Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #3185 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Karmeli – air conditioners bil-ħsara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm air conditioners ma jaħdmux fl-Isptar Monte Karmeli? Fejn qegħdin?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li għaddej proċess biex jissewwew 18-il air conditioner fl-Isptar Monte Karmeli li jinsabu fis-swali FW2, FW3A, FW3B, FW7, MAW, MW2, MW8B, MW3B. Qed tintalab informazzjoni sabiex ikun stabbilit kemm fil-fatt ilhom bil-ħsara, kif ukoll x’seta ikkawża din il-ħsara.

Il-Mellieħa – Triq it-Trill — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Triq it-Trill fil-Mellieħa hix fil-pjani ta' Transport Malta biex issir fil-futur qarib? Jekk le meta hu mistenni li jsir ix-xogħol neċessarju fuq l-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fi Triq it-Trill, Mellieħa qieghed fil-pjan kurrenti ta’ Transport Malta. Fill-fatt, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq din it-triq u għandu jitlesta fil-futur qarib.

Fabbriki f’riskju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju dwar fabbriki f’pajjiżna li bħalissa jinsabu f’sitwazzjoni fejn ħaddiema jinsabu f’periklu li jitilfu x-xogħol tagħhom? Liema huma dawn il-fabbriki? X’miżuri qed jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tal-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tkun taf minn żmien għal żmien dwar xi fabbriki li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet. Meta l-Korporazzjoni tkun taf li hemm ħaddiema li aktarx jitilfu xogħolhom, hija tintervjeni permezz ta' servizzi ta' impjieg u taħriġ. Mhuwiex għaqli li wieħed isemmi b'mod pubbliku ismijiet ta' fabbriki li jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet.

Fabbriki f’riskju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju dwar fabbriki f’pajjiżna li bħalissa jinsabu f’sitwazzjoni fejn ħaddiema jinsabu f’periklu li jitilfu ix-xogħol tagħhom? Liema huma dawn il-fabbriki? X’miżuri qed jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tal-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (CARDONA, CHRIS)

Malta Enterprise żżomm kuntatt mal-impriżi ndustrijali f’pajjiżna bil-għan li tgħinhom jespandu, kif ukoll, meta dan huwa meħtieġ, jgħelbu l-problemi speċifici li jistgħu jinqalgħu minn żmien għall-ieħor. Din l-għajnuna tkun kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-iState Aid. Meta kumpanija tagħmel xi talba lill-Malta Enterprise u minħabba f’hekk tgħaddi nformazzjoni kummerċjalment sensittiva lill-istess agenzija, dan isir bil-ftehim li din l-informazzjoni ma tixxandarx pubblikament. Dan skont l-istess liġi (Malta Enterprise Act, Kap 463).

Marsa Shipyard – ħolqien ta’ xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-iżvilupp tal-Marsa Shipyard f'hub marittimu l-Gvern hux se jkun qed jassigura ħolqien ta’ impjiegi ġodda għall-Maltin permezz ta’ dan l-investiment? Jista’ jgħid x'tip ta’ jobs qed ikunu mmirati li jinħolqu? Peress li l-istess Ministru qal li jrid ikun assigurat li f'Malta ikollna r-riżors uman adegwat fl-iżvilupp ta’ dan il-proġett, jista' l-Ministru jgħid jekk l-investiment u r-reklutaġġ tal-ħaddiema hux se jkun totalment barrani?

Response (CARDONA, CHRIS)

L-iskop ta’ kull proġett bħal dan huwa li jkabbar l-attività ekonomika u joħloq iktar impjiegi xierqa għall-Maltin u l-Għawdxin. L-Onorevoli Interpellant irid jifhem li l-proġett tal-Maritime Hub għadu fl-istadju ta’ Espressjoni ta’ Interess u għalhekk, l-informazzjoni li qed jitlob hija prematura. Madankollu, nista’ nassigurak li l-Ministeru tiegħi se jagħmel ħiltu kollha biex nattiraw investiment għaqli li jagħti l-massimu ta’ benefiċċji lill-poplu Malti u Għawdxi, u fuq kollox joħloq impjiegi ta’ kwalità.

Djar tal-anzjani – lista ta’ stennija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont ta' nies li applikaw u qed jistennew sabiex jidħlu f'dar tal-anzjani? Minn din il-waiting list kemm huma dawk l-applikanti li huma residenti fin-Nofsinhar ta' Malta?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Qasam tad-Djar — xogħlijiet neċessarji fuq ċint ta' proprjetà tal-Gvern

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 1222 u tara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fuq ċint ta' proprjetà tal-Gvern (ġardina ta' qasam tad-djar), li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – kuntratti ta’ security guards

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1706 u jinforma lill-Kamra bil-lista ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ sigurtà (security guards/officers) li huma in vigore fil-Ministeru u l-entitajiet li huwa responsabbli minnhom u li r-rata komputata fis-siegħa hija ta’ anqas minn €5.66 eskluża l-VAT?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Kuntratt Kuntrattur Tmiem tal-Kuntratt Rata komputat fis-siegħa AWAS CT 2162/2011 * KSS Ltd 23/09/013 €5.10 (excl. VAT) Broadcasting Authority ** Kavallier Security Service 01/08/2011-31/07/2014 €4.95 (excl. VAT ) li hija suġġetta għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja. PBS Tender PBS 17/2012 *** Executive Security Services Ltd 05/12/2012 – 06/12/2013 €4.92 (excl. VAT) *Another Security Tender to follow the above mentioned with a proposed hourly rate of €6.00 (excl. VAT) is being vetted by the department of Contracts. ** Bħala informazzjoni addizjonali, qed ninkludi parti minn kalwsola li hemm fil-kuntratt iffimat mal-kumpanija: Il-kuntratt relattiv jinkludi klawsola li fost l-oħrajn tispeċifika li: “ that the company is aware and fully understands the requirements and obligations provided for in the relative employment and will at all time during the period of the contract be fully compliant with the said laws rules and regulations. The company further declares that if it fails to adhere to its obligations as spelled out ..., the contract is terminated ipso facto... .” ***Kuntratt jiġġedded sena b’sena.
Leg 12 PQ #3200 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Birgu – tender għad-dawl tal-fortifikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn inħarġet tender għad-dawl tal-fortifikazzjonijiet tal-Birgu (72039/2013) meta diġà kienet ħarġet tender oħra simili CT118/2009 li qatt ma ġiet aġġudikata? Ma jaħsibx li peress li din it-tender inħarġet darbtejn dawk li diġà tefgħu offerta se jiġu ddiskriminati għax il-prezz tagħhom hu diġà magħruf? Jaħseb il-Ministru li tal-inqas din id-darba t-tender tinħareġ għal dawk li kienu ġew shortlisted fl-ewwel ħarġa tat-tender?

Response (VELLA, KARMENU)

Is-sejħa CT2116/2009, Contract Notice 118/2009 kienet Request for Information - Lighting Installation for Birgu u kif kien hemm speċifikat fl-Executive Summary ta` din l-istess sejħa l-iskop kien ta` riċerka dwar sistemi tad-dawl li hawn fis-suq.

Home help – social assistants

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ social assistants bħalissa li jipprovdu s-servizz ta’ home help lill-anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

In-numru ta’ social assistants li bħalissa qed jipprovdu s-servizz ta’ home help lill-anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali huwa 217.

Home help – applikazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm applikazzjonijiet għas-servizzi ta’ home help ġew ipproċessati mis-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet intlaqgħu s’issa u kemm minnhom kienu għal persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #3203 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Forti Sant’Anġlu – Restawr tal-bieb prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ restawr fuq il-bieb prinċipali tal-Forti Sant’Anġlu? Jista’ jgħid fiex wasal il-proġett iffinanzjat minn fondi Ewropej għal din il-forti storika?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ restawr fuq il-bieb prinċipali u r-rampa ta’ barra ta’ Forti Sant Anġlu huwa lest. Bħalissa għaddej ukoll b’ritmu tajjeb ix-xogħol ta’restawr fuq is-sally port li jwassal għall-Batterija De Guiral. Ix-xogħol li qiegħed jiġi iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali inbeda wkoll. Matul ix-xahar ta’ Ġunju għalqu l-investigazzjonijiet arkeoloġici li kienu ppjanati qabel ma jinbeda x-xogħol ta’ infrastruttura. Fil-preżent għad iridu jiġu awarded iż-żewġ kuntratti li jwasslu għar-restawr u l-finishing tal-partijiet tal-forti li jaqgħu taħt Heritage Malta. It-tender tar-restawr waqa lura minħabba appelli li saru minn wieħed mill-kuntratturi, waqt li l-proċess tat-tender tal-finishing jinsab fl-aħħar fażi tiegħu.

kumitat għad-dħul tal-anzjani f’istituzzjonijiet tal-Gvern għall-anzjani

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn min hu kompost bħalissa l-kumitat għad-dħul tal-anzjani f’istituzzjonijiet governattivi għall-anzjani?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-kumitat għad-dħul ta’ l-anzjani f’istituzzjoni governativi għall-anzjani kif kien magħruf ma giex iffurmat u dan għaliex inbeda proċess ġdid fejn l-applikanti jiġu riferuti għall-assessment minn tim multidixxiplinarju li jevalwa kemm il-bżonn u tip ta’ kura fit-tul, kif ukoll l-urġenza tal-każ.
Leg 12 PQ #3205 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Interim From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati mal-Gvern ’il fuq mill-61 sena

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm nisa/irġiel ta’ età aktar minn 61 sena ddaħħlu jaħdmu mal-Gvern f’ministeri u entitajiet oħra mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jagħni n-numru skont l-età? F’liema gradi qegħdin? X’kienu r-raġunijiet li ddaħħlu jaħdmu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Mizzi House – asbestos

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’se tagħmel biex isserraħ ras l-impjegati tal-MCCAA dwar dak li kienet tgħid meta kienet fl-Oppożizzjoni dwar is-soqfa tal-asbestos fil-viċinanzi u dan meta kienet tiddikjara li l-preżenza tal-asbestos huwa ta’ detriment għas-saħħa tal-ħaddiema? Tista’ tgħid meta saru l-aħħar testijiet tas-sulari kollha u tpoġġi kopja ta’ dawn ir-riżultati fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-testijiet li kienu saru fl-MCCAA taħt l-amministrazzjoni preċedenti u li b’riżultat tagħhom ġew installati HEPA filters għas-spejjez tal-istess awtorità biex tiġi indirizzata din il-problema. Dan juri li l-management ta’ din l-istess awtorità kien konxju tad-dannu li seta’ kien hemm għas-saħħa tal-ħaddiema minħabba l-preżenza ta’ soqfa bl-asbestos. Kien ikun tajjeb kieku l-amministrazzjoni preċedenti serrħet ras l-impjegati billi qabel daħlithom fl-uffiċċji l-ġodda tal-MCCAA, għamlet health and safety risk assessment report komplut u dan wara li x-xogholijiet kollha jkunu lesti. Fir-rigward tal-materjal innifsu, jiġifieri l-asbestos, tiddikjara li hu ta’ detriment għas-saħħa tan-nies, Regulation (EC) No. 1272/2008 li tistipula li dan il-materjal huwa Carcinogen Categori 1A, jiġifieri ġie xjentifikament u epidemjoloġikament ippruvat li jikkawża l-kanċer fil-bniedem (asbestosis, mesothelioma, bronchial carcinoma u gastro-intestinal carcinoma – dan kollu hu stipulat f’Direttiva 2009/148/EC tal-KE). Fil-fatt skont Regulation (EC) No. 1907/2006 l-użu u t-tqegħid fis-suq tal-KE ta’ dan il-materjal huwa pprojbit wara l-2005 u jekk il-prodott kien installat qabel l-2005 jista’ jibqa’ jintuża sakemm jasal fl-aħħar tas-service life tiegħu. Kif dħalna fil-gvern ordnajt li ssir investigazzjoni f’dan ir-rigward u jidhirli li għandi nistenna l-esperti jagħmlu xogħolhom qabel nikkummenta aktar dwar dan il-kaz. Id-dokumentazzjoni tkun ippubblikata meta l-investigazzjoni tiġi konkluża.

Taqsima tax-Xogħlijiet – talba għal xogħol privat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema periti u inġiniera fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet għamlu talba biex jagħmlu xogħol privat fl-2011 u fl-2012?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l –ammont ta’ Periti u Inġiniera fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet li għamlu talba biex jagħmlu xogħol privat kien ta’ 13 fis-sena 2011 u ta’ 3 persuni fis-sena 2012.

Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini — Kap

Question

B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2434, jista’ l-Ministru jgħid meta ottjena l-warrant tiegħu ta' perit l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Ġaladarba mill-elezzjoni ’l hawn beda jaħdem fis-Segretarjat Privat tal-Ministru, min effettivament se jokkupa l-kariga ta’ Kap għall-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini jew se jirriżenja l-kariga li għandu fis-Segretarjat tal-Ministru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija qatt ma għamlet talba għal ħrug ta' Warrant ta' Perit bħalma ġie indirizzat bi svista fit-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari numru 2434. L-istess persuna qatt ma kienet tifforma parti mis-Segretarjat Privat tieghi u għaldaqstant se tkompli tokkupa l-kariga msemmija.
Leg 12 PQ #3213 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Saħħa

Każ ta’ indivdiwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li tinsab muġugħa u tixtieq li tingħata prijorità?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li dan il-każ ġie segwit u konkluz mid-Dipartiment tal-Customer Care fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa.

Każ dwar Struttura

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2984, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-MRRA kenitx mitluba tikkonsenti jew le? Jekk iva, x’kienu r-raġunijiet li għalihom l-MRRA ġiet ikkonsultata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniku infomazzjoni dwar dan il-każ li ġiet mgħoddija lill-uffiċċjali ta’ Transport Malta, li huma responsabbli minn dan ix-xogħol, kienet l-approvazzjoni li għaliha qed tirreferi r-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2984.

Water Policy – konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1768 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-input li l-Gvern kien irċieva mingħand l-entitajiet kollha fil-perijodu ta’ konsultazzjoni pubblika fuq in-National Water Policy li kienet iffinalizzata f’Ġunju tal-2012?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.