Jista' l-Prim Ministru jwieġeb l-mistoqsija parlamentari 2034 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux ippjanajt li jiġu impjegati dawk kollha li jgħaddu mill-eżami li sar f’Jannar 2013 u r-resits tal-istess eżami li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-ingaġġ f’kull proċess ta’ għażla isir skont il-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku u l-prijoritajiet tal-Amministrazzjoni, kif iseħħu minn żmien għal żmien.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2033 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk għandux parir li r-resit li se jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku huwa legalment korrett minkejja li fis-sejħa oriġinali ma kienx hemm imħabbar il-possibbiltà ta’ resit? Min ta dan il-parir?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li, kif imħabbar permezz ta’ ċirkulari numru 9/2013 maħruġa fl-24 ta’ Mejju 2013 mill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika, ir-resits ser isiru għal dawk il-kandidati li qagħdu u weħlu mill-eżamijiet li saru f’Jannar ta’ din is-sena, taħt l-awspiċi tad-Dipartiment tal-Eżamijiet, għall-mili ta’ postijiet fis-Servizz Ġenerali; dan bil-kunsens tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2023 oriġinarjament imressqa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm tfal tal-iskejjel ġew irrappurtati bl-iSlapped Cheek Syndrome? F’liema perijodu ġara dan? F’liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex seħħ dan? Kemm hemm tfal li fil-preżent għadhom infettati?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lil Onorevoli Membru li n-numru tat-tfal irrappurtati bl-Islapped Cheek Sydrome fl-iskejjel minn April ta’din is-sena jammontaw għal 180każ.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid hemmx ħsieb li joħorġu liċenzji ġodda ma’ dawk li hemm biex jingħata servizz ta’ VRT?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li abbażi ta' deċizjoni li kienet ittieħdet mill-amministrazzjoni preċedenti, l-ammont ta' liċenzji għal stazzjonijiet ta' VRT huwa fiss, u li dan jammonta għal erbgħin permess.
Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi se jkun qiegħed jikkunsidra din is-sitwazzjoni b'konsultazzjonijiet mas-settur tal-VRT.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri maħtura fil-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport, x`inhu rwol ta’ kull membru fl-istess kummissjoni , x'inhuma l-kwalifiki jew esperjenzi fil-qasam sportiv u xi ħlas qed jingħata lill-membri li qed jiffurmaw din il-kummissjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport għandha il-membri li jidhru fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ir-rwol tal-membri huwa wieħed kollettiv ta’ tim u mhux individwali. Ir-rwol huwa li jissuġġerixxu x’riforma hemm bżonn fl-isport.
Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport – terms of reference
Question
Jista’ l-Ministru jelenka t-terms of reference mogħtija lill-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport u meta hu mistenni li din tlesti l-ħidma tagħha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissjoni Għar-Riforma fl-Isport għandha dawn it-terms of reference:
Il-Kummissjoni jkollha l-għan li tistħarreġ u tagħti pariri lill-Gvern dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-isport u mal-edukazzjoni fiżika tal-pubbliku fil-gżejjer Maltin. Il-Kummissjoni tkun twieġeb direttament lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport, li jiddeċiedi dwar kif jiġu implimentati l-pariri tagħha.
L-aġenda tal-Kummissjoni jiffissaha s-Segretarju Parlamentari u, kull tliet xhur, il-Kummissjoni tħejji u tippreżenta lis-Segretarju Parlamentari rapport dwar ħidmietha. Ir-rapporti bis-sejbiet jew proposti tal-Kummissjoni jingħaddew lis-Segretarju Parlamentari biex japprovahom.
Kwalunkwe komunikazzjoni lill-midja u lill-pubbliku inġenerali dwar studji jew ħidma mwettqin mill-Kummissjoni ssir permezz tal-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari jew inkella mill-Kummissjoni nnifisha wara approvazzjoni bil-miktub mis-Segretarju Parlamentari.
L-infiq kollu tal-Kummissjoni jiġi approvat minn qabel mis-Segretarju Parlamentari.
Il-Kummissjoni tkun magħmula minn president u minn sitt membri oħrajn, li jinħatru mis-Segretarju Parlamentari minn fost nies li jkun jidhirlu li jkollhom il-kompetenza meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet mitlubin minnhom.
Il-mandat tal-membri tal-Kummissjoni jkun ta’ tliet snin, u jkun jista’ jiġġedded.
Il-membri jirċievu rimunerazzjoni li tiġi stabbilita mis-Segretarju Parlamentari.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-leave ta’ kwartina mogħti f`każijiet fejn hemm inċidenza tal-iSlapped Cheek Syndrome fl-iskejjel japplikax biss għal għaliema, jew anke għal impjegati oħra li jkunu jaħdmu fl-istess skejjel li jkunu tqal? X'se jiġri f`każijiet ta’ mard ieħor infettiv, bħal chickenpox, li wkoll jista’ jikkawża komplikazzjonijiet fit-tqala? Se jingħata leave ta’ kwartina f`dawn il-każijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat illi l-ħaddiema kollha li jkunu tqal u li jaħdmu fl-iskejjel fejn hemm inċidenza ta' slapped cheek syndrome ingħataw estensjoni ta' leave ta' maternita' minħabba l-inċidenza li hawn bħalissa fl-iskejjel. Dan sar wara li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ikkonsulta mal-Malta College of Obstetricians and Gynaecologists u anke mal-Awtorita' tas-Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-Xogħol.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jieħu kull prekawzjoni u miżuri neċessarji f'każijiet simili biex titħares is-saħħa tal-ħaddiema tiegħu fuq il-postijiet tax-xogħol. F'każijiet fejn mard infettiv jista' ikollu inċidenza serja fuq it-tqala, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jieħu dawk il-miżuri kollha neċessarji kif stabbiliti mis-settur tas-saħħa speċjalizzata li jistgħu jinkludu
leave
ta' kwarantina.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2327, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-suġġerimenti/proposti li saru kemm mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kif ukoll minn dak ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jagħti tagħrif dwar meta saru s-suġġerimenti msemmija u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess suġġerimenti?
Response (MIZZI, JOE)
Il-laqgħat mal-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl-il Baħar saru fit-28 ta’ Marzu li għadda.
Dwar it-trasport pubbliku, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ressaq ilmenti, fost oħrajn, dwar l-użu ta’
bendy
buses
li qed jikkawżaw konġestjoni, dwar il-ħtieġa ta’ aktar traġitti, dwar l-inkonvenjenzi li qed ibatu minnhom ir-residenti li jgħixu qrib il-bus interchange u l-ħtieġa li jkun hemm servizz aħjar fil-qalba tal-Mellieħa.
Il-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar ressaq is-suġġeriment li jkun hemm riforma fir-rotot, li jkun hemm rotta diretta mill-Qawra għall-Belt, lejn Golden Bay, lejn ir-Rabat, lejn iċ-Ċirkewwa u lejn Tas-Sliema. Issuġerixxa wkoll li tinħoloq rotta ġdida li sservi lix-Xemxija, l-Imbordin, San Martin, il-Wardija, il-Bidnija, Burmarrad, Buġibba, Qawra u San Pawl.
Issuġerixxa wkoll rotot oħrajn li jibdew jgħaddu minn Triq il-Korp tal-Pijunieri
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-bini ta’ parking areas fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Meta saru dawn l-applikazzjonijiet u għal liema nħawi ta’ San Pawl il-Baħar huma dawn l-applikazzjonijiet? Kemm hu maħsub li jkun hemm spazji f’dawk il-parking areas? Hemm parking areas oħra li għalkemm għandhom il-permess ta’ bini għadhom ma sarux f’San Pawl il-Baħar, u meta ħarġu l-permessi neċessarji?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għalhekk it-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm każijiet fejn persuni nqabdu jistadu fil-portijiet tagħna fejn dan mhux permissibbli li jsir? Liema huma l-postijiet li fihom mhux permess li jsir is-sajd u f’liema xhur tas-sena dan is-sajd mhux permess? Jekk kien hemm każijiet f’Malta jew Għawdex li persuni nqabdu jistadu fejn ma kienx permissibbli, x’passi ttieħdu fil-konfront ta’ dawn il-persuni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li kif stipulat f’Artikoli 11, 12, 16, 17, 21, 23, 24, 25 u 36 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 425.01 “Regolamenti dwar is-Sajd”, is-sajd huwa projbit:
i. Fejn hemm żbokk tad-drenaġġ;
ii. Fid-daħliet tat-Tarzna jew wara l-Isla;
iii. Il-ġewwa mill-marki permezz ta’ plieri fil-bajjiet u daħliet, bl-użu tat-tartarun u/jew it-terrieħa, u/jew nasses;
iv. Kull fejn il-baħar ikun imqanqal u jsir sajd permezz ta’ l-użu tat-tartarun;
v. Bl-użu bit-terrieħa u n-nasses fil-bajjiet u portijiet, fejn il-malji jkunu anqas minn 25.5 millimetru kwadru;
vi. Minn sajd permezz ta’ l-użu ta’ pariti u/jew għeżula fil-Port il-Kbir u fil-Port ta’ Marsamxett;
vii. Fil-perjodu ta’ bejn il-15 ta’ Frar u l-15 ta’ Lulju ma jistax isir sajd permezz ta’ l-użu ta’ pariti u/jew għeżula fil-postijiet fejn l-użu tat-tartarun huwa projbit.
viii. Bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Jannar permezz tal-gangmu jew f’postijiet fejn it-tartarun huwa projbit.
Ninsab infurmat ukoll li kien hemm każijiet fejn ittieħdu passi kontra persuni li nqabdu jistadu fejn ma kienx permissibbli u skont il-gravita’ tal-każijiet partikolari ingħataw twissijiet u/jew penalitijiet amministrattivi u/jew passi bil-Qorti. Kien hemm każijiet fejn saret konfiska tal-irkapti.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-assistenta personali tad-direttriċi l-ġdida tal-infermiera fl-Isptar Mater Dei hija nursing aide (u mhux clerk kif normalment hija l-prassi) u taħdem bid-day/day/off u l-Ħdud fl-uffiċċju? X’inhi r-raġuni għal din il-bidla?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infumat li l-assistenta tad-Direttrici il-ġdida tal-infermiera hija nursing aide u taħdem bid-day/day/off. Dan peress illi ġaladarba l-infermiera jaħdmu 7 t’ijiem fil-ġimagħa, b’dan il-mod ikun hemm persuna li tista tilqa l-ilmenti u s-suġġerimenti tal-infermiera għad direttrici għanki fi tmiem il-ġimagħa.
Jista’ l-Ministru jgħid min huwa responsabbli għat-transfers li qed joħorġu bħalissa lil diversi impjegati fil-Ministeru tas-Saħħa, peress li kuntrarjament għar-risposti preċedenti mill-istess Ministru dwar dan is-suġġett, qed jirriżulta li l-management mhux qed ikun involut u qed jiġi effettivament infurmat b’email wara li t-transfer ikun diġà ħareġ? Huwa minnu li huwa ċ-chief of staff li qed jiffirma għal dawn it-transfers? Ma jaħsibx li tali aġir imur kontra kull prassi u regola taċ-Ċivil u qed iwassal biex isiru transfers politiċi u vendikattivi?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill- Onorevoli Membru li t-transfers qed isiru biex jippermettu lill Ministeru jirrispondi għal zviluppi li jseħħu, fosthom biex isir deployment ta' nies wara li jiġu fis-seħħ promozzjonijiet.
Id-deċiżżjonijiet jittieħdu mid-direttorat tal-
Human Resources
, sabiex jiffaċilitaw il-proċess mill-
punto di vista
tal-amministratur.
Dwar Transfers jinvolvu il-parteċipazzjoni tal-Ministeru tas-Saħħa,li allura jinkludi fiħ in-nies kollha involuti biex issir deċizjoni tajba.
Il-Ministeru jiċħad kategorikament li ċ-
chief of staff
qed jifferma t-
t
ransfers
.
Ministeru tas-Saħħa — impjegati - lectures waqt il-ħin tax-xogħol
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2305 jista’ l-Ministru jgħid min hi din il-persuna li hi indikata li ġieli tagħti lectures l-Università waqt il-ħin tax-xogħol?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li kif diġà aċċennajt fit-tweġibijet li tajt għal-mistoqsijiet 404 u 2305, dan il-Ministeru ma sabx strutturi li bihom tinġabar informazzjoni konsistenti fuq lecturing duties għalhekk qed naħdem biex din l-informazzjoni tkompli tinġabar b’mod aħjar. Għaldaqstant l-informazzjoni li għandna fil-Ministeru f’idejna hija parzjali.
B’riferenza għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija Parlamentari numru 2305,minħabba regolamenti tal-protezzjoni u l-privatezza tad-data ma’ nistgħax insemmi l-persuna b’isimha. Però ninforma lil-Onorevoli Membru li l-persuna li għaliha għamilt riferenza fit-tweġiba tiegħi, għandha l-grad ta’ Assistent Prinċipali għas-Saħħa Ambjentali.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2283 u jgħid x’inhi r-raġuni li d-direttur tan-nursing fl-Isptar Mater Dei ġiet trasferita għall-Isptar Karin Grech? Min ħa tali deċiżjoni u min awtorizza dan iċ-ċaqliq? Dan iċ-ċaqliq huwa skont il-provvedimenti tal-kuntratt abbinat ma’ din il-kariga? Ingħata handover, u jekk iva lil min?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2284 u jgħid min hi l-persuna l-ġdida li ħadet over it-tmexxija tad-Dipartiment tan-Nursing ġol-Isptar Mater Dei? X`kariga kellha qabel u x’inhu s-substantive grade tagħha? Kif intgħażlet din il-persuna ladarba ma jidhirx li ħarġet xi call for application, u b’liema mod ġiet assenjata? X’inhu s-salarju li din il-persuna se tkun qed tirċievi?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura — laqgħat ma’ ambaxxaturi
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra ma’ liema ambaxxaturi ltaqa’ tul ix-xhur ta’ Marzu, April, Mejju u sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jindika x’ġie diskuss u jekk kienx mistieden ma’ xi wieħed jew waħda minn dawn l-ambaxxaturi u jekk iva min akkumpanjah?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa issa saru laqgħat ta’ korteżija mill-Ambaxxaturi taċ-Ċina, Spanja, Kuwajt, Stati Uniti u tal-Italja.Fil-futur qrib hemm ipprogramati diversi laqgħat ma’ ambaxxaturi oħra.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — laqgħat ma’ ambaxxaturi
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra ma’ liema ambaxxaturi ltaqa’ tul ix-xhur ta’ Marzu, April, Mejju u sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jindika x’ġie diskuss u jekk kienx mistieden ma’ xi wieħed jew waħda minn dan l-ambaxxaturi u jekk iva min akkumpanjah?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellat li sa issa kelli tlett laqgħat m’ambaxxaturi. L-ewwel laqgħa li kelli saret mal-Ambaxxatriċi Amerikana, l-Eċċellenza tagħha Gina Abercrombie-Winstanley. Ltqajt wkoll mal-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit, l-Eċċellenza tiegħu Robert Luke u mal-Ambaxxatur Olandiż, l-Eċċellenza tiegħu Robbert J. Gabriëlse.
Fil-laqgħat kordjali li kelli ddiskutejt magħhom il-qasam soċjali kif jiġi ndirizzat f’pajjiżhom u l-viżjoni għal dan il-qasam minn dan il-Gvern. Flimkien rajna kif nistgħu nikkoperaw għall-isfidi li għandu dan il-pajjiż fl-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ ta’ dan il-Ministeru.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — laqgħat ma’ ambaxxaturi
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra ma’ liema ambaxxaturi ltaqa’ tul ix-xhur ta’ Marzu, April, Mejju u sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jindika x’ġie diskuss u jekk kienx mistieden ma’ xi wieħed jew waħda minn dan l-ambaxxaturi u jekk iva min akkumpanjah?
Response (MALLIA, EMANUEL)
B’referenza għall-mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-segwenti huma l-laqgħat li kellu ma’ l-Eċċellenzi tagħhom Ambaxxaturi sal-ġurnata tal-lum. Qed jiġi diskuss ukoll brevement x’ġie diskuss waqt dawn il-laqgħat:
1. Ma’ l-Eċċellenza tiegħu Ambaxxatur Ċiniż Cai Jinbiao liema laqgħa saret fl-Ambaxxata Ċiniża f’San Ġiljan. Il-Ministru kien waħdu fejn ġiet diskussa l-viżita Uffiċċjali li kellha ssir, u li effettivament saret dwar il-flotta ta’ l-Armata Ċiniża li kienet ġejja mis-Somalia li lqajna fil-Port il-Kbir; kif ukoll dwar ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.Il-Ministru kien akkompanjat miċ-
Chief of Staff
is-Sur Silvio Scerri.
2. Ma’ l-Eċċellenza tiegħu Ambaxxatur Franċiż Michel Vandepoorter fl-Ambaxxata Franċiża l-Belt Valletta. Il-Ministru kien waħdu. Ġew diskussi suġġetti bilaterali.
3. Ma’ l-Eċċellenza tagħha Ambaxxatriċi Torka Refika Nihal Ҫevik. Il-laqgħa saret fil-Ministeru tat- Turiżmu l-Belt Valletta. Il-Ministru kien akkompanjat miċ-Chief of Staff tiegħu. Ġew diskussi suġġetti bilaterali inkluż il-Konferenza li kellha ssir, u effettivament saret dwar ‘A Silk Routes Partnership for Migration’.
4. Mal-High Commissioner Ingliż Rob Luke. F’żewġ laqgħat, waħda fil-British High Commission T’Xbiex fejn il-Ministru kien akkompanjat mis-Sur Silvio Scerri fejn ġew diskussi suġġetti bilaterali u meeting waqt il-ħin ta’ l-ikel f’mawra l-Ministru kellu fuq il-Vapur Navali HMS Northumberland. Il-Ministru kien akkompanjat mill-Assistant Private Secretary Ryan Fiorentino.
5. Tlett laqgħat ma’ l-Eċċellenza tagħha Ambaxxatriċi ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika Ms Gina K.Abercrombie – Winstanley li kienu segwenti:
· Lunch meeting fejn l-imsemmija Ambaxxatriċi kienet il-mistiedna tal-Ministru liema ikla saret fl-AFM HQ Luqa. F’din il-laqgħa ġew diskussi suġġetti bilaterali. Il-Ministru kien akkompanjat miċ-Chief of Staff tiegħu s-Sur Silvio Scerri.
· Laqgħa ma’ l-imsemmija Ambaxxatriċi fl-Ambaxxata ta’ l-Istati Uniti ġewwa Ta’ Qali fejn ġew diskussi suġġetti ta’ difiża. Il-Ministru kien waħdu.
· Ikla fir-residenza ta’ l-Imsemmija Ambaxxatriċi fejn il-Ministru ġie mistieden flimkien m’Ambaxxaturi oħra. Il-Ministru kien akkompanjat mill-mara tiegħu.
6. Laqgħa informali ma’ l-Eċċellenza tiegħu l-Ambaxxatur Taljan Giovanni Umberto De Vito fejn il-Ministru kien mistieden f’avveniment soċjali fir-residenzsa ta’ l-imsemmi Ambaxxatur ġo T’Xbiex. Il-Ministru kien akkompanjat mal-mara tiegħu.
7. Laqgħa informali ma’ l-Eċċellenza tiegħu Ambaxxatur tar-Russja Boris Marchuk fir-residenza tiegħu ġo San Ġwann f’avveniment soċjali. Il-Ministru kien akkompanjat mal-mara tiegħu.
8. Il-Ministru ltaqa’ wkoll informalment ma’ diversi Ambaxxaturi ta’ pajjiżi oħra f’avvenimenti soċjali.
9. Il-Ministru għandu laqgħat formali oħrajn pjanati max-xahar li ġej mal-Eċċellenzi tagħhom l-Ambaxxaturi ta’ Spanja, Kuwait u l-Ollanda.