma jaqbilx li Malta hi pajjiż fejn hemm il-ħtieġa li jinħoloq unit speċjalizzat fi ħdan il-Pulizija li jkun imħarreġ biex jieħu ħsieb żoni turistiċi u biex ittejjeb is-sigurtà tat-turisti li jżuru Malta, jista’ l-Ministru jikkonferma li hu ma kienx jaf b'din il-wegħda elettorali tal-Partit Laburista u jikkonfermax li allura din il-wegħda mhux se titwettaq?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li ngħatat fl-istess mistoqsija parlamentari kwotata minnu fejn intqal li bħalisa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Awtorità dwar it-Turiżmu bil-għan li jkunu magħrufa oqsma fil-qasam turistiku fejn il-Korp tal-Pulizija jista’ jtejjeb is-servizz li joffri f’dan il-qasam.
Jista' l-Prim Ministru jieħu azzjoni sabiex l-iscaffolding li ttella’ aktar minn 5 snin ilu fuq wara ta' blokk appartamenti li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li jagħti għal fuq Xatt is-Sajjieda, San Ġiljan, jitneħħa peress li dan l-iscaffolding imsaddad u bla użu qed jagħti dehra mill-agħar lil ambjent pittoresk tal-bajja ta' Spinola li hi frekwentata tant mit-turisti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-iżvilupp li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa kopert bil-permessi ta' żvilupp li jesiġu li siti ta' kostruzzjoni f'waħda mil-lokalitajiet b'attivita' għolja ta' żvilupp, bħal ma' hi San Ġiljan, għandhom jingħlaqu bi stekkati (hoarding) maqtugħa u independenti mill-kostruzzjoni nnifisha. Tali stekkati jridu jinżammu f'kundizzjoni tajba sabiex dawn jissodisfaw l-għan tagħhom hekk kif speċifikat fl-Avviż Legali 295/07 jew ir-Regolamenti ta' l-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni.
Dawn ir-regolamenti ma jaqgħux iżjed taħt ir-responsabilta' tal-Awtorita ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) peress li fl-2010, tali obbligu għadda lill-Uffiċċju tar-Regolamenti tal-Bini (BRO) fi ħdan l-Ministeru tax-Xogħolijiet u Trasport. Id-dettalji ta' dan il-każ ser jagħddu lill-dan l-uffiċċju sabiex tittieħed l-azzjoni neċessarja skont kif stabbilit fl-Avviż Legali imsemmi.
Żjara mill-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u Xjenza
Question
B’referenza għaż-żjara ta’ korteżija li għamlet f’pajjiżna l-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u Xjenza, Maire Geoghgan-Quinn, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-iżviluppi li qed isiru f’pajjiżna f’dan il-qasam b’rabta mal-istqarrija 1124 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-innovazzjoni, u Xjenza ma żaritx Malta iżda kien hemm laqgħa Brussel li saret bejn l-Onorevoli Dr Stefan Buontempo u l-Kummissarju waqt il-Kunsill Ministerjali tal-Kompettivita’ (Riċerka).
Fis-snin li għaddew Malta għamlet passi kbar il-quddiem fil-qasam tar-riċerka u l-i¿vilupp bit-tmexxija tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST. Proġett ewlieni huwa dak taċ-Ċentru Nazzjonali għax-xjenza interattiva (
National Interactive Science Centre
) li qed jinbena fil-Kumpless ta’ Bighi fil-Kalkara. Dan iċ-ċentru juri l-prijorità li l-gvern qed jagħti għall-edukazzjoni tax-xjenza. L-għan taċ-Ċentru huwa li jkun struttura permanenti fejn l-istudenti u l-pubbliku jistgħu jinvolvu ruħhom f’esperjenza unika ta’ xjenza interattiva u li jippromwovi l-adozzjoni ta' karrieri relatati max-xjenza waqt li jħeġġeġ l-ispirtu intraprenditorjali taż-żgħażagħ tagħna. Iċ-Ċentru, li se jiġi żviluppat bi spiża totali ta' €25 miljun, ser jinkludi galleriji interattivi, sala kbira, ‘Planetarium’, laboratorji, spazji għal
workshops,
cafeteria kif ukoll ġonna sbieħ. Il-kontenut se jkun jaqbel mal-oqsma distinti ta' l-kurrikulu nazzjonali tax- xjenza, iżda huwa wkoll immirat lejn il-pubbliku ġenerali.
Kull sena l-Gvern jiffinanzja għadd ta' proġetti b'appoġġ tal-Pjan Strateġiku Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Wieħed mill-istrumenti ewlenin ta’ finanzjament huwa l- Programm Nazzjonali għal Riċerka u Innovazzjoni li żdied kwazi erba` darbiet u nofs matul l-aħħar snin. Fil-fatt, il-finanzjament għal dan il-Programm żdied minn € 400,000 fl-2004 sa € 1.6 miljun fl-2012. L-MCST irċeviet total ta' 46 proposta, b’talba għal € 8.3miljun – żieda fid-domanda sostanzjali meta mqabbla mal-€ 5.8 miljun fl-2011. Barra minn hekk, is-sena l-oħra beda wkoll programm għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ ideat li għandhom potenzjal qawwi fis-swieq lokali u barranin.
Bħala Kuntatt nazzjonali (NCP), il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija tgħin lir-riċerkaturi Maltin jaċċessaw fondi tal- Unjoni Ewropea mis-Seba' Programm Qafas, l- FP7.
Dan wassal biex, sal-bidu tal-2013, il-Maltin gawdew minn kwazi 14-il miljun ewro f'fondi Ewropej biex ikunu jistgħu jaħdmu fuq proġetti importanti ta' riċerka.
Il-programm COST (il-Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija), immexxi mill-Kunsill, jġib flimkien riċerkaturi minn pajjiżi differenti biex jippromwovu l-koordinazzjoni transnazzjonali ta’ riċerka. Minn sitt azzjonijiet tal-COST (
cost actions
) fl-2009, il-parteċipazzjoni telgħet għal aktar minn 100 azzjoni sal-bidu tal-2013, b’parteċipazzjoni ta’ iktar minn 150 riċerkatur. Fis-sena 2012 biss, Malta bdiet tieħu sehem fi 38 Azzjonijiet ġodda bl-involviment ġdid ta' 56 riċerkatur.
Minbarra l-FP7 u l-COST, il-Kunsill qed ikompli jikkonċentra l-isforzi tiegħu fuq attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni barra minn Malta. Fl-aħħar sena, baġit ta' €150,000 ġie allokat għall- attivitajiet li jippermettu lir-riċerkaturi Maltin u membri mill-industrija jieħdu sehem f’attivitajiet internazzjonali f ‘ dal-qasam. Bini ta’ netwerks internazzjonali ma' riċerkaturi ewlenin mhux biss jiżguraw li Malta tkompli tikber u tissaħħaħ f'oqsma ta’ importanza nazzjonali, iżda wkoll li joħolqu opportunita` għal aktar impjiegi f'dan il-qasam.
Fil-fatt, wieħed mis-suċċessi kbar ta’ din l-inizzjattiva huwa l-proġett imsejjaħ Lab4MEMS li ġie approvat mill-ENIAC, raggruppament Ewropew tal-industrija u l-akkademja fis-settur tal-mikroelettronika, b’investiment għal Malta ta' € 4.6 miljun. Il-proġett Lab4MEMS huwa kkoordinat mill-STMicroelectronics fl-Italja, bil-parteċipazzjoni ta 'STMicroelectronics ta’ Malta u d-Dipartiment ta' Mikro u Nanoelettronika fl-Università ta' Malta. L-iskop ta' Lab4MEMS huwa li jistabbilixxi netwerk għal riċerka u żvilupp ta' teknoloġiji avvanzati użati fit-teknoloġiji magħrufa bħala MEMS.
Dawn l-inizzjattivi huma kollha mfassla fuq strateġiji nazzjonali għar-riċerka. Din is-sena tniedu ¿ewġ strateġiji ta' riċerka, waħda dwar is-saħħa u oħra dwar il-manifattura li tfasslu wara konsultazzjoni wiesgħa. L-istrateġija fil-qasam tas-saħħa għandha l-għan li tixpruna riċerka għal modi ġodda kif intejbu l-qasam tas-saħħa f'pajjiżna. Sforzi f’dal-qasam diġa bdew jagħtu l-frott. Malta qed tissieħeb ma' konsorzju internazzjonali immexxi mill-Universita ta’ Leuphana fil-Germanja u ma l- ICHOM, Sclavo Vaccines tal-Italja u Novartis, flimkien ma universitajiet u industriji oħra prestiġġjużi sabiex ifasslu proġett għal-fondi mill-Istitut Ewropew ghall-Innovazzjoni u Teknologija (EIT). Dan il-progett fuq
Active and Healthy Ageing
se jiffoka fuq il-potenzjal li r-riċerka tista toffri liċ-ċittadini biex jgħixu ħajja attiva u indipendenti anke meta jixjieħu.
Dawn huma ftit mill-inizzjattivi nazzjonali li qed iseħħu f’pajjizna. Ma rridux ninsew ukoll l-investiment qawwi li qed isir permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) fl-infrastruttura għar-riċerka tal-Universita ta’ Malta, kif ukoll fi proġetti kbar bħal BioMalta Life Sciences Centre – proġett ta’ 38 miljun li jibni fuq is-suċċess ta' setturi bħall-manifattura, tal-farmaċewtika u tat-tagħmir mediku.
Dawn ir-riżultati kollha jixhdu l-potenzjal tal-Maltin fil-qasam tar-riċerka u innovazzjoni, qasam li għandu l-potenzjal li joħloq aktar impjiegi u li jwassal għal tkabbir ekonomiku u kwalita' ta' ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miri tal-Gvern għan-nefqa nazzjonali fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u jekk hux se jkun hemm tnaqqis fuq il-vot mis-sena preċedenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-mira tal-gvern preċedenti għar-riċerka u l-iżvilupp kienet ta' 0.67% GDP sas-sena 2020 bħala parti mill-istrategija Ewropa 2020. Dan il-gvern jaħseb li din il-mira ma tirrifflettix il-kapaċita ta’ Malta fil-qasam tar-riċerka. Il- Kummissjoni Ewropea stess kienet ikkritikat lil Malta għan-nuqqas ta’ambizzjoni fil-mira tagħha. Fil-fatt in-nefqa ta’ 0.67% diġa intlaħqet fis-sena 2010 u kompliet tiżdied fis-snin 2011 u 2012. Il-gvern huwa impenjat li jinvesti bis-sod f’dan il-qasam u allura se jżid il-mira għar-riċerka u l-iżvilupp biex tkun mira ambizzjuża li tipparaguna sew mal- istati membri l-oħra tal-UE f’qasam daqshekk importanti għax-xoghol u t-tkabbir ekonomiku.
Riċerka u l-Innovazzjoni – negozjati dwar il-pakkett Orizzont 2020
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati fuq il-pakkett leġiżlattiv Orizzont 2020 li huwa l-programm qafas tal-Unjoni Ewropea fuq il-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perijodu bejn l-2014 – 2020?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Mindu l-Pakkett Leġiżlattiv Orizzont 2020 ġie ppubblikat f’Novembru 2011, sar progress sinifikanti fin-negozjati, partikolarment fuq il-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm Qafas Orizzont 2020 u l-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni fil-Programm Qafas Orizzont 2020.
Fl-2012 il-Kunsill tal-Ministri laħaq numru ta’ Approċċi Ġenerali Parzjali fuq il-Pakkett Leġiżlattiv Orizzont 2020 waqt li l-Parlament Ewropew, minn naħa tiegħu, adotta numru ta’ Rapporti dwar l-istess fajls. Fuq il-bażi ta’ dawn, il-Kunsill, irrappreżentat fl-ewwel nofs tal-2013 mill-Presidenza Irlandiża, u l-Parlament Ewropew, nedew sensiela ta’ trilogi informali u laqgħat tekniċi. Sal-lum saru seba’ laqgħat trilogi informali (31 ta’ Jannar 2013, 5 ta’ Marzu 2013, 26 ta’ Marzu 2013, 9 ta’ April 2013, 16 ta’ April 2013, 7 ta’ Mejju u 27 ta’ Mejju).
Għalkemm ġie rreġistrat progress sinifikanti ħafna, waqt it-trilogu tas-16 ta’ April 2013, ġie nnutat li n-negozjati kienu waslu f’qagħda kritika minħabba numru ta’ kwistjonijiet kritiċi li l- Kunsill u l-Parlament Ewropew ma setgħux jaqblu fuqhom. Il-Presidenza enfasizzat il-kwistjonijiet li ġejjin bħala l-fatturi prinċipali li qed jimpedixxu milli jintlaħaq qbil;
1. Kwistjonijiet relatati mal-arkitettura tal-Programm Qafas Orizzont 2020;
2. Objettivi ġodda, linji ta’ attività u linji ta’ subattività; u
3. Simplifikazzjoni u effettività.
Il-Presidenza temmen li ma jistax jintlaħaq qbil qabel ma dawn il-kwistjonijiet jiġu ndirizzati. Minħabba il-ħtieġa urġenti li jintlaħaq ftehim ma’ l-ewwel qari il-Kunsill, kif ukoll il-Parlament Ewropew ser ikollhom jagħmlu konċessjonijiet sinifikanti. Waqt il-Kunsill tal-Kompetittivita’ (Riċerka u Spazju) li sar fl-aħħar ta’ Mejju 2013, il-Ministri esprimew l-impenn tagħhom sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-Pakkett Legiżlattiv tal- Orizzont 2020 qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li jmiss li ser issir fl-aħħar ta’ Ġunju 2013.
F’dan ir-rigward, il-Presidenza pproduċiet test ta’ kompromess fuq il-bażi ta' liem COREPER I tat-12 ta’ Ġunju 2013, taha mandat biex tidħol f’negozjati mal-Parlament Ewropew waqt it-tmien trilogu li qed isir illum 17 ta’ Ġunju 2013. Il-Presidenza qed tittama li jintlaħaq ftehim finali mal-Parlament Ewropew waqt din il-laqgħa.
Malta hija favur li jintlaħaq ftehim fuq il-Pakkett Legiżlattiv Orizzont 2020 mal-ewwel qari u għalhekk qed tadotta approċċ flessibbli u qed turi appoġġ lejn id-deċiżjonijiet tal-Presidenza.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x`inhi s-sitwazzjoni fuq il-każ tal-bini tal-każin tat-tim tal-futbol li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultax lid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għandu xi każ pendenti dwar il-każin tal-futbol li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament. Jekk l-Onorevoli Membru għandu xi dettalji oħra dwar dan il-każ nitolbu li jagħti aktar informazzjoni.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fuq il-bord ta’ monitoraġġ responsabbli mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-għotja tal-vot lil żgħażagħ ta’ 16-il sena li twaqqaf dan l-aħħar hux se tiġi mistiedna l-Oppożizzjoni sabiex tifforma parti minn dan l-istess bord u dan wara li l-Onor. Segretarju Parlamentari, li d-dettalji dwar qed jintbagħtu separatament, kien indika pubblikament li kien żball min-naħa tal-Gvern li ma inkludiex lill-Oppożizzjoni fuq dan il-bord konsultattiv?
Response (VELLA, KARMENU)
Il-proposta tas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali sabiex l-oppożizzjoni tkun rappreżentata fil-Kumitat tal-Monitoraġġ se titressaq waqt il-laqgħa tal-Kumitat li se tinżamm nhar it-Tnejn 17 ta’ Ġunju 2013.
Kunsill Malti għall-Isport – membri tal-bord tad-diretturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tad-diretturi fuq il-Kunsill Malti għall-Isport, x`inhu rwol ta’ kull membru u x’inhu l-ħlas li qed jirċievi kull membru fuq dan il-bord?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2653 u jgħid jekk kienx hemm Ministri fil-Gvern tiegħu li mill-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet sal-lum li m’attendewx għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea u jekk ir-risposta hi fl-affermattiv jista' jgħid għaliex m'attendewx?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern Malti kien irrappreżentat f’sittax–il laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri minn meta tħabbar il-Kabinett sa meta saret il-mistoqsija parlamentari. Kien hemm biss laqgħa waħda li għaliha l-Ministru kkonċernat ma setax jattendi għal raġunijiet loġistici li żviluppaw fl-aħħar ħinijiet. Ma dan kollu l-Gvern Malti xorta kien irrappreżentat għal din il-laqgħa.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 2608 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li issa għaddew diversi snin minn meta għaddiet il-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika, u peress li huwa iktar minn opportun li din il-liġi tiġi mtejba anke abbażi tal-esperjenza li akkwistajna matul dawn is-snin partikolarment il-ħtieġa ta' interim eviction order, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-liġi hix se tiġi riveduta?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant fir-rigward tar-reviżjoni tal-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika, s-sena l-oħra, Malta iffirmat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u Ġlieda kontra l-Vjolenza kontra n-Nisa u l-Vjolenza Domestika (CAHVIO) li tinkludi mizuri ta’ protezzjoni b’effett immedjat. Qed isir studju sabiex l-ligi tirrifletti din il-Konvenzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) għandhiex xi linji gwida jew kodiċi li ma jħallux lill-entitajiet pubbliċi jemendaw il-kwalifiki u l-esperjenza mitluba f’sejħiet għall-applikazzjonijiet mingħajr ma tinġieb minn qabel approvazzjoni ġdida mill-PAHRO għal dawn l-emendi? Jekk iva x’inhuma dawn il-linji gwida jew kodiċi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ timxi fuq linja gwida ċara - jiġifieri li entita' pubblika trid tuża dawk il-kwalifiki u/jew esperjenza li jkunu approvati mill-PAHRO fis-sejħiet għall-applikazzjonijiet li tagħmel. Kull entita' pubblika taf li jekk ser tagħmel tibdiliet fil-kwalifiki u/jew esperjenza għal xi vakanza partikolari wara li hija tkun ġabet l-approvazzjoni tal-PAHRO, allura jekk ser tibdel il-kwalifiki u/jew l-esperjenza approvati, l-entita' trid terġa' titlob lill-PAHRO biex japprovalha l-kriterji kif mibdula.
ETC – Sejħiet għall-applikazzjonijiet – kwalifiki u esperjenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’każ ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet li l-kwalifiki u l-esperjenza fl-istess sejħa jkunu emendati mingħajr ma qabel tinġieb approvazzjoni ġdida mill-PAHRO għal dawn l-emendi, impjieg li jkun ibbażat fuq dik is-sejħa jiġix dikjarat mill-Korporazzjoni għall-Impjieg u t-Taħriġ (ETC) bħala wieħed irregolari?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li f'każ fejn il-kwalifiki u/jew l-esperjenza meħtieġa mill-applikanti għal xi vakanza partikolari jkunu emendati mingħajr ma qabel tinġieb approvazzjoni ġdida mill-PAHRO, impjieg li jkun ibbażat fuq kriterji mhux approvati mill-PAHRO jiġi ddikjarat mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC) bħala wieħed irregolari u l-engagement form tal-persuna magħżula ma tkunx aċċettata.
F'dawn il-każijiet, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tibgħat ittra uffiċjali lill-entita' konċernata biex tinfurmaha dwar dan.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Procurements Committee fi ħdan il-Malta Enterprise mill-ewwel ta’ din is-sena s’issa? Jista’ jgħid ukoll x’kienu d-dati ta’ dawn il-laqgħat, il-ħinijiet ta’ meta saru u l-persuni li ffurmaw il-kumitat waqt il-laqgħat imsemmija?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninsab infurmat li fil-Malta Enterprise/Malta Industrial Parks Ltd hemm żewġ kumitati ta' Procurement:-
1) Il-Procurement Committee li jevalwa Quotations/Departmental Tenders li minn Jannar 2013 sal-lum iltaqa’ 6 darbiet.
2) L-Evaluation Committee li jevalwa Tenders tad-Dipartiment tal-Kuntratti u tenders li huma iffinanzjati mill-fondi tal-UE. Dan il-kumitat iltaqa’ 17-il darba minn Jannar 2013 sal-lum.
Iktar dettalji dwar id-dati u l-ħinijiet tal-laqgħat kif ukoll l-membri ta' dawn il-kumitati huma ndikati fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
PAHRO — sejħiet għall-applikazzjonijiet – kwalifiki u esperjenza
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk sejħa għall-applikazzjonijiet tibqax valida u legali jekk jirriżulta li entità pubblika temenda l-kwalifiki u l-esperjenza f’dik is-sejħa, hekk kif jiġu approvati mill-Public Administration and Human Resources Office (PAHRO) mingħajr ma qabel l-entità pubblika ġġib approvazzjoni ġdida mill-istess PAHRO biex tagħmel dawn l-emendi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li s-sejħiet ta’ applikazzjonijiet maħruġa mill-entitajiet pubbliċi jridu dejjem jirriflettu l-kriterji ta’ kwalifiki u esperjenzi hekk kif approvati mill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika (PAHRO).