Residenza San Vinċenz de Paul – Servizz ta’ Day Care Centre
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk huwiex minnu li twaqqaf jew ingħalaq xi servizz ta’ day care centre fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Jekk dan huwa minnu x’inhi r-raġuni?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Day Centre fir-Residenza San Vincenz de Paule qed jopera b’mod normali.
Peress li l-Ministru tal-Finanzi żamm il-budget għall-2013 li kien propost mill-Gvern preċedenti, jista’ jgħid meta l-Gvern se jiftaħ l-iskema tal-iscrappage tal-karozzi?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iScrappage Scheme qiegħda fis-seħħ.
Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni dwar il-proċess li kien segwit biex ġiet imlaħħqa nursing director ġdida u x’deċiżjoni ttieħdet dwar il-persuna li kienet tokkupa din il-kariga qabel u li kien għad fadlilha kuntratt ta’ aktar minn sentejn, liema kuntratt speċifikament kien ikopriha għall-Isptar Mater Dei?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-impjieg tal-persuna avviċinata biex iservi bħala Director Nursing & Midwifery Services fl-isptar Mater Dei saret fuq il-bażi ta’ position of trust skond il-provedimenti kollha ta’ OPM Circular 21/2011 tal-14 ta’ Diċembru 2011, MPO/289/85II.
Tajjeb li ngħid li dan il-proċess intuża b’ mod regolari mill-Gvern preċedenti biex jiġu ngaġġati persuni f’certi pożizzjonijiet - fosthom persuna li sa llum għadha tokkupa kariga għolja fil-Ministru għas-Saħħa stess. Infurmat ukoll li għadu ma ġie ffirmat l-ebda Kuntratt mal-persuna li ġiet avviċinata.
Jidher li l-Onorevoli Membru jew għandha kopja tal-Kuntratt tal-persuna li kienet tokkupa din il-kariga; jew inkella rat dan il-Kuntratt jew xi partijiet minnu.
Deployment
ta’ nies jista’ jsir skond l-esiġenzi tas-servizz pubbliku; u skond l-esiġenzi tal-entita’ konċernata. Ma nbidlu xejn mill-kundizzjonijiet tal-Kuntratt definit tal-persuna; u wisq anqas ma nbidlet in-natura u l- materjalita’ tax-xogħol li hija ġiet mitluba tagħmel. Għall-kuntrarju, d-deċiżjoni ttieħdet sabiex is-servizz li qed jingħata fl-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech jissaħħaħ; u sabiex dan l-isptar ikun jista’ jgawdi wkoll minn
management experience
ta’ persuna li mexxiet is-servizzi tan-
nursing
fl-Isptar Mater Dei għal numru ta’ snin.
L-Onorevoli Membru naħseb li taqbel miegħi li
knowledge transfer
huwa ta’ importanza kbira f’settur bħal dak tas-saħħa u dan iċ-ċaqliq ser iservi wkoll ta’ xprun sabiex il
management
team
tal-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech ikompli jissaħħaħ.
Nerġa nserraħ ras l-Onorevoli Membru li dan iċ-ċaqliq sar b’mod meqjus ħafna fl-interess ta’ dik li hija mira ewlenija tas-servizz pubbliku jiġifieri li ntejbu s-servizzi li qed jingħataw lill-pazjenti tagħna.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 520 u jgħid jekk hux se tibda tingħata għajnuna lill-pazjenti li jridu jixtru l-injezzjoni tal-Aclasta minħabba l-bone density?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li skond il-protocol nru.229 tal-Formularju tal-Gvern, Aclasta® (zoledronic acid) tingħata b'xejn li dawk il-pazjenti li qed ibatu minn Osteoporosi bħalha kawża sekondarja ta' kundizzjoni li taqa’ taħt l-iSkeda V. Pazjenti oħra li jsofru minn osteoporosi primarja, mhumix intitolati għal din il-mediċina b'xejn.
Sptar MAter Dei — Dipartiment tal-Emerġenza - uffiċċju tal-Ministru
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 522, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-riżultati tal-ftuħ tal-uffiċċju tiegħu fid-dipartiment tal-emerġenza? Kien hemm effett fuq l-operat tal-istess dipartiment? Jekk iva, b’liema mod? Jekk le, il-Ministru qed jikkonsidra li jagħlaq dan l-uffiċċju sabiex l-ispazju jkun jista’ jerġa’ jintuża mill-istaff mediku tal-Isptar Mater Dei?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
L-oġġettiv tal-ftuħ tal-uffiċċju qrib id-Dipartiment tal-Emerġenza kien li jiena nkun aktar fil-qrib tal-pazjent u erqreb tal-ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei. Ma kien hemm l-ebda staff complement. Jien ippreferejt li ħidmieti f’dan l-isptar tkun iffukata f’post li huwa fil-hub tal-Isptar Mater Dei. Din il-kamra hija fil-fatt użata bi sħab mal-health professionals l-oħra li jużawha għal-laqgħat tagħhom, darba fil-ġimgħa, għalhekk ma kienx il-każ li dawn ma komplewx jużaw il-kamra meta kellhom il-ħtieġa. Jien f’din il-kamra niltaqgħa mal-management u mal-istakeholders kollha tal-isptar mingħajr ma’ noqgħod naqlagħhom lejn il-Ministeru fil-Belt Valletta biex b’hekk kulħadd jibqa’ fuq ħidmietu. L-uffiċċju li kienu wrewni fil-bidu biex nagħmel użu minnu, kien fir-raba’ sular li huwa maqtugħ mir-rejaltajiet ta’ dak li jiġri fl-Isptar Mater Dei.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 525 u jgħid liema xogħol jew proġetti għadda s-Segretarju Parlamentari Ewlieni f’idejn is-segretarji permanenti l-“qodma”? Jista' jagħti din l-informazzjoni skont il-ħidma li qed jagħmlu l-ex segretarji permanenti fuq livell individwali?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 1503.
Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva – staff complement
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 529, jista' l-Prim Ministru jgħid mil-lista tal-istaff complement tas-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva li ppreżentata lill-din il-Kamra, liema karigi huma okkupati u min jokkupahom, u liema huma vakanti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istaff complement tas-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva huwa mimli skont il-linji gwida uffiċjali għall-Ministeri u s-Segretarji Parlamentari, liema gwida diġà ġiet ippreżentata f’din il-kamra.
European Union Secretariat — ħaddiema fuq kuntratt definit
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 532, jista’ l-Ministru jgħid meta saret, jew se ssir, l-organizational review tal-European Union Secretariat? Jekk saret, x’kien ir-riżultat u kif ġew affettwati l-ħaddiema tal-European Union Secretariat? Jekk le, meta se ssir, u fil-frattemp x’qed isir mill-ħaddiema tal-istess Secretariat?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-organisational review tal-European Union Secretariat wasal biex jiġi konkluz. Jidher li mhux se ikun hemm bzonn xi tibdil kbir fl-istruttura sabiex wieħed ikun jista’ jaħdem aħjar għall-bzonnijiet tal-llum.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 537 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi ż-Żgħar u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern dwar il-living wage għas-settur privat u għas-self employed?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ż-żewġ entitajiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi li huma kkonċernati ma' impjiegi, jiġifieri il-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ, u l-Awtorità Nazzjonali tax-Xogħol, mhumiex involuti f'mekkaniżmi li jistabbilixxu s-salarju jew il-living wage.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — lista ta' bordijiet
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-bordijiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista’ tgħid min huma d-diretturi li jservu fuq kull bord? Tista’ tgħid ukoll min kienu l-membri fuq kull bord sad-9 ta' Marzu 2013?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Residenza San Vinċenz de Paul — Entertainment Section – sigħat ta’ overtime
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ħadem sigħat ta’ overtime kull membru tal-istaff li issa hu allokat fis-sezzjoni li qabel kienet l-Entertainment Section fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn mindu ġie trasferit f’din is-sezzjoni? Fejn ħadem overtime kull membru tal-istaff u meta?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika s-sahra li nħadmet mit-13-il impjegat li jaħmdu fl-Active Ageing Unit tal-Isptar San Vinċenz de Paul. Din is-sahra nħadmet f’San Vinċenz de Paul għall-okkażjoni tal-Festa tal-Qalb ta’ Ġesu’ li hija wkoll il-festa “titulari” tar-residenza għall-anzjani. Matul din il-ġimgħa madwar 914-il anzjan u anzjana tniżżlu mis-swali tagħhom biex setgħu jgawdu din il-festa. Din is-sahra kienet neċessarja wkoll biex il-post fejn isiru l-attivitajiet għall-anzjani jinġabar mit-telqa u t-traskuraġni li kien jinsab fiha.
Jista’ l-Ministru jagħti lista komprensiva tat-transfers (jew kif qed isejħilha hu deployment) kollha li saru fil-ministeru tiegħu, id-dipartimenti u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu, mill-11 ta’ Marzu sal-lum, u jagħti dettalji tal-ismijiet, il-gradi, il-postijiet minn u għal fejn iċċaqalqu, u jekk tali transfers sarux fuq talba bil-miktub tal-impjegati kkonċernati skont kif tistipula t-transfer policy tal-Ministeru tas-Saħħa?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li mill-11 ta’ Marzu 2013 saru sitta u sittin (66) transfer. Tletin (30) minnhom kienu interministerjali (jiġifieri minn Ministeru għal ieħor), u sitta u tletin (36) minnhom kienu intraministerjali (jiġifieri minn dipartiment għal ieħor fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa).
Id-differenza bejn transfer u deployment hija li transfer isir minn post għall-ieħor, filwaqt li deployment isir fl-istess post.
Mit-transfers imsemmija ħamsa u ħamsin (55) saru fuq talba personali filwaqt li ħdax (11) saru skont l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Breast Screening Programme se jkun miftuħ sabiex ikopri firxa aktar wiesgħa ta' etajiet?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li saret evalwazzjoni tal-programm eżistenti mill-IARC (International Agency for Research on Cancer).
Bħalissa qed nikkonċentraw fuq il-konsolidazzjoni tas-servizzi eżistenti. Hu maħsub li l'quddiem inkopru firxa aktar wiesgħa ta' etajiet fl-isfond tar-riżorsi li jistgħu ikunu disponnibli.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda l-iscreening għall-kanċer tal-għonq tal-utru?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li skont il-Pjan Nazzjonali dwar il-Cancer, kien maħsub li l-iscreening għall-cancer tal-għonq tal-utru jiġi mniedi fl-2014. Dan jiddependi fuq ir-riżorsi li ser ikunu disponibbli fil-baġit 2014 għall-pjani Nazzjonali tal-iscreening, u għalhekk s'issa ma tistax tiġi kkonfermata id-data ta' meta dan se jibda.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – ħatra ta’ kap eżekuttiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi proċess intuża sabiex jinħatar kap eżekuttiv għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u jgħid x’pakkett finanzjarju għandha l-persuna magħżula? X`inhuma t-termini tal-kuntratt?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-impjieg tal-persuna avviċinata biex iservi bħala Kap Eżekuttiv għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex saret fuq il-bażi ta’ position of trust skond il-provedimenti kollha ta’ OPM Circular 21/2011 tal-14 ta’ Diċembru 2011, MPO/289/85II.
Tajjeb li ngħid li dan il-proċess intuża b’ mod regolari mill Gvern preċedenti sabiex jiġu ngaġġati persuni f’ċerti pożizzjonijiet.
Infurmat ukoll li għadu ma’ġie ffirmat l-ebda Kuntratt mal-persuna li ġiet avviċinata għalhekk mhux prudenti li jingħataw dettalji dwar it-termini tal-Kuntratt f’dan l-istadju.
Apparti li se se sservi bħala Kap Eżekuttiv għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex, il-persuna konċernata baqgħet ukoll tieħu ħsieb il-programm tal-iscreening tal-cancer.
Ministeru għas-Saħħa — Abolizzjoni ta' direttorati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema direttorati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu huma maħsuba li jiġu aboliti? X`wassal għal tali deċiżjoni, u meta se jsir dan ir-ristrutturar?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Filwaqt li ninsab informat li s’issa ma ġie abolit xejn, nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 2312.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tiswa operazzjoni tal-kataretti, kemm dik mingħajr u kemm dik meta jintuża l-loppju, ġewwa l-Isptar Mater Dei, u jagħti d-dettalji dwar kemm jiswa l-materjal, kif ukoll l-ispejjeż relatati mal-pagi tal-ħaddiema, kull wieħed skont il-grad tiegħu?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għas-saħħa qatt ma’ kien għamel costings rejalistiċi tal-proċeduri kollha li jsiru fis-servizz tas-saħħa.
Dan l-eżerċizzju b’mod komplut se jibda għall-ewwel darba issa taħt gvern Laburista.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' direct orders li ngħataw minn kull wieħed mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali matul l-aħħar sitt xhur? Kemm kien il-valur ta' kull waħda minn dawn id-direct orders u lil min ngħataw? X'tip ta' xogħol kien involut f'dawn id-direct orders?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba, skont kif miġbura mingħand il-kunsilli lokali rispettivi, fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jassigura li matul ix-xhur tas-sajf (iktar milli fix-xhur tax-xitwa, għalkemm spiss jiġri li jkun hemm bżonn ukoll fix-xitwa), ikun hemm żieda fis-servizz ta' trasport pubbliku f'San Pawl il-Baħar? Jista' jiġi assigurat li tibda titlaq ukoll karozza tal-linja minn ħdejn il-knisja tax-Xemxija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għaż-żmien tas-sajf, il-frekwenza fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar ser tiżdied fin-numru ta’ karozzi tal-linja li jgħaddu kull siegħa.
Ir-rotot 37, 41, 42, 221 u 222 kollha jgħaddu minn quddiem il-knisja tax-Xemxija.
Infurmat ukoll li bħalissa għaddej proċess biex jitjiebu kemm ir-rotot eżistenti kif ukoll il-frekwenzi matul is-sena kollha. Meta dan l-eżerċizzju jitlesta, ir-riżultati ser jiġu diskussi kemm mal-operatur kif ukoll mal-Kunsilli Lokali rispettivi.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2799, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li ttieħdu passi fil-konfront tagħhom li jinqabdu jistadu fejn ma kienx permessibbli? Min liema lokalitajiet kienu dawk li inqabdu jistadu kif mhux permess? F'liema postijiet inqabdu jistadu dawk li ttieħdu passi kontrihom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar sal-15 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, ma’ kien hemm l-ebda każ irrapurtat.