Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pitkalija – użu ta’ kaxxi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ kaxxi li qed jintużaw bħalissa fil-pitkalija f’Ta’ Qali? Kemm minn dawn il-kaxxi huma mill-kbar u kemm miż-żgħar? Jista’ jagħti tagħrif dwar meta tpoġġew fis-suq l-aħħar kaxxi ġodda li jintużaw mill-bdiewa għall-prodotti tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-medja ta’ kaxxi li jidħlu f’ġimgħa il-pitkalija hi ta’ bejn 70,000 u 100,000 kaxxa. Minn dawn 70% huma kbar. Ninsab infurmat ukoll li l-aħħar darba li tpoġġew fis-suq kaxxi ġodda kien fl-2012.

Università — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ studenti, lokalità lokalità li qed jattendu xi kors fl-Università, għal kull waħda mil-lokalitjiet tas-7 u t-12 il-distrett elettorali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru n-numri ta' studenti, lokalità lokalità, li qed jattendu xi kors fl-Università għal kull waħda mil-lokalitajiet tas-7 u t-12 il-distrett elettorali. Peress li t-12-il distrett elettorali ma jinkludix il-lokalità tan-Naxxar kollu, wieħed irid jirrimarka li l-lista għall-istudenti minn dan id-distrett elettorali tinkludi studenti mil-lokalità tan-Naxxar kollu.

ITS — korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ studenti li jattendu korsijiet f’xi dixxiplina marbuta mat-turiżmu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS)? Liema korsijiet qed jattendu, u minn liema lokalitajiet ġejjin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat, il-Ministru għat-Turiżmu.

Ħal Luqa – Toroq – Tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq ġewwa l-lokalità ta’ Ħal Luqa qegħdin fil-programm tal-Gvern sabiex jingħataw it-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-toroq li qegħdin fil-programm eżistenti tal-Gvern ġewwa l-lokalita` ta’ Ħal Luqa li għad iridu jsiru huma dawn:: · Triq Wied il-Knejjes, Ħal Luqa Għax-xogħlijiet ta’ din it-triq, kienet ħarġet sejħa għall-offerti lejn l-aħħar tas-sena l-oħra, pero` ma setgħetx tiġi aġġudikata minħabba li l-offerta mitfugħa kienet għolja wisq. Għaldaqstant, bħalissa qed isir ix-xogħol preparatorju sabiex tinħareġ sejħa oħra għall-offerti, u qed ikun ippjanat li x-xogħlijiet ser ikunu jistgħu jinbdew lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Il-Ministeru tiegħi, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, qed jippjana il-programm tax-xogħlijiet li jmiss.

Ħal Qormi – Toroq – Tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq ġewwa l-lokalità ta’ Ħal Qormi qegħdin fil-programm tal-Gvern sabiex jingħataw it-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-toroq li qegħdin fil-programm eżistenti tal-Gvern ġewwa l-lokalita` ta’ Ħal Qormi li għad iridu jsiru huma dawn: · Triq Ġorġ Mifsud Chircop, Ħal Qormi Bħalissa qed isir ix-xogħol preparatorju sabiex tinħareġ sejħa għall-offerti, u qed ikun ippjanat li x-xogħlijiet ser ikunu jistgħu jinbdew lejn il-bidu tas-sena d-dieħla. Il-Ministeru tiegħi, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, qed jippjana il-programm tax-xogħlijiet li jmiss.

Is-Siġġiewi – Toroq – Tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq ġewwa l-lokalità tas-Siġġiewi qegħdin fil-programm tal-Gvern sabiex jingħataw it-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-toroq li qegħdin fil-programm eżistenti tal-Gvern ġewwa l-lokalita` tas-Siġġiewi li għad iridu jsiru huma dawn: · Triq NikolinaCaruana · Triq Patri Guże` Delia · L-inħawi Ta’ Fonzu F’dawn it-toroq, hemm problema sabiex jinbeda x-xogħol minħabba li t-toroq għadhom ma ġewx iffurmati minn min kellu l-obbligu legali li jiffurmhom. Il-Ministeru tiegħi, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, qed jippjana il-programm tax-xogħlijiet li jmiss.

Ħal Qormi – Bridge fl-inħawi tal-Imrieħel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni fuq il-proposta tal-bridge fl-inħawi tal-Imrieħel ġewwa Ħal Qormi u meta beħsiebu jinbeda x-xogħol? Jista’ l-Ministru jara li jiġu emendati l-pjanti skont il-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li hemm eżistenti sabiex dan il-bridge jkun jakkomoda lir-residenti ta' dik iż-żona peress li ħafna mir-residenti ta' dik iż-żona huma anzjani u żgur li ma jifilħux jitilgħu r-rampi kif proposti fil-permess eżistenti?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 1360 u 2440 ninfurmah ukoll li r-rampi kif approvati fil-permess tal-ippjanar PA 5852/06 huma ddisinjati bi slope gradient ta’ 1:20 sabiex ikunu konformi mal-linji gwida t’aċċessibilita` (Access for All Design Guidelines) ippublikati mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita` (KNPD). Sadanittant, diga’ qiegħed isir ħafna xogħol b’ ħafna possibilitajiet differenti ta’ disinn u pożizzjoni ta’ fejn jiġi l-bridge minħabba traffic safety kif ukoll peress li ħafna mir-residenti ta' dik iż-żona huma anzjani li ma jifilħux jitilgħu r-rampi hekk kif proposti fil-permess eżistenti.

Djar tal-Anzjani – lista ta’ stennija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li huma rikoverati fid-Djar Residenzjali kemm tal-Gvern, tal-privat u tal-privat f’partnership mal-Gvern? Kemm hemm anzjani li huma fil-waiting list biex jidħlu f’dawn id-djar?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Każijiet ta’ Vjolenza fuq l-Anzjani

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ każijiet ta’ vjolenza fuq l-anzjani li ġew irrapportati lill-Pulizija f’dawn l-aħħar ħames snin? F’liema lokalitajiet ġew irrapportati dwan il-każijiet?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-mistoqsija għandha tingħata lill-Ministru ikkonċernat.

Djar tal-Anzjani — Impjegati mħarrġa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ impjegati li jaħdmu fid-djar tal-anzjani liċenzjati? Kemm minnhom huma mħarrġa billi segwew xi kors dwar l-anzjani?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistqosija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #2678 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Saħħa

Mediċini – Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li dan kien intitolat għal pillolli iżda issa jidher li dan is-servizz mhux se jitkompla jingħata?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li dan il-każ ġie indirizzat u konkluż mill-Ministeru għas-Saħħa.
Leg 12 PQ #2679 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

Grant Scheme for Sustainable Tourism Projects — applikazzjonijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2015, jista’ l-Ministru jgħid min għamel il-briefing li semma l-Ministru li dam sejjer xahrejn? Lil min sar dan il-briefing? Min ħa d-deċiżjoni li tawwal din l-evalwazzjoni b'xahrejn u x'impatt se jkollu dan id-dewmien fuq id-disbursement tal-fondi? L-applikanti ġew infurmati b'dan id-dewmien? X'inhi r-raġuni li għaliha kellhom jiddaħħlu membri ġodda? Jista’ jagħti l-ismijiet tal-membri kollha tal-Bord tal-evalwazzjoni qabel u wara li saret din il-bidla?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul ix-xahar ta’ April 2013 saru għadd ta’ briefing sessions lill-Ministru u lis-Segretarju Permanenti dwar l-oqsma kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru, fosthom session dwar il-Grant Scheme min-nies li jaħdmu fuq l-istess skema. Fl-ebda stadju ma kien hemm xi intenzjoni li tittawwal l-evalwazzjoni u l-proċess imsemmi kien wieħed naturali fiċ-ċirkustanżi. Il-benefiċjarji iridu jimplimentaw il-proġetti approvati fiż-żmien stipulat fis-sejħa. Għaldaqstant l-ebda deadline m’għandha tinbidel hekk kif it-timeframes għad-disbursement ma jistgħux jinbidlu. Sadanittant kull applikant kellu u għadd għandu kull faċilita’ li jistaqsi fuq l-iskema u l-evalwazzjoni. Ngħarraf li filwaqt li l-bord preċedenti kien kompost minn żewġ diretturi u senior manager mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, illum il-bord u kompost minn direttur tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, direttur fil-Ministeru u manager mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Dan it-tibdil sar sabiex ikun hemm rappreżentanża mifruxha f’din l-iskema li hija mmexxija mill-Ministeru. L-ismijiet tal-bord qiegħdin jiġu miżmuma sabiex jiġi assigurat li dan il-proċess ma jkunx preġudikat.
Leg 12 PQ #2680 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – separazzjoni ta’ responsabbiltajiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2013, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk din is-separazzjoni bejn id-Direttorat tal-Ambjent u d-Direttorat tal-Ippjanar hix se jsir matul din is-sena, matul l-2014, matul l-2015 jew fl-aħħar sentejn ta' din il-leġiżlatura?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa ippjanat li s-separazzjoni issir sa l-aħħar tal-2014.

Ċaqliq ta’ Ħaddiema

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2012, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ħaddiema li ġew trasferiti u li l-Ministru qal li issa reġgħu lura f'posthom? Min huma dawn il-ħaddiema? X'kienet ir-raġuni li dawn il-ħaddiema iċċaqalqu oriġinarjament?

Response (BRINCAT, LEO)

L-ewwelnett nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kienet ittieħdet deċiżjoni li sakemm jintem l-istrategic review dwar l-operat tal-WasteServ m’għandhux issir ċaqliq intern ta’ nies. Sadanittant ninsab infurmat li kien hemm ħames ħaddiema li ġew trasferiti u reġgħu lura f’posthom. Dawn il-ħaddiema kienu kif jidher hawn taħt: · 2 Waste Sorters – trasferiti għar-raġunijiet ta’ mard fil-familja · CA Site Operator – talab li jiġi trasferit għal xogħol bil-ġurnata minflok bix-shift · Helper – kien talab li jiġi trasferit fuq shift, għalhekk ġie trasferit minflok is-CA Site Operator imsemmi hawn fuq · Sorter/Operative – trasferit għal sit ieħor għal perjodu ta’ xahrejn, għar-raġuni li kien hemm żieda temporanja fix-xogħol
Leg 12 PQ #2682 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – lista ta' bordijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista tal-bordijiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid min huma d-diretturi li jservu fuq kull bord? Jista’ jgħid ukoll min kienu l-membri fuq kull bord sad-9 ta' Marzu 2013?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — lista ta' bordijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jagħti lista tal-bordijiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid min huma d-diretturi li jservu fuq kull bord? Jista’ jgħid ukoll min kienu l-membri fuq kull bord sad-9 ta' Marzu 2013?

Response (GRECH, LOUIS)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li tikkonċerna l-Bordijiet li ġew kostitwiti sal-lum.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — lista ta' bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-bordijiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid min huma d-diretturi li jservu fuq kull bord? Jista’ jgħid ukoll min kienu l-membri fuq kull bord sad-9 ta' Marzu 2013?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin huma il-Kunsill tal-Maltin ta’ Barra u n-National Authority for the Implementation of Chemical Weapons Convention. Illum m’hemm l-ebda direttur li qed iservi fuq dawn il-bordijiet. B’direttur qed nifhem persuna maħtura b’din in-nomenklatura f’headship position fis-servizz pubbliku. Il-membri fuq kull bord sad-9 ta’ Marzu 2013 huma ndikati fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Illum il-Committee of Inquiry (Deprivation of Maltese Citizenship) m’għadux jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, waqt li l-Official Development Assistance Advisory Board, li huwa bord ‘ad hoc’, għadu mhux kostitwit. Il-bidliet li saru mid-9 ta’ Marzu 2013 kienu l-ħatra ta’ Dr Marie Bernardette Mallia bħala Inspector fuq in-National Authority for the Implementation of the Chemical Weapons Convention flok is-Sur John Sammut li ma setax ikompli jservi fuq l-Awtorita’ u l-ħatra ex-officio tiegħi flok il-Ministru ta’ qabli fuq il-Kunsill tal-Maltin ta’ Barra.

Slapped Cheek Syndrome — kumplikazzjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2025, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru ngħatax informazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa dwar ir-riskji li tista’ tikkawża l-iSlapped Cheek Syndrome fosthom korrimenti ta’ tqala u kumplikazzjonijiet fil-qalb tat-tarbija? F’dan ir-rigward xi prekawzjonijiet ittieħdu biex jipproteġu għalliema li jistgħu kienu jew qegħdin f’riskju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Ministeru fittex pariri mingħand il-Malta College of Obstetricians and Gynaecologists u anke mill-Awtorita' tas-Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol dwar l-effett tas-Slapped Cheek Syndrome fuq nisa tqal. Inħarġet ċirkulari bil-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Malti għall-Isport — impjegati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1864 u b’referenza għad-diskors tal-Prim Ministru rigward dan il-każ jista’ l-Ministru jgħid kemm mit-13-il impjegat li daħlu jaħdmu jew ġew ittrasferiti għall-Kunsill Malti għall-Isport ma kenux diġà f’impjieg mal-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mit-13-il persuna imsemmija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1864, persuna waħda ma kienitx f'impjieg mal-Gvern.

Tal-Qroqq — Kumpless Sportiv - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar fil-kumpless sportiv f’Tal-Qroqq fl-aħħar snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-iSport jinvesti spiża rikorrenti ta’ madwar €1.7 miljun fis-sena għall-operat tal-Kumpless Sportiv tal-Qroqq, liema spiża tinkludi t-tisħin taż-żewġ pixxini matul l-istaġun tax-xitwa. Fl-aħħar 5 snin sar titjib ġenerali ieħor fil-kumpless bi spiża ta’ nofs miljun ewro. Fost oħrajn fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq inbidlu s-sand filters tal-pixxina, saru xogħlijiet strutturali ġenerali li jinkludu xogħlijiet fuq showers u changing rooms, titjib fl-isquash courts u żieda ta’ squash courts addizzjonali, estensjoni tal-fitness centre, refurbishment tar-reception area tal-kumpless kif ukoll inħoloq fitness centre għat-tfal. Ma dawn hemm numru ta’ xogħlijiet oħra li saru bi sħab ma’ ghaqdiet sportivi fosthom mal-Aquatic Sports Association fejn sar immodernizzar ta’ numru ta’ kmamar li ngħataw bħala assistenza lill-għaqdiet sportivi, lanes ġodda fil-pixxina għat-taħriġ u kompetizzjonijiet fl-għawm, ingħata liquid membrane fuq l-istands u saret installazzjoni ta’ seats ġodda għall-pubbliku. Mal-Malta Billiards and Snooker Association inħolqot akkademja tal-isnooker.