Ħad-Dingli – Triq ir-Rabat – Veloċità Massima tal-karozzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-veloċità massima li tista’ tintlaħaq mill-karozzi fi Triq Rabat, Ħad-Dingli? Hemm xi ħsibijiet li jsiru xi prekawzjonijiet biex titnaqqas il-veloċità li biha jgħaddu minnha l-karozzi f’din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn riċerka li saret minn Transport Malta jirriżulta li l-85th Percentile Speed ta’ din it-triq huwa ta’ 67km/h. Skond studju li sar mill-istess Awtorità bħala parti mid-dokument Speed Management Policy, il-veloċità massima ta’ din it-triq għandha tkun ta’ 50km/h. L-Awtorità se tieħu l-passi meħtieġa sabiex jitwaħħlu dawn it-tabelli tal-veloċità massima flimkien ma’ sinjali tat-toroq.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – job vacancies
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’job vacancies hemm bħalissa fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi:
Dok. 'A' - Direttorat għal Servizzi Edukattivi
Dok. 'B' - Universita` ta' Malta
Dok. 'Ċ' - MCAST
Dok. 'D' - jinkludi id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, id-Dipartiment tal-Eżamijiet, l-European Union Programmes Agency (EUPA), il- Malta Council for Science and Technology (MCST), in-National Commission for Further and Higher Education (NCFHE), l-Employment and Training Corporation (ETC), il-Foundation for Educational Services (FES), u l-Kunsill Malti għall-iSport (KMS).
Jista’ l-Ministru jgħid liema bordijiet ta’ għażla għal job vacancies li hemm bħalissa fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, huma diġà kostitwiti? Jista’ jgħid minn min huma kostitwiti dawn il-bordijiet u f’liema kapaċita qegħdin hemm il-membri ta-bordijiet? Sar xi tibdil fil-kostituzzjoni ta’ dawn il-bordijiet? Kien hemm xi entitajiet li qabel ma kenux irrapreżentati, u issa qed jiġu rrapreżentati u viċi versa?
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk l-istudji internazzjonali relatati mal-edukazzjoni li l-Gvern bi ħsiebu jipparteċipa fihom? Jista’ jgħid f’liema snin skolastiċi se jsiru dawn l-istudji u ma’ liema etajiet ta’ studenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-istudji edukattivi internazzjonali li Malta ser tieħu sehem fihom huma Programme for International Student Assessment (PISA) organizzat mill-OECD, Trends in International Mathematics and Science Study (TIMSS), International Civic and Citizenship Education Study (ICCS), u Progress in International Reading Literacy Study (PIRLS) organizzati mill-IEA.
Il-Field Test ta' PISA, TIMSS u ICCS ser isir fl-2014, u dak tal-PIRLS fl-2015. Il-Main Study ta' PISA u TIMSS ser isir fl-2015, u dak tal-ICCS u tal-PIRLS fl-2016.
L-etajiet tal-istudenti li ser jagħmlu dan l-assessjar ivarja minn madwar 9 snin u nofs fil-PIRLS, 13-il sena u nofs fit-TIMSS u fl-ICCS, u 15-il sena u nofs fil-PISA.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-ħames skejjel ġodda li se jinbnew fil-ħames snin li jmiss?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li s'issa jidher l-iskejjel ġodda li hemm bżonn jinbnew huma f'Ħal Kirkop, f'San Pawl il-Baħar u l-Mosta. Hemm diskussjoni interna għaddejja mad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi dwar il-kompożizzjoni tal-Kulleġġi. Ladarba din tkun definita, wieħed jista' jippjana aktar bini ta' skejjel ġodda.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-medja ta’ tfal li l-Ministru jaħseb li għandhom jieħdu l-iskejjel primarji u sekondarji b’mod separat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-popolazzjoni ta' studenti ġo skola jiddependi mid-daqs tal-lokalità. Skejjel kbar iż-żejjed jew żgħar iż-żejjed mhumiex ideali għat-tip ta' edukazzjoni li nixtiequ noffru. Riċerka internazzjonali turi li d-daqs ideali tal-iskejjel ikun ivarja bejn 400 u 500.
B'referenza għar-rakkomandazzjoni numru 70 fl-istrateġija għall-adattazzjoni għat-tibdil fil-klima, jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija dwar it-Turżmu hix se tkun qed tipprepara Tourism Action and Contingency Plan skont l-iskadenzi tal-istrateġija?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qiegħed jitkompla x-xogħol fuq il-pjan għall-prodott turistiku. Dan il-pjan se jinkludi fiħ elementi marbuta mal-adattazzjoni għat-tibdil fil-klima.
Jista' l-Ministru jagħti estimu ta' kemm se ddaħħal flus Malta mill-irkant ta' allowances taħt id-direttiva dwar emissions trading fis-snin 2013 u 2014 u kif mistenni jintuża dan id-dħul?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li minħabba li għadhom għaddejjin diskussjonijiet fuq livell Ewropew dwar l-ammonti eżatti li ser ikunu rkantati, huwa prematur li wieħed jgħid kemm ser idaħħal flus Malta fis-snin imsemmija.
proġett “A world you like” — Appoġġ lill-parteċipanti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern tax xi forma ta' appoġġ jew għajnuna lil xi parteċipant fil-proġett Ewropew "A World You Like"?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li taħt il- proġett Ewropew "A World You Like" sar sponsorship attiv mill-Gvern lill-parteċipant wieħed.
Jista' l-Ministru jgħid hux mistenni li Malta tilħaq il-livelli proposti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-2013 taħt l-"effort sharing decision" u x'inhu jagħmel il-Gvern biex jassigura li l-miri 2013-2020 jintlaħqu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li skont l-aħħar rapport dwar il-politika u l-miżuri u l-emmissjonijiet proġettati ta’ gassijiet serra li ssottomettiet u pubblikat Malta fil-31 ta’ Mejju 2013 (Malta’s Biennial Report on Policies and Measures and Projected Greenhouse Gas Emissions 2013), l-emmissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ Malta fl-2013 mhux mistennija li jeċċedu l-allokazzjoni ta’ emissjonijiet annwali għas-sena 2013 skont l-Effort Sharing Decision. Fir-rapport, li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, jidhru l-miżuri li l-Gvern qed jieħu biex jassigura li l-miri qed jintlaħqu.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2895 jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istaff complement f'dan il-unit intlaħaqx u jekk le, meta se jintlaħaq? Id-dossier imsemmi jinkludi l-policy implementation li saret referenza għalih fil-mistoqsija parlamentari 2002 jew huwa separat? F'kull każ jista' jgħid kemm hemm nies jaħdmu fuq policy implementation u taħt liema uffiċċju jaqgħu? Kemm hemm nies jaħdmu speċifikament fuq id-dossier dwar il-bidla fil-klima u taħt liema uffiċċju jaqgħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-bidla fil-klima hija r-responsabilitá tal-Climate Change Division fl-Awtoritá Maltija tar-Riżorsi li preżentament għandha erbgħa min-nies jaħdmu speċifikament fuq dan. It-twettiq innifsu tal-miżuri dwar t-Tibdil fil-Klima hija responsabbilta’ mifruxa ma diversi entitajiet, kif hija wkoll spjegata fiż-żewg strateġiji approvati mill-Parlament dwar il-Mitigazzjoni u l-Adattazzjoni. L-istrutturi, ir-riżorsi u l-bidliet meħtieġa f’dan ir-rigward sejrin jiġu evalwati bħala parti mill-proċess li għandu jwassal biex tinħoloq l-awtorita tal-ambjent li ser tkun ukoll risponsabbli mir-riżorsi.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta nħarġu l-aħħar kaxxi ġodda li jintużaw fil-Pitkalija? Kemm kien l-ammont ta' kaxxi li nħarġu? Meta hu mistenni li joħorġu iktar kaxxi ġodda u kemm se jkun in-numru tagħhom? Kif se jiġi assigurat li l-bdiewa ma jkollhomx jistennew għal ħin twil biex jieħdu l-kaxxi li jkollhom bżonn għall-użu tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fis-7 ta’ Lulju 2012 kienu nħarġu 19,000 kaxxa. Ninsab infurmat ukoll li għada kemm għalqet tender fejn qed jiġi stmat li ħa jinxtraw kważi 21,000 kaxxa. Sadanitant inxtraw numru ta’ kaxxi sabiex il-bdiewa ma jkollomx jistennew ħafna.
Bdiewa – rifużjoni tal-bolla tas-sigurtà nazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa li huma intitolati li jieħdu lura nofs il-ħlas tal-bolla tas-sigurtà nazzjonali? Meta l-aħħar li tħallsu dan l-ammont, u meta hu mistenni li jitħallsu dak li għadu dovut jekk hemm ħlasijiet dovuti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-iskema li permezz tagħha bdiewa full-time kien se jkollhom il-possibbiltà li jiddawwar fuq isimhom raba’ tal-Gvern li huma qed jaħdmu li għadu mhux maqlub fuq isimhom, kif kien deċiż permezz ta' liġi li għaddiet mill-Parlament qabel l-aħħar elezzjoni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-iskema li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet imnedija qabel l-elezzjoni mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali wara li f’Diċembru 2012, daħħlu fis-seħħ l-emendi li saru fl-Att li jirregola t-Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern (Kapitlu 268) tal-Liġijiet ta’ Malta. L-istess Ministeru kellu wkoll jilqa’ l-applikazzjonijiet u jipproċessa dawn it-talbiet qabel ma jgħaddu lid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern biex isir ir-rikonoxximent tal-bdiewa. Peress li minn meta tħabbret din l-iskema, id-Dipartiment ma rċieva l-ebda talba għar-rikonoxximent taħt din l-iskema, nitlob lill-Onor. Membru sabiex iressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Residenza San Vinċenz de Paul – għażla ta’ Kap Eżekuttiv
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2889 u mingħajr ma nnaqas xejn mill-merti tal-persuna magħżula, tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-għażla ta’ Kap Eżekuttiv fir-Residenza San Vinċenz de Paul ma saritx permezz ta’ sejħa pubblika kif sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti fil-każ tal-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli u l-Isptar Karin Grech?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-hatra ta’ CEO fir-Residenza ta’ San Vincenz de Paule hija abbazi ta’ fiducja u tinkwadra fir-ristrutturar immedjat tat-tmexxija ta’ din ir-residenza. Ghal-kumplament tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant ghat-twegiba moghtija ghal-mistoqsija parlamentari 2889.
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 1813 u tgħid x'ħatriet saru marbuta mar-Residenza San Vinċenz de Paul mill-11 ta' Mejju ’l hawn? F’liema kariga ġew maħtura dawn il-persuni? Liema minn dawn il-ħatriet huma pożizzjonijiet ġodda? Kemm qed jitħallsu kull waħda minn dawn il-persuni maħtura?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ngħatajt fil-mistoqsija parlamenatari 2891.
Residenza San Vinċenz de Paul — Hospital Management Board - ħlas
Question
Tista’ l-Ministru tgħid minn min hu magħmul il-Hospital Management Board il-ġdid tar-Residenza San Vinċenz de Paul? Xi ħlas se jirċievi kull membru tal-bord u apparti ħlas, jekk hu l-każ, għandhom xi benefiċċji oħrajn?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Management Board li nħatar mid-9 ta’ Marzu 'l quddiem huwa dan:
Chairperson
Judge
Philip
Sciberras
Deputy Chairperson
Dr
Maria Concetta (Marcon)
Ali
CEO
Dr
Josianne
Cutajar
Member
Dr
Gunther P
Abela
Member
Dr
Marvin
Formosa
Member
Arch.
Chris
Grech
Member
Mr
Gaetano
Mercieca
Il-ħlas tas-servizz tagħhom għadu ma ġiex iffinalizzat.
Residenza San Vinċenz de Paul – tkissir ta’ taraġ antik
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux vera se jitkisser taraġ antik fir-Residenza San Vinċenz de Paul li jinsab ħdejn il-kamra tal-punching? Jekk iva, hemm permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex jitkisser dan it-taraġ antik?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-amministrazzjoni tal-Isptar San Vinċenz de Paul ma tat l-ebda struzzjonijiet biex jitwaqqa’ jew jitkisser xi taraġ f’din ir-residenza. Għaldaqstant mhux veru li se jitkisser xi taraġ f’din ir-residenza. Nista’ nassigura lill-interpellant li l-amministrazzjoni preżenti għandha għall-qalba l-valur arkittetoniku ta’ din ir-residenza u għalhekk se tassigura li jinkisbu l-permessi kollha neċessarji mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar għal dawk ix-xogħlijiet li jkunu jeħtieġu tali permessi minn din l-awtorità.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2887 tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-grad tas-security guard jew security guards li ġie jew ġew trasferit/i għal mas-security officers fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn wara l-aħħar elezzjoni? X’kien, jew x’kienu jagħmel jew jagħmlu qabel kull persuna li issa ġie trasferita bħala security guard?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.