Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #3035 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għat-Turiżmu

Bajjiet — aċċessibilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-Gvern sabiex il-bajjiet tagħna jsiru iktar aċċessibbli?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-Awtorità tat-Turiżmu m’hiex l-aġenzija kompetenti biex tipprovdi dan it-tip ta’ aċċess fil-bajjiet kollha Maltin u Għawdxin, l-Awtorità kull sena tassigura li dawk il-bajjiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha (jiġifieri San Ġorġ, l-Għadira, Għajn Tuffieħa, Qawra Point, Fond Għadir u Buġibba Perched Beach) fejn hu possibbli jkunu aċċessibbli. L-Awtorità tat-Turiżmu ħadet passi biex tinstalla rampi tal-injam sabiex tiżdied l-aċċessibilita`. Inxtraw ukoll numru ta’ siġġijiet bir-roti (beach strollers) għal fuq ir-ramel biex ikunu jistgħu jintużaw minn persuni b’diżabilità. Fil-bajja tal-Għadira ġie mqiegħed portable toilet (għal persuni b’diżabilità), kif ukoll dawk it-toilets li jinstabu fl-istess bajja fin-naħa tat-telgħa tal-Armier żdiditilhom rampa biex dawn ukoll ikunu aċċessibbli.
Leg 12 PQ #3036 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għas-Saħħa

Postijiet tax-xogħol — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet f'din l-aħħar sena fuq postijiet tax-xogħol biex tiġi assigurata s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li tul l-aħħar sena saru 2352 spezzjoni fuq il-post tax-xogħol minn uffiċjali għas-saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol. Tul l-istess perjodu, l-OHSA evalwat 4977 ċertifikat ta’ krejnijiet, boilers u liftijiet użati f’postijiet tax-xogħol differenti.
Leg 12 PQ #3037 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għas-Saħħa

OHSA — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) f'Għawdex?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-Awtorita għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol topera minn sede waħda li għandha f’Tal Pieta, u m’għandiex uffiċċini fuq bażi reġjonali. Madanakollu, Uffiċċjali tal-Awtorita jitilgħu Għawdex skont il-ħtieġa. Ninsab infurmat li l-Awtorita tagħmel il-meżżi tagħha kollha biex Għawdex ikun inkluż fil-kampanji proattivi ta’ spezzjoni li tkun qed torganiżża.
Leg 12 PQ #3043 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill tal-Ministri — attendenza

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2761, jista’ l-Prim Ministru jgħid liema kien il-Ministru li m’attendiex il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Dr Manwel Mallia.

Awtorità tad-Djar — promozzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'kien l-eżitu ta' sejħa għal promozzjonijiet fl-Awtorità tad-Djar li kienet pubblikata lejn l-aħħar tas-sena oħra? Ladarba l-interviews saru f’Jannar li għadda u r-riżultati li kellhom l-approvazzjoni tal-bord kellhom jitħabbru lejn nofs ix-xahar ta’ Marzu, u peress li qegħdin lejn l-aħħar ta’ Ġunju, tista’ l-Ministru tgħid x’qed jikkawża dan id-dewmien?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Is-Swieqi — ftuħ ta' għassa tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet għall-ftuħ ta’ għassa tal-pulizija ġewwa s-Swieqi?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pulizija qiegħdha f’kuntatt mal-Kunsill Lokali tas-Swieqi u huwa maħsub illi mhux fil-bogħod ħafna, ikun hemm Għassa tal-Pulizija f’din il-lokalità.
Leg 12 PQ #3051 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għall-Finanzi

Kontijiet ta’ tfaddil bankarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm infetħu kontijiet ta’ tfaddil bankarji, savings accounts u fixed term accounts b’mod separat, matul l-2011 fil-banek li huma liċenzjati li joperaw bħala tali hawn f’Malta?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellan li n-numru ta’ kontijiet savings accounts ma’ banek liċenzjati f’Malta żdied bi 30,443 matul is-sena 2011, filwaqt li n-numru ta’ fixed term accounts żdied b’7,213 fl-istess perjodu.
Leg 12 PQ #3052 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għall-Finanzi

Kontijiet ta’ tfaddil bankarji – flus depożitati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew depożitati flus ġewwa l-kontijiet ta’ tfaddil bankarji (savings accounts + fixed term accounts), matul l-2012 fil-banek li huma licenzjati li joperaw bħala tali hawn f’Malta?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żieda fl-aggregat ta’ savings accounts u fixed term accounts miżmuma ma’ banek liċenzjati f’Malta matul l-2012 kienet ta’ €2,308.6 miljun. Din il-figura tinkludi depożiti interbankarji.

Marsa Ship Building – proċedura ta' appell għall-Expression of Interest

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Expression of Interest fir-rigward tal-proġett tax-Ship Building tal-Marsa hemmx stipulat l-proċedura ta' appell li għandha ssegwi kumpanija li tħossha aggravata mill-evalwazzjoni li tasal għaliha l-bord tal-għażla?

Response (CARDONA, CHRIS)

L-Expression of Interest ma jkollhomx stipulat proċedura ta’ appell. Madankollu, m’hemm xejn li jżomm lill-kumpanija li tħossha aggravata mill-evalwazzjoni li jasal għaliha l-bord tal-għażla milli tieħu passi legali u tappella skont il-proċedura stipulata fil-ligi. Din kienet il-prassi li dejjem intużat mill-Privitisation Unit , u li intużat wkoll f’din l-espressjoni ta’ interess tal-Maritime Hub. (Ara dokuemtn Nru 741 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta Nru 35 nhar it-Tlieta 25 ta' Ġunju 2013)

Cloud Computing

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-Gvern dwar cloud computing?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-policy tal-Gvern dwar cloud computing tittratta numru ta’ aspetti fosthom: 1. B’mod aggressiv permezz tal-MITA għandhom jiġu sfruttati kunċetti ibbażati fuq cloud computing li jirriżultaw f’effiċjenza għall-Gvern billi jitnaqqas l-infiq globali ta’ l-ICT tal-Gvern filwaqt li jittieħdu l-benefiċċji massimi u l-effiċjenza operattiva mill-investimenti magħmula. Il-MITA diġà tipprovdi grad ta’ servizzi infrastrutturali li għandhom karatteristiċi ta’ cloud computing permezz ta’ sandboxed / segregated environments u virtualised hosting . Qegħdin jiġu wkoll esplorati b'mod attiv on-premise u private cloud based computing fejn hu possibli. Fil-fatt, mill-perspettiva tas-sistemi ta’ l-informatika, l-MITA qed tikkunsidra wkoll mudelli bbażati fuq Software as a Service(SaaS) għal sistemi fejn benefiċċji ċari huma viżibbli, bħal fil-kas tal-inizjattiva tal-eProcurement. 2. Il-Gvern Malti ser jaħdem biex jassigura li kemm mil-lat ta’ l-investimenti u inċentivi meħtieġa u b’mizuri oħrajn, bħal tnaqqis ta’ burokrazija u regolamenti ċari, jkun hemm kollox f’postu sabiex fuq livell nazzjonali Malta jkollha infrastruttura tal-ICT fost l-aqwa fid-dinja. Dan kollu għandu jirriżulta f’ambjent li jattira fornituri ta’ cloud based computing, kemm nazzjonali kif wkoll internazzjonali sabiex ikunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom minn Malta. B’dan se jibbenefikaw il-Maltin direttament permezz ta’ servizzi ġodda u aħjar, li indirettament jirriżultaw f’ħolqien ta' impjiegi speċjalizzati u b’investiment fil-pajjiż.

L-Imsida – tibdil fir-rotot tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jinbidlu xi rotot tal-Arriva li jgħaddu mill-Imsida? Jekk iva, liema huma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret l-analiżi tas-suġġerimenti li Transport Malta irċeviet waqt iż-żmien ta’ konsultazzjoni, kif ukoll mill-laqgħat li saru mal-Kunsilli Lokali. Bħalissa qed jiġu ifformolati it-tibdil fir-rotot u mil-lum bdew diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-ARRIVA. Fil-mument opportun, qabel ma jittiehdu deciżjonijiet finali, ser jerġa ikun hemm laqgħat mal-Kunsilli Lokali kkonċernati.

Presidenza Ewropea ta’ Malta 2017 — żjarat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm-il żjara għamel is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej barra minn Malta marbuta mal-preparamenti għall-Presidenza Ewropea ta’ Malta fl-2017? Jista’ jgħid ukoll ma’ min saru dawn il-laqgħat u min kien qed jakkumpanjah? Jista’ jipprovdi organigramma tad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej? Jista’ jagħti wkoll lista tal-ħaddiema kollha, bil-pożizzjonijiet tagħhom?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 għamel ¿jara waħda barra minn Malta marbuta mal-preparamenti għall-Presidenza Ewropea ta’ Malta fl-2017. Din kienet Dublin, l-Irlanda bejn il-11 u 13 ta’ Ġunju, 2013 fuq stedina tal-Presidenza Irlandiża. Is-Segretarju Parlamentari kellu laqgħat kemm ma’ uffiċjali Irlandiżi responsabbli mill-organizazzjoni tal-Presidenza kif ukoll ma’ rappreżentati tal-Olanda u s-Slovakkja, iż-zewg pajjiżi l-oħra li jiffurmaw it-trio tal-Presidenza flimkien ma’ Malta. Is-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat mis-Sur Jonathan Cardona, Chief of Staff fl-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru ghall-Affarijiet Ewropej, mis-Sur Neil Kerr, Kap tal-EU Secretariat, u mis-Sur Christopher Galea, Kap tal-Loġistika fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-functional organingrams tat-tliet entitajiet li jaqgħu taħt is-Segretarju Parlamentari. Dan huma l-Planning and Priorities Co-Ordination Division, il-Funds and Programmes Division w l-EU Funds and Programmes Unit. Minħabba raġunijiet ta’ data protection, l-Onorevoli Interpellant jifhem li ma jistgħux jingħataw id-dettalji individwali ta’ l-impjegati.
Leg 12 PQ #3087 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Postijiet għar-rehersals tal-bands lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il garaxx jew post ieħor instabu s’issa mill-konsultent li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex fihom ikunu jistgħu jsiru rehersals minn bands lokali? F’liema lokalitajiet huma dawn il-postijiet? Għal liema bands instabu? Kemm sewa kull post li nstab?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejja ħidma sabiex jinstab sit adegwat u mhux garaxxijiet. F’dan is-sit il-bands u l-artisti Maltin ser ikollhom iċ-ċans li jipprattikaw u jagħmlu rehearsals tagħhom. Dan il-post għandu jservi ukoll bħala vetrina kulturali fejn artisti lokali ikollhom spazzju għall-gigs u performances bil-għan li nappoġjaw kontinwament lill-mużiċisti Maltin fl-iżvillup tat-talenti tagħhom. Dan is-sit ser ikun miftugħ għall-partijiet kollha interessati fil-qasam. Sa issa ġew identifikati numru ta’ siti f’żoni ċentrali ta’ Malti. F’dan l-istadju għadu prematur sabiex wieħed jistabbilixxi estimi ta’ nfieq għal dan il-proġett.

Is-Siġġiewi – għassa tal-pulizija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2854, jista’ l-Ministru jgħid meta li l-għassa tas-Siġġiewi qed tkun miftuħa regolarment, jista' jagħti kemm-il siegħa kienet miftuħa kull jum ta' Mejju?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2854, matul Mejju ta’ din is-sena, l-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet miftuħa medja ta’ 21 siegħa u kwart kull ġurnata. Iżda, kif ġa għedt, jista' jkun hemm ħinijiet fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-membru tal-korp li jkun għassa, joħrog fuq xi doveri oħra barra mill-Għassa, bil-konsegwenza li din jkollha tingħalaq temporanjament matul dak il-ħin.

Djar tal-Anzjani — Applikazzjoni pendenti

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ tal-koppja li d-dettalji dwara qed jintbagħtu separatament peress li ilha li applikat biex tidħol fi dar tal-anzjani u s'issa għadha bla risposta?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ tal-koppja li qed jirreferri għalija l-Interpellant. Applikaw biex jidħlu f’dar għall-Anzjani tal-Mtarfa Fi 23-08-2012. Is-Social Report sar 15/11/2012 u ġew approvati mill-bord fis-06/12/2012. Is-Sinjuri ngħataw kopja tal-korrispondenza.

Awtorità tad-Djar — allokazzjoni tal-postijiet tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi kriterji u metodoloġiji se jiġu addottati mill-Awtorità tad-Djar biex jiġu allokati postijiet tal-gvern (jew mikrijin mill-privat taħt l-iSkema Kiri) lill-applikanti?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #823 Sitting 32 2013-06-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — karozzi uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hi l-karozza uffiċjali tal-Ministru? Jista' jgħid meta nxtrat u kemm qamet meta nxtrat?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1082
Leg 12 PQ #882 Sitting 32 2013-06-18 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

BOV — bidla taċ-chairman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex dak li spiċċa minn chairman tal-Bank of Valletta (BOV) kellux isir jaf b’dan mill-gazzetti?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat