Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Qawra – Uffiċċju Distrettwali – palm reader

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x`inhi r-raġuni li għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat (inkluż fis-17 ta’ Ġunju 2013) il-palm reader fl-Uffiċċju Distrettwali tal-Qawra li tintuża minn dawk li jirreġistraw għax-xogħol mhix qed tiffunzjona? Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-persuni li qed imorru jirreġistraw għax-xogħol ma humiex qed jitteħdilhom l-ebda dettalji peress li din il-magna mhix qed taħdem?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol fl-Uffiċju Distrettwali tal-Qawra qed jiġu eżentati milli jġeddu r-reġistrazzjoni tagħhom hekk kif il-makna tar-reġistrar ta' dan id-distrett żviluppat ħsara fil-mekkaniżmu tagħha. Din il-ħsara ġiet irrapurtata lill-kuntrattur li jipprovdi l-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ bis-servizz tal-makni tar-reġistrar biex tissewwa l-ħsara ħalli s-servizz jiġi għan-normal. Jekk il-ħsara tibqa' tippersisti, jintbgħatu ħaddiema biex ir-reġistrar isir manwali. Tajjeb wieħed isemmi li r-reġistranti bl-ebda mod ma huma qed jintlaqtu ħażin. Wieħed irid ukoll iżid illi dawn il-makni tar-reġistrar huma antiki ħafna u sikwit qed jiżviluppaw ħsarat tekniċi. F'dan ir-rigward, il-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ qed tagħmel arranġamenti biex tiġi ntrodotta sistema aktar moderna.

Mapep – policy dwar lingwi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2775, jista' l-Ministru jinforma dwar dik il-policy dwar il-lingwa Ingliża u Maltija fl-iStreet Naming Committee, u allura l-lingwi li jintużaw fl-stampar tal-mapep għat-turisti?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interperllant li L-iStreet Naming Committee ser jeżamina l-policy eżistenti fl-istess ħin li tkun qed issir konsultazzjoni mal-Malta Tourism Authority dwar il-lingwi li se jintużaw fl-stampar tal- mapep għat-turisti. Wara din il-verifika jkun jista’ jiġi deċiż jekk hemmx bżonn ta’ bidla jew le.

Post tal-Gvern – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlamentari 2601 u 2286 u tara li titranġa l-ħsara li hemm fil-fond tal-Gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament minħabba leakage ta’ ilma li qed jagħmel ħsara lill-ġebla?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-fond ġie spezzjonat fit-22 ta’ Marzu, 2012 minn uffiċjal tekniku tal-Awtorità tad-Djar iżda ma nstabietx ħsara fis-sistema tad-dranaġġ. Saret spezzjoni oħra fl-20 ta’ Ġunju, 2013 fejn reġa’ ma rriżultax l-ebda leakage. Minkejja dan, l-Awtorità tad-Djar ser tbiddel il-katusa minħabba illi din hija tal-asbestos. Ser issir ukoll spezzjoni oħra fuq il-fond minn Perit tal-Awtorità nhar it-Tnejn 24 ta’ Ġunju, 2013 rigward rapport ta’ ħsara f’gallarija li għamel l-istess inkwilin.

Ir-Rabat (Għawdex) — Triq in-Neolitiċi - asfalt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2855 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li r-residenti tat-Triq in-Neolitiċi fir-Rabat Għawdex ilhom snin jitolbu li t-triq tagħhom tiġi asfaltata, jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru għal Għawdex .

Awtorità tad-Djar — proprjetajiet mikrija bl-Iskema Kiri

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 2817 u tgħid liema huma l-proprjetajiet li nkrew mingħand il-privat mill-Awtorità tad-Djar skont l-Iskema Kiri, inkluż l-indirizz ta' kull proprjetà in-numru ta' visits f'kull proprjetà kif ukoll il-kera li se titħallas mill-Awtorità għal kull proprjetà? Kemm minn dawn il-propretajiet l-Awtorità tad-Djar diġà kriet lil terzi?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi nkrew 297 proprjetà kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għall-kull waħda mis-652 applikazzjoni saret spezzjoni minn membru tal-Bord tal-Għażla. Fuq kull proprjetà li nkriet saret ukoll spezzjoni minn uffiċjali tal-Awtorità sabiex jiġi mħejji l-inventarju flimkien mas-sid. Mis-297 proprjetà mikrija, sallum ġew allokati 248 minnhom.

Għalliema tat-Taljan — validità ta' interviews

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuni li għaddew mill-interview għal għalliema tat-Taljan is-sena li għaddiet u li minkejja li ġew minn tal-ewwel għadhom ma ġewx ingaġġati mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, ir-riżultat tal-istess interviews tagħhom hux se jibqa' jgħodd issa li reġgħet ħarġet sejħa għall-istess impjieg?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul is-sena skolastika 2012/2013 ma kienx hemm vakanzi għal għalliema tat-Taljan. Ir-riżultat kien ġie ppublikat fis-16 ta' Awwissu 2012 u jiskadi fil-15 ta' Awwissu 2013.

Għajnuna supplimentari — każ ta' individwu

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tikkwalifikax għall-għajnuna supplimentari?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ġiet nfurmata bl-ittra bil-miktub u ġiet mitluba tiġi sal-ufficcju biex tavviċina l-Uffiċċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.
Leg 12 PQ #3014 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Interim From: MICHAEL FALZON To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Manoel Island — kuntratt għal konċessjoni emfitewtika

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-konċessjoni emfitewtika li kienet saret bejn il-Gvern ta' Malta u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fir-rigward ta' Manoel Island, inkluż ukoll il-pjanti u d-dokumenti kollha annessi mal-istess kuntratt?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #3015 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru għas-Saħħa

Imwiet fuq il-Post tax-Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm kienu l-persuni li mietu matul is-sena 2013 bħala riżultat ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol? Kif kienu mqassma xahar b'xahar? Kemm minn dawn kienu nisa u kemm minn dawn kienu rġiel, xahar b'xahar?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2013 kien hemm 2 fatalitajiet. Fiż-żewġ każijiet, l-inċident kien jinvolvi impjegati rġiel, u l-inċidenti seħħew rispettivament f’April u f’Ġunju.

Imwiet f'inċidenti tat-Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm kienu l-persuni li mietu matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2013 bħala riżultat ta' inċidenti tat-traffiku? Kif kienu maqsuma xahar b'xahar? Kemm minn dawn kienu nisa u kemm kienu rġiel, xahar b'xahar?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li kien hemm total ta’ sitt fatalitajiet fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2013 bħala riżultat ta’ inċidenti tat-traffiku. Kien hemm tlett fatalitajiet f’Marzu, tlett fatalitajiet f’Mejju u l-ebda fatalità fix-xhur ta’ Jannar, Frar u April. Minn dawn is-sitt fatalitajiet, kollha kienu rġiel.
Leg 12 PQ #3020 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat (Għawdex) — Triq 31 ta' Marzu - asfalt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2856 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li r-residenti tat-Triq 31 ta' Marzu fir-Rabat Għawdex ilhom is-snin jistennew biex it-triq tiġi asfaltata, jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta' asfaltar fit-Triq 31 ta' Marzu ma jistgħux isiru qabel ma jkun hemm il-fondi allokati għalihom. Ninsab infurmat ukoll li biex isir ix-xogħol b' mod komplet trid issir esproprazzjonbi ta' żewġ plots li tiswa 254570 Euros.
Leg 12 PQ #3024 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

principal pharmacy technicians — appointments

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-appointments tal-principal pharmacy technicians li r-riżultati tal-interviews għalihom ħarġu fl-14 ta’ Frar 2013 u jekk dawn joħorġux backdated minn meta ħareġ ir-riżultat?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li r-rakkomandazzjonijiet għall-Principal Pharmacy Technicians intbagħtu lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Membru biex jiddirieġi l-mistoqsija tiegħu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 12 PQ #3025 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Ingaġġ ta’ radiographers

Question

Peress li jeżistu erba’ gradwati fil-B.Sc. Radiography li ggradwaw f’Jannar 2013 wara li kellhom resit u għaddew, qagħdu għall-eżami tal-post f’Ġunju 2012 u għaddew, u fi Frar 2013 ġabu l-permit biex jaħdmu bħala radiographers, jista’ l-Ministru jgħid meta dawn ser jiddaħħlu jaħdmu fl-isptarijiet?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li s-sejħa li applikaw għaliha dawn il-kandidati kienet tistipula li persuni li jgħaddu mill-intervista jkunu jistgħu jingħataw ħatra biss jekk ikollhom ir-reġistrazzjoni qabel il-31 ta’ Diċembru tal-2012, u għaldaqstant ladarba dawn ġew reġistrati f’Jannar tal-2013, ma setgħux jingħataw ħatra abbażi ta’ din is-sejħa. Ninforma ukoll lill-Onorevoli Membru illi, ladarba terġa’ toħroġ is-sejħa għal Radiographers, il-kandidati inkwistjoni jkunu jistgħu japplikaw biex b’hekk ikunu kkunsidrati. Jien għamilt ħilti kollha biex nipprova ndaħhalhom, imma kelli noqgħod għar-regoli mposti mill-gvern prċedenti.
Leg 12 PQ #3026 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Laqgħat ta’ konsultazzjoni — reklami

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm swew ir-reklami marbuta mal-laqgħat ta' konsultazzjoni mad-diversi Ministri u Segretarjati Parlamentari? Liema kumpanija ngħatat l-inkarigu biex tieħu ħsieb l-iffilmjar u l-post-produzzjoni tar-reklami mxandra? Liema kumpanija ħadet ħsieb il-produzzjoni tar-reklami ppubblikati fil-media stampata? Kemm swiet b'kollox il-kampanja inkluż ir-reklami mxandra u stampati fil-media kollha?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #3027 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Messaġġ lin-nazzjon — iffilmjar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk tqabbditx xi kumpanija privata biex tiffilmja u tieħu ħsieb il-post-produzzjoni tal-messaġġ lin-nazzjon li għamel fis-17 ta' Ġunju f’għeluq il-100 jum tal-Gvern immexxi minnu? Jekk dan kien l-każ, jista' l-Prim Ministru jgħid liema hi din il-kumpanija, b’liema metodu ntgħażlet din il-kumpanija u kemm sewa biex inħadem?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

sejħa għall-espressjonijiet — iffilmjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa biex inħadem ir-reklam mxandar fuq l-istazzjonijiet televiżivi marbut mas-sejħa għall-espressjonijiet biex l-ex Malta Shipbuilding tinbidel f'hub marittimu? Liema kumpanija ħadet ħsieb l-iffilmjar u l-post-produzzjoni tiegħu? Kif intgħażlet? Kemm tħallset tax-xogħol li għamlet? Liema kumpanija ħadet ħsieb il-produzzjoni tar-reklami ppubblikati fil-media stampata? Kif intgħażlet? Kemm tħallset tax-xogħol li għamlet?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #3029 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Finanzi

Public Contracts Review Board

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta se jerġa’ jitwaqqaf il-Public Contracts Review Board u kemm fadal każijiet pendenti sal-aħħar ta’ Mejju 2013?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor.Interpellant illi l-Public Contracts Review Board reġa twaqqaf b'effett mill-1 ta' Ġunju 2013. Sad-data tal 31 ta Mejju 2013 kien hemm wieħed u tletin (31) każ li kienu għadom pendenti.
Leg 12 PQ #3030 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Kuntratti – rapport dwar l-operat

Question

Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ir-rapport li għamlu l-Management Efficiency Unit fil-bidu ta’ din is-sena dwar l-operat tad-Dipartiment tal-Kuntratti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ir-rapport qed jiġi studjat u f’dan l-istadju ma nħossx li d-dokument għandu jiġi ppubblikat qabel ma tkun konkluża l-evalwazzjoni tiegħu u wieħed jgħaddi għall-fażi tal-implementazzjoni.

Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport — membri

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2759, jista’ l-Ministru jispjega għaliex fil-lista tal-membri li poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra m’hemmx l-ismijiet kollha li kienu pubblikati fl-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni numri PR1016 li kienet pubblikata fit-18 ta’ Mejju 2013? Jista’ jirrispondi għall-mistoqsija kollha li saret u jgħid kemm hu l-ħlas li qed jirċievi kull membru tal-Kummissjoni? Fl-istess waqt jista’ jindika min hu s-segretarju tal-Kummissjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 2759, bi żvista, ma ġiex inkluż isem ta' membru tal-Kummissjoni. Qiegħed inpoġġi mill-ġdid fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista tal-membri li jiffurmaw il-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport, li tikkonferma l-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni numru PR1016 ippubblikata fit-18 ta' Mejju 2013. Is-Segretarju tal-Kummissjoni huwa is-Sur Gino Schiavone. Il-ħlas li se jingħataw il-membri tal-Kummissjoni għadu mhux stabbilit.
Leg 12 PQ #3034 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ġonna pubbliċi/playing fields – ilqugħ mix-xemx

Question

Peress li f'diversi lokalitajiet f’Għawdex u f’Malta hemm ġonna pubbliċi u playing fields li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kunsilli lokali u peress li ħafna minnhom ma għandhomx ilqugħ mix-xemx u allura mhux addattati biex jintużaw mit-tfal matul il-ġranet tas-sajf, jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern f'dan ir-rigward?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu kemm twaqqaf Local Government Working Committee b’membri mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Dan il-kumitat beda jiddiskuti materji li ilhom pendenti u jeħtieġu attenzjoni immedjata. Fost dawn hemm ir-rapporti li qed isiru mill-Malta Competition and Consumer Affairs Authority dwar l-istat tal-playing fields. Għalkemm ma hemmx pjan konkret dwar l-ilqugħ mix-xemx, nemmen li din hija priorità u għalhekk se nagħti direzzjoni sabiex din tkun fuq l-aġenda meta jkunu diskussi r-rapporti li semmejt.