Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kappara junction — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xoghol fuq il-junction tal-Kappara? It-tenders relatati ma’ dan ix-xogħol meta se joħorġu? Meta hu ipprogrammat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern preċedenti fis-sena 2010 kien qal li għandu pjan li titneħħa r-roundabout u minflokha jinbnew toroq f’livelli differenti biex il-volum tat-traffiku jiġi mmaniġjat aħjar.Fl-istess sena ntqal ukoll li Transport Malta kienet qegħda tipprepara l-Project Description Statement tal-over-pass li se tinbena fuq ir-roundabout tal-Kappara. Il-Gvern preżenti mill-ewwel jiem tiegħu beda jaħdem fuq it-twettieq ta’ dan il-proġett, tant li diġa’ iddaħħlu pjanti ġodda l-MEPA li jnaqqsu l-inkonvenjent . Fil-preżent qed ikun ippjanat li x-xogħol fuq il-junction tal-Kappara jinbeda għall-ħabta ta' nofs is-sena d-dieħla iżda dan jiddependi wkoll fuq l-andament tal-aġġudikazzjoni tat-tender tax-xogħlijiet. L-istess tender huwa ppjanat li joħroġ fl-aħħar kwart ta’ din is-sena. Ix-xogħol tal-kostruzzjoni mistenni jispiċċa għall-ħabta tal-aħħar tas-sena 2015.

Kappara junction — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se jiġi ffinanzjat ix-xogħol tal-junction tal-Kappara, jekk hux b' fondi pubbliċi jew b' fondi mill-Unjoni Ewropea? Jekk b' fondi mill-Unjoni Ewropea, meta saret l-applikazjoni għal dawn il-fondi u meta din l-applikazjoni ġiet approvata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hu ippjanat li l-proġett tal Kappara Junction għandu jiġi ko-finanzjat mill-UE sa 85% tal-ispiża eliġibli u l-bqija tal-ispiża tiġi minn fondi tal-Gvern Malti. Bħalissa d-dettalji qegħdin jiġu finalizzati. L-applikazzjoni tiġi konkluża u sottomessa għall-approvazzjoni għal fondi meta l-istudji neċessarji jitlestew.

TVM — ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm irċieva lmenti TVM minn Marzu ̕ l hawn, dwar xiex kienu dawn l-ilmenti, min għamilhom, u jekk ingħatatx xi forma ta’ rimedju?

Response (MALLIA, EMANUEL)

B’referenza għall-mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Marzu sat-8 ta’ Mejju ma nġabret l-ebda informazzjoni. Mit-8 ta’ Mejju l’hawn kien hemm għaxar ilmenti li minnhom id-direzzjoni tal-istazzjon aċċettat li tagħti dritt ta’ risposta f’TVPM u dritt ta’ rimedju fl-aħbarijiet tal-11pm. L-ilmenti kienu dawn: 1. Talba għar-rimedju minn Dr Natalino Fenech għall-kummenti li għamel is-Sur Saviour Balzan fil-programm ta’ TVAM. Id-dritt tar-risposta ngħata skond il-liġi. 2. Talba għar-rimedju mill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista s-Sur Gino Cauchi li ried jidħol bit-telefon biex iwieġeb kliem li intqal fil-konfront tiegħu mis-Segretarju Ġenererali tal-PN. It-talba ma intlaqgħetx bis-Sur Cauchi jintalab jagħmel talba formali skont il-liġi biex tkun kunsidrata. 3. Talba tal-PN għar-rimedju fl-aħbarijiet tal-11pm dwar rappurtaġġ f’kawża ta’ libell tal-Onor Tonio Fenech li intlaqgħet. 4. Ilment mill-Assoċjazzjoni tad-Dentisti dwar intervent fil-programm TVPM tal-20 ta’ Mejju dwar informazzjoni li ngħatat dwar proċedura ta’ dental amalgam restorations . Il-PBS laqat it-talba għad-dritt ta’ risposta. 5. Ilment tal-PN fit-28 ta’ Mejju b’allegazzjoni ta’ rappurtaġġ selettiv mill-parlament. L-alleggazzjoni ġiet mċaħħda u mwieġba mill-PBS mingħajr ħtieġa ta’ rimedju. 6. Ilment u talba għar-rimedju mill-PN fl-4 ta’ Ġunju għall-intervista mal-kap tal-komunikazzjoni tal-gvern għall-intervista f’TVAM. Il-PBS spjega fit-tweġiba għaliex ma kienx hemm lok ghar-rimedju. 7. Ilment tal-PN dwar diversi punti fl-aħbarijiet li sar mill-PN fl-4 ta’ Ġunju li wkoll ma kienx hemm bażi biex jintlaqa kif ġie spjegat fit-tweġiba tal-PBS lil PN. 8. Ilment tal-PN fit-12 ta’ Ġunju dwar l-aħbarijiet dwar kolleggamenti diretti fl-aħbarijiet li ma intlaqax bir-raġunijiet spjegati bl-ittra tat-tweġiba mill-PBS lil PN. 9. Ilment tal-PN dwar l-aħbarijiet tas-17 ta’ Ġunju dwar il-Kumpanija China Communications Construction Company . Il-PBS wieġbet li mxiet b’konsistenza mal-proċeduri stabbiliti. 10. Ilment tal-PN rigward il-messaġġ tal-Prim Ministru fis-17 ta’ Gunju 2013. Il-PBS wiegbet li ma tarax li fl-intier tiegħu l-messaġġ tal-Prim Ministru lin-Nazzjon jimmerita dritt ta’ risposta kif titlob il-liġi.
Leg 12 PQ #2978 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għall-Finanzi

Każini Filarmoniċi – persentaġġ minn bejgħ mill-booths tal-lottu

Question

B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1775, jista’ l-Ministru jippronunzja ruħu rigward meta l-każini filarmoniċi se jirċievu l-persentaġġ dovut lilhom minn bejgħ mill-booths tal-lottu fil-każini rispettivi tagħhom?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħaraf lill-Onor Nterpellant illi l -pagament li qed jirreferi għalihom ħarġu u ċ -ċekkijiet inbagħtu bil-posta

Riżenja taċ-Chairman u tal-Assistenta personali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk fil-ġimgħat li għaddew kellu mhux biss ir-riżenja taċ-chairman tal-Privatisation Unit imma wkoll tal-assistenta personali tal-istess chairman? Jista’ jinforma lill-Kamra dwar ir-raġunijiet wara ż-żewġ riżenji?

Response (CARDONA, CHRIS)

Huwa minnu li ċ-Chairman tal-Privatisation Unit u l-assistenta personali tiegħu irriżenjaw. Ir-raġuni għala ċ-Chairman irriżenja hija waħda personali . L-assistenta tiegħu ma tat l-ebda raġuni għar-riżenja tagħha.

Privatisation Unit – ingaġġ ta’ avukati/ditti ta’ avukati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Ministru indaħalx direttament biex jinbidel ir-riżultat li kien ippreżentat lill-Ministeru tiegħu għar-rigward tas-sejħa li saret mill-Privatisation Unit fuq ingaġġ ta’ avukati/ditti ta’ avukati fuq il-ħruġ ta’ liċenzji għal casino ġdid/casinos ġodda? Jista’ jinforma lill-Kamra dwar x’raġunijiet ta għal dan l-indħil? Jista’ jinforma lill-Kamra x’kien ir-rwol tas-Segretarju Permanenti fuq dan l-istess eżerċizzju? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull korrispondenza u dokumenti oħra relatati mal-istess suġġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Assolutament mhux minnu li jien indħalt direttament sabiex jinbidel xi riżultat tas-sejħa li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Madankollu irrid infakkar li huwa d-dmir kemm tas-Segretarju Permanenti tiegħi kif ukoll tiegħi li nsegwu t-tmexxija tad-dipartimenti u entitjaiet li jaqgħu taħt il-Ministeru. Ta’ min wieħed jgħid li fil-każ tal-Privatisation Unit, taħt l-amministrazzjoni preċedenti, l-proċedura li kient tintuża għall-ingaġġ ta’ konsulenti legali kienet ibbażata fuq “quotations” minn numru ristrett ta’ ditti legali li kienu jkunu identifikati minn qabel u għalhekk ma kinitx qed tingħata l-opportunita’ lill-kulħadd biex jipparteċipa. Dan kien innutat mis-Segretarju Permanenti illi, sabiex tassigura iżjed trasparenza, tat il-parir li tinħareg sejħa pubblika miftuħa għall-avukati /ditti ta’ avukati kollha f’Malta biex kulħadd ikollu l-opportunita` li jieħu x-xogħol ta’ dan it-tip. B’dan il-mod jitneħħa kwalunwe dubju li seta’ jinħoloq li kieku is-sejħa baqgħet kif kien isir qabel, ristretta għal numru zgħir tal-istess ditti ta’ avukati. Barra li sistema bħal din hija ferm iżjed trasparenti, b’dan il-mod, kull avukat / ditta ta’ avukati jista’ jikkompetu għall-opportunita` biex jiksbu l-esperjenza fil-qasam tat-tip ta’ xogħol li tagħmel il-Privatisation Unit. Il-korrispondenza u dokumenti relatati mal-istess suġġett huma ta’ natura kummerċjali u, għaldaqstant, ma jistgħux jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #2985 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Estensjoni ta’ Permessi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif intgħażlu l-permessi li għalihom ingħata estensjoni ta' 10 xhur (jekk sa Marzu 2014), li għalihom tħabbret din l-estensjoni? Kif kien magħruf liema permessi li kienu skadew kien għadu ma sarx ix-xogħol li kien mogħti fil-permess oriġinali (jew diġà mġedded)? Jekk jirriżulta li hemm permessi oħra li qegħdin fl-istess ċirkostanzi, jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-permessi hux se jiġu estiżi wkoll?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda permess ma intgħażel. L-aħħar Pjanijiet Lokali ġew approvati fit-3 ta' Awwissu 2006 u din kient il-cut off date.
Leg 12 PQ #2986 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — estensjoni għall-permessi skaduti

Question

Huwa minnu li l-estensjoni għall-permessi skaduti qed tingħata biex dawk li sabu diffikultajiet ta' finanzjament ikunu jistgħu jkomplu x-xogħol tagħhom? Jekk iva, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se tingħata l-possibiltà li jsir il-ħlas li kien rikjest mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), iżda li ma tħallasx mill-applikanti, biex b'hekk l-applikazzjonijiet li ġew imwaqqfa għal din ir-raġuni (nuqqas ta' ħlas) ikunu jistgħu jitkomplew? Dan ifisser ukoll li anke min ħallas se jkollu flus mogħtija lura lilu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-Onorevoli Interpellant għandu ikun infurmat li iva l-estensjoni għall-permessi skaduti ngħata biex jingħata nifs lil dawk li għadhom ma lestewx, mingħajr spejje¿ ¿ejda. Għal din l-estensjoni ma hemmx ħlas għaliha u hija limitata sal-31 ta' Marzu 2014. Dawk li jridu jġeddu iktar, jigifieri jħallu ħames snin, iridu jkomplu bl-applikazzjoni li għandhom jew li jistgħu jissottomettu. Ir-rifuzzjoni tal-flus hija irregolata permezz ta' l-Avvi¿ Legali li jirigwardja l-fees ta' l-Awtorita' konċernata.

Ħsara fuq siġar tal-bajtar ta' San Ġwann, tin u farkizzan

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rapporti ta' ħsarat ġodda (u iżjed mis-soltu) lis-siġar tal-bajtar ta' San Ġwann, tin u farkizzan (u siġar oħra tal-istess familja) minħabba xi raġunijiet ġodda? Kemm kien hemm siġar li ġew rappurtati milquta minn dawn iċ-ċirkostanzi, f'liema lokalitajiet, u kemm f'kull każ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li din is-sena d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ma kellu l-ebda rapport ta’ każijiet kawża ta’ raġunijiet ġodda fuq siġar tal-bajtar ta' San Ġwann, tin u farkizzan u siġar oħra tal-istess familja. Ninsab infurmat ukoll li minn rapporti li kellna din is-sena, kien hemm ħames każijiet kollha relatati mas-susa tat-tin, b’total ta’ 33 siġra infettati, li sussegwentement id-Direttorat ta l-pariri meħtiega skont kull każ. Aktar dettalji jinsabu fit-Tabella mehmuża li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #2988 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS — korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2632 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ studenti li jattendu korsijiet f’xi dixxiplina marbuta mat-turiżmu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS)? Liema korsijiet qed jattendu, u minn liema lokalitajiet ġejjin?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #2989 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lukanda Selmun Palace

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2794, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema kumpanija tgħajjat il-Lukanda Selmun Palace?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija in kwistjoni li hija ċ-ċenswalista tal-Lukanda Selmun Palace hija s- Selmun Palace Hotel Company Limited – kumpanija sussidjarja tal-Air Malta.

Tibdil fir-rotot tal-Arriva

Question

Peress li fit-2 ta’ April il-Ministru kien ġie kkwotat mill-media li f’xahrejn minn dakinhar kellhom isiru sensiela ta’ bidliet fir-rotot tat-trasport pubbliku, jista’ l-Ministru jelenka l-lista ta’ rotot li tbiddlu, u jgħid x’kienu l-bidliet u meta saru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tibdil hekk kif kien ġie mħabbar sejjer jidħol fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2013 wara qbil bejn il-partijiet konċernati. It-tibdiliet li ser isiru huma hekk kif ġej: 1. Estensjoni tar-rotta bin-numru 13 ġewwa Pembroke fi Triq il-Professur Ganado; 2. Modifika fir-rotta 21 sabiex tibda tgħaddi minn Rue D’Argens minflok Triq Testaferrata f’triqitha lejn Tas-Sliema; 3. Estensjoni tar-rotta 82 biex tinkludi r-roundabout tal-Freeport; 4. Estensjoni tar-rotta 124 sabiex tinkludi l-lokalita’ tal-Isla. Infurmat ukoll illi r-rotta ġdida bin-numru 237 illi isservi lill-Paradise Bay, l-Għadira u Anchor Bay diġa ġiet introdotta u qiegħda topera. Dawn ma ġewx introdotti f’Mejju minħabba li kien hemm theddida industrijali min-naħa tax-xufiera kontra l-operatur fuq ir-rosters tax-shift biex jiġu introdotti dawn ir-rotot. Il-gvern intervjena u daħal bħala medjatur u ġiet estiża għal erba’ ġimgħat.
Leg 12 PQ #3017 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li qed jagħtu xi forma ta' servizz lil kull wieħed mill-kunsilli lokali tad-9 u t-12-il distrett elettorali, kemm fl-uffiċċju kif ukoll barra mill-uffiċċju?

Response (VELLA, KARMENU)

L-Onorevoli Interpellant jifhem u japprezza li l-Kunsilli Lokali huma fornuti b’varjetà sħiħa ta’ servizzi differenti minn bosta persuni. Għaldaqstant ikun aħjar jekk jispeċifika aħjar x’tip ta’ servizzi qiegħed jirreferi għalihom.
Leg 12 PQ #3038 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għas-Saħħa

saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol — korsijiet f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru korsijiet jew kampanji ta' informazzjoni f'Għawdex dwar l-obbligi ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-korsijiet ta’ taħriġ li torganiżża l-Awtorita għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol fl-uffiċini tagħha huma miftuħa għal kulħadd, u jinkludu parteċipanti kemm minn Malta kif ukoll minn Għawdex. L-istess jingħad għal kampanji ta’ nformazzjoni. Speċifikament l-OHSA organiżżat korsijiet f’Għawdex dwar il-provvediment tal-ewwel għajnuna fuq il-post tax-xogħol, is-settur tal-kostruzzjoni, u dwar obbligi ġenerali. Fil-preżent, l-Awtorita qed tipprepara biex tiġi organiżżata “ OHS Information Session ” f’Għawdex li probabbilment ser issir bejn Settembru u Ottubru, waqt li fi ftit ġranet oħra ser issir laqgħa mal- Gozo Business Chamber , biex ikunu spjegati l-iktar obbligi mportanti taħt il-liġijiet ta’ saħħa u sigurta. Fil-passat, l-Awtorita kienet ukoll qed tesplora l-possibilita ta’ korsijiet f’Għawdex, liema diskussjonijiet kienu qed isiru mall-Ministeru għal Għawdex, iżda dawn id-diskussjonijiet kienu inkonklussivi.

Studenti – eżamijiet tal-università f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-istudenti universitarji Għawdxin li għażlu li jagħmlu l-eżamijiet f’Għawdex skont kull kors rispettivament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-għadd ta' studenti universitarji Għawdxin li jattendu kors f'Malta u li għażlu li jagħmlu l-eżamijiet f'Għawdex skont kull kors rispettivament. L-Universita' offriet l-opportunita' lil 383 student Għawdxi biex jagħmlu l-eżamijiet Għawdex. Minn dawn 272 aċċettaw.

Studenti Għawdxin — eżamijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti Għawdxin li qagħdu għall-eżamijiet tal-livelli ordinarju, intermedju u avvanzat skont is-suġġett u kemm minnhom kienu bniet u kemm subien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel – manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan ta’ xogħlijiet ta’ upgrade u manutenzjoni għandu l-Gvern għall-iskejjel f’Għawdex u jagħti d-dettalji ta’ dawn ix-xogħlijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-pjan ta' xogħlijiet ta' upgrade u manutenzjoni li għandu l-Gvern għall-iskejjel f'Għawdex huwa kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan il-pjan ħareġ mill-evalwazzjoni li saret mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Dan mhuwiex pjan finali għax jista` jkun aġġornat skont il-ħtieġa.

Work and Training Exposure Gozo Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni applikaw għall-Work and Training Exposure Gozo Scheme, kemm ġew magħżula u x'kienu l-kriterji tal-għażla tal-impjegati? Għaliex fuq l-applikazzjoni hemm persuna waħda biss indikata li kienet qed tilqa’ l-applikazzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li kien hemm 737 applikazzjoni għall-Work and Training Exposure Gozo Scheme. Bħalissa għaddej eżerċizzju fejn kull applikazzjoni qed tiġi evalwata biex ikun stabbilit liema minn dawn l-applikazzjonijiet kienu konformi mal-kriterji tal-applikazzjoni. Fuq l-applikazzjoni kien hemm persuna waħda indikata bħala referenza għall-pubbliku iżda fil-fatt kien hemm tlett persuni oħra li kienu qed jassistu lil din il-persuna u jiltaqgħu u jitkellmu ma' kull applikant. It-tagħrif dwar il-kriterji qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

L-Imsida – rotot tal-Arriva li se jispiċċaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jispiċċaw xi rotot tal-Arriva li jgħaddu mill-Imsida? Jekk iva, liema huma?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3055.

L-Imsida – introduzzjoni ta’ rotot ġodda tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jiġu introdotti rotot ġodda tal-Arriva li jgħaddu mill-Imsida? Jekk iva, liema huma?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3055.