Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #29258 Sitting 469 2017-01-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Barts Medical School – ftehim iffirmat

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28898, jista’ l-Ministru jgħid hux se jżomm mal-wegħda tiegħu li kien għamel fil-pubbliku li sal-aħħar tas-sena 2016 jippubblika l-kuntratti kollha, inkluż il-kuntratt ma’ Barts Medical School? Jekk le għaliex il-Ministru jħoss il-bżonn li jaħbi dan il-kuntratt meta skont il-Gvern huwa tant ta' benefiċċju għall-poplu Malti u Għawdxi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt msemmi minnu hu governat bir-regoli tal-Business Promotion Act, liema liġi kienet daħlet fis-seħħ fil-1988 taħt Gvern Nazzjonalista.
Leg 12 PQ #29344 Sitting 469 2017-01-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Palazz tal-President – xogħlijiet relatati mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm intefqu flus u lil min għax-xogħol kollu li twettaq fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza minħabba dak kollu relatat mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew li se tibda f'Jannar li ġej? Kemm minn dawn l-ispejjeż kienu direct orders u lil min?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 29342.
Leg 12 PQ #29349 Sitting 469 2017-01-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — persuni f'position of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni fuq position of trust minn Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Minn dawn, kemm saru tal-post għax ġew assorbiti fis-Servizz Pubbliku u b'hekk ma baqgħux fuq position of trust?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 ġew maħtura 5 persuni f’position of trust mal-Ministeru għall-Finanzi. Bħalissa fil-Ministeru fadal 2 persuni f’position of trust. Ħadd min dawn ma kellu għalfejn jiġi assorbit fis-Servizz Pubbliku għax biex persuna tkun f’ position of trust trid tkun fis-settur pubbliku.
Leg 12 PQ #29381 Sitting 469 2017-01-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Direct Orders

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29090, 29251, 29016 u 28712 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tad-direct orders mogħtija, minn kull entità, Ministeru, Dipartiment, korporazzjoni u/jew awtorità li huma fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, matul l-2015 u l-2016 (sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija)? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, fuq ordni ta’ min, lil min, l-ammont involut u għala ma kienx hemm sejħa pubblika f’kull każ?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Tibdil fl-Ordni tal-Preċedenza fir-rigward tal-kariga ta’ Prim Imħallef

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li huwa rċieva mingħand il-Prim Imħallef ftit ġimgħat ilu fejn fiha huwa pprotesta għan-nom tal-Ġudikatura dwar it-tibdil fl-Ordni tal-Preċedenza fil-protokoll li sar mingħajr konsultazzjoni miegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li m’għandix xi nżid mal-ispjega estensiva u li hija bbażata fuq is-sewwa li ta s-Segretarju Permanenti Ewlieni dwar is-suġġett. Irrid ngħid li l-punti kollha li ġew avvanzati kemm mill-Prim Imħallef u kemm mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parmanenti Ewlieni, huma fid-dominju pubbliku.

Pożizzjoni tal-kariga ta’ Prim Imħallef fl-Ordni tal-Preċedenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwa jaqbilx mal-ordni ġdid tal-Ordni tal-Preċedenza mħabbar reċentement fejn fih il-Prim Imħallef ma baqax jokkupa l-ordni li kellu fl-okkażjonijiet uffiċjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari 29392.

Pożizzjoni tal-kariga ta’ Prim Imħallef fl-Ordni tal-Preċedenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’għamel, jekk għamel, biex jiddefendi l-preċedenza tal-Prim Imħallef fl-Ordni tal-Preċedenza mħabbar dan l-aħħar fejn fih il-Prim Imhallef ma baqax jokkupa l-ordni li kellu sa ftit ilu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li m’għandix xi nżid mal-ispjega estensiva u li hija bbazata fuq is-sewwa li ta s-Segretarju Permanenti Ewlieni dwar is-suġġett. Irrid ngħid li l-punti kollha li ġew avvanzati kemm mill-Prim Imħallef u kemm mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parmanenti Ewlieni, huma fid-dominju pubbliku.

Applikazzjoni għaċ-Ċittadinanza — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward applikazzjoni għaċ-ċittadinanza peress li diġà saru l-proċeduri kollha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza jeżiġu pproċessar rigoruż u ninsab infurmat illi l-applikazzjoni in kwistjoni waslet fl-istadju finali ta’ dan l-ipproċessar. Eventwalment, l-applikanta tkun infurmata dwar l-eżitu ta’ din l-applikazzjoni.

JobsPlus – community work scheme

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni miktuba fil-Community Work Scheme Jobs Plus fl-4 ta’ Jannar 2016 u meta kienet id-data li ssieħbu fl-iskema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ parteċipanti fil-Community Work Scheme fl-4 ta’ Jannar 2016 kien ta’ 581. Id-data ta’ meta dawn issieħbu fl-iskema kienet kif indikat fit-tabella hawn taħt, jiġifieri: Data Numru Awwissu '09 14 Settembru '09 13 Ottubru '09 17 Novembru '09 7 Marzu '10 7 April '10 17 Awwissu '10 4 Ottubru '10 4 Jannar '11 1 Frar '11 6 Mejju '11 6 Ġunju '11 11 Lulju '11 7 Awwissu '11 1 Settembru '11 4 Ottubru '11 1 Novembru '11 1 Diċembru '11 3 Jannar '12 7 Frar '12 1 Mar '12 4 April '12 18 Mejju '12 2 Ġunju '12 13 Awwissu '12 8 Settembru '12 2 Ottubru ' 12 18 Novembru '12 15 Diċembru '12 3 Jannar '13 3 Frar '13 2 Marzu '13 5 April '13 6 Mejju '13 11 Lulju '13 98 Awwissu '13 4 Settembru '13 19 Ottubru '13 17 Novembru '13 14 Diċembru '13 12 Jannar '14 9 Frar '14 12 Marzu '14 6 April '14 9 Mejju '14 15 Ġunju '14 7 Lulju '14 12 Awwissu '14 4 Settembru '14 19 Ottubru '14 10 Novembru '14 18 Diċembru '14 10 Jannar '15 5 Frar '15 9 Marzu '15 12 April '15 9 Mejju '15 10 Ġunju '15 7 Settembru '15 1

GWU – Community Work Scheme – performance security

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’tip ta’ performance security għandhom il-ħaddiema fil-Community Work Scheme mħaddma mill-GWU, x’inhu l-ammont u għal kemm żmien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema għandhom performance bonus ta’ 5% tal-paga fuq bażi ta’ sena kalendarja.

Buġibba u l-Qawra — negozju fuq il-front

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28058 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari W449, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm instabu li kien hemm persuni li qed jarmaw fuq dan il-front mingħajr m’għandhom permess? Fejn hemm il-permessi, minn min huma maħruġa dawn l-istess permessi? Kemm kien hemm każi li ttieħdu passi fil-konfront ta’ dawk li kienu qed jaħdmu mingħajr ma kellhom il-permessi meħtieġa? Jekk le, x'inhi r-raġuni għal dan?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi matul is-sena 2016 kien hemm tnax (12) il-każ fejn il-Pulizija sabu persuni li qed jarmaw mingħajr permess fiż-żona rispettiva kif indikat fit-tweġiba tal-mistoqsija W449. Il-permessi għal dan it-tip ta’ negozju huma maħruga mit-Trading Licences Unit. F’kull każ fejn matul din is-sena instabu li persuni ħadmu mingħajr permess, inħarrgu it-taħrikiet meħtieġa.

Heritage Malta – proċedura għal ħruġ ta’ transfers interni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex proċedura ta’ kif jinħarġu t-transfers interni? Jekk fil-pożittiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra din il-proċedura? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid għaliex transfers jingħataw bla proċedura stabbilita? Jista’ wkoll jgħid għaliex is-CEO jew l-Acting HR Manager ġieli joħroġ sejħa għal transfer u ġieli t-transfer jaqbad u jingħata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ċaqlieq intern ta’ impjegati ma jistax jiġi meqjus kollu l-istess, iżda kull każ għalih skond iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu. Madanakollu dan dejjem isir skond l-esiġenzi u fl-aħjar interess tal-Aġenzija, sa mit-twaqqif ta’ Heritage Malta fl-2003.

Heritage Malta – self ta’ oġġetti mill-kollezzjoni nazzjonali għar-riċerka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk riċerkaturi privati għandhomx il-faċilità li jisselfu oġġetti li jiffurmaw parti mill-kollezzjoni nazzjonali ta’ Heritage Malta għar-riċerka tagħhom? Jekk fil-pożittiv, hemm xi proċedura stabbilita u fil-każ jinfurmana biha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li riċerkaturi privati għandhom biss permess li jistudjaw oġġetti waqt li jkunu fil-mużew, wara li jkun sar appuntament mal-kuratur rispettiv. Madanakollu dan ma japplikax għal specimens tal-kollezzjoni tal-istorja naturali, fejn hija prassi internazzjonali li specimens jitħallew joħorġu mill-mużew għal studji partikolari, u wara jiġu rritornati. Dan isir minħabba li jeżistu iżjed minn eżemplar wieħed ta’ ċerti specimens, u ovjament wara li jkunu ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha tal-każ.

Heritage Malta – portable toilets fejn l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-CEO ta' Heritage Malta ta l-permess li jitqiegħdu portable toilets fuq il-bankina eżatt ħdejn il-bieb prinċipali tal-Ipoġew ta' Ħal Saflieni? Ma jaħsibx il-Ministru li b'hekk, naqqas l-aċċessibilità fuq il-bankina pubblika għall-persuni li jagħmlu użu ta' din iż-żona?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa obbligu legali li l-ħaddiema li jkunu qed jaħdmu f’xi sit ikollhom faċilitajiet bażiċi bħal dawn. Fl-Ipoġew ma kienx possibbli li l-mobile toilets jitpoġġew ġewwa minħabba x-xogħol infrastrutturali maġġuri li għaddej bħalissa permezz tal-proġett ko-finanzjat mill-Fondi Norveġiżi. Għalhekk dawn kellhom temporanjament jitpoġġew barra fl-uniku post possibbli – fuq il-bankina. Dan sar bil-permess tal-Kunsill Lokali. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li minn dak iż-żmien ’l hawn, peress li ċertu xogħlijiet fl-Ipoġew tlestew, il- mobile toilets imsemmija ddaħħlu ġewwa u probabbilment mhux se jerġa jkun hemm ħtieġa li jerġgħu jinħarġu barra.

Heritage Malta — proġetti

Question

Apparti l-proġett tal-Gozo Museum, li huwa proġett imwelled mill-Ministeru għal Għawdex, jista' l-Ministru jgħid xi proġetti kapitali Heritage Malta bdiet minn Marzu 2013 s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-progett tal-Gozo Museum ġie kkonċeput u mwelled minn Heritage Malta, u qed jiġi amministrat bil-kollaborazzjoni tal-MGOZ. Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sa issa Heritage Malta (minbarra li kkonkludiet għadd ta’ proġetti oħra) bdiet dawn il-progetti. Qed nillimita ruħi għall-proġetti maġġuri biss: · Riabilitazzjoni tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni · Riabiltazzjoni tal-Palazz tal-Granmastru · Mużew tal-Arti ġdid (MUZA) · Restawr tal-bitħa interna u tal-Grand Salon tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija · Restawr tal-btieħi u facċċati tal-Palazz tal-Inkwiżitur · Restawr tal-faċċati u turretti tal-Mużew Marittimu · Restawr u rikostruzzjoni tal-Mitħna ta’ Kola · Restawr tal-btieħi tal-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali Barra minn hekk, ta’ min ifakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li fl-istess żmien Heritage Malta kkonkludiet proġetti oħrajn maġġuri, fosthom Forti Sant’ Anġlu, Forti Sant’ Iermu, il-Katakombi ta’ San Pawl, it-Tempji ta’ Ħal Tarxien, it-Tempji tal-Ġgantija, u il-Katakombi ta’ Bistra.

New York u Pariġi – xogħol ta’ Valentin de Boulogne – persuni

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-individwu/i li akkumpanjaw (jew li se jakkumpanjaw) ix-xogħol ta' Valentin de Boulogne fit-triqithom lejn New York u Pariġi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-vjaġġ minn Malta għal New York il-pittura msemmija ġiet akkumpanjata mill-kuratur anzjan tal-Mużew tal-Arti, filwaqt li fil-vjaġġ minn New York għal Pariġi se tkun akkumpanjata mill-konservatur prinċipali tal-pitturi.
Leg 12 PQ #29460 Sitting 469 2017-01-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

smart meters installati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid in-numru ta' smart meters, jekk għandha l-Enemalta, li ġew installati s'issa f'residenzi privati, postijiet kummerċjali u postijiet ta' kategoriji oħra, b'mod separat? Kemm minn dawn l-arloġġi fil-fatt m'għandhomx bżonn jinqraw mill-meter readers li normalment għadhom jiġu jaqraw l-arloġġi kull sitt xhur?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn Enemalta plc li 95% tal-meters tal-elettriku f’Malta u Għawdex, sal-aħħar ta’ Diċembru 2016 kienu mibdula għat-tip smart. Sadanittant, il-ħidma ewlenija bħalissa hi li dawn il-meters jiġu kkollegati biex jitrasmettu t-tagħrif dwar il-konsum b’mod awtomatiku, mingħajr il-bżonn taż-żjarat tal-meter reader. Sal-aħħar tas-sena l-oħra 76% tal-ismart meters kienu qed jittrażmettu t-tagħrif b’mod awtomatiku.
Leg 12 PQ #29461 Sitting 469 2017-01-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

ħruġ ta' kontijiet tad-dawl u ilma bħala estimate

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk meta jinħarġu l-kontijiet tal-konsum tad-dawl u l-ilma bħala estimate, u dan l-estimate jkun baxx għall-konsum li jkun sar, imbagħad meta jinqraw l-istess arloġġi tad-dawl u l-ilma, fil-fatt il-konsumatur hux qed jispiċċa jħallas b'rata għolja għall-parti sewwa mill-konsum, għaliex ikun ħallas ammont żgħir minħabba li l-konsum stmat, ikun baxx ħafna?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn ARMS Ltd. li l-kumpanija hija kommessa li toħroġ il-kontijiet skont l-iskeda ffissata, ċioe’ kull xahrejn. F’ka¿ijiet fejn il-qari tal-meter ma jkunx wieħed awtomatiku, il-meter reader ikun irid imur jaqra l-arloġġi. Dan dejjem ikun possibbli jekk il-meter reader ikollu aċċess biex jaqra l-istess arloġġi tad-dawl u l-ilma. Meta jittieħed il-qari kull meta jmiss, ikun jista’ jinħareġ kont skont il-konsum propju u fuq ir-rati applikabbli.

graffiti li saru madwar Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija investigatx min seta' għamel il-bosta graffiti, li qed jingħad li huma bil-lingwa Serba, li saru madwar Malta? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt inqabadx xi ħadd minn dawk li għamlu dawn l-istess graffiti, u jekk ittieħdux passi kontra xi persuni, b'riżultat ta' dawn l-investigazzjonijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi l-pulizija qed tieħu azzjoni biex jiġu evitati inċidenti ta’ kitba ta’ graffiti bil-lingwa Serba u qed tinvestiga min seta' għamilhom. Madankollu, sal-lum għadhom ma saru ebda arresti ta’ persuni li huma suspettati li għamlu dawn l-istess graffiti u għalhekk ma ttieħdu passi kontra ħadd.

San Pawl il-Baħar — kontrolli

Question

Billi f'San Pawl il-Baħar qed tikber ferm il-kwestjoni marbuta mal-atteġġjament ta' ċertu barranin, li jew joqogħdu fil-lokalità, jew jiġu għal xi żmien f'dawn in-naħiet, tant li spiss qed ikun hemm kitbiet ta' natura iebsa, fil-konfront tal-istess barranin, kemm minn Maltin, kif ukoll minn barranin oħra, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kontoll partikulari qed isiru, mill-pulizija (mhux tad-distrett waħidhom, li diġà huma mgħobbija żżejjed bix-xogħol normali tagħhom), biex jiġi assigurat li dawk li joqogħdu f'dawn l-inħawi huma fil-fatt regolari bil-preżenza tagħhom f'pajjiżna? Meta saru l-aħħar spezzjonijiet mill-pulizija, minħabba dawn il-problemi ta' konflitt soċjali u razzjali li qed jinħolqu f'din il-lokalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi waqt li hu minnu li l-pulizija tad-Distrett jagħmlu minn kollox biex waqt ir-ronda tagħhom jikkontrollaw dak kollu li hu relatat ma kull ksur ta’ liġi, fil-każ ta’ kontrolli fuq persuni barranin, dawn isiru wkoll minn uffiċjali tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni. Irid jingħad illi anke sezzjonijiet oħra li jkunu fuq ronda fl-inħawi indikati ukoll jieħdu azzjoni jekk u meta jiġi skopert ksur ta’ liġijiet fl-inħawi indikati u oħrajn. Fid-dawl tal-kontenut tal-mistoqsija, it-taqsimiet konċernati fi ħdan il-Korp qed jiġu mitluba biex dawn iż-żoni jiġu mħarsa u spezzjonati aktar frekwenti bil-għan illi min hu responsabbli ta’ xi ksur ta’ liġi, jiġi nvestigat u proċessat skond in-normi f’każijiet bħal dawn.