Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #2547 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prim Ministru – użu ta’ karozza

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1060, jista’ l-Prim Ministru jgħid minn liema pompi tal-petrol inxtara l-fuel tal-karozza li qed juża hu stess bħala l-karozza uffiċjali tal-Prim Ministru, kemm-il darba nxtara fuel sa issa u kemm kien l-ammont li nxtara kull darba?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 12 PQ #2548 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Persuni li jbatu bid-dijabete

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1063 u jgħid kemm hemm persuni li jbatu bid-dijabete f'pajjiżna, f'kull lokalità ta' Malta u Għawdex separatament? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? Jista' jagħti l-informazzjoni skont l-età?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-aħjar sors ta’ informazzjoni dwar din il-marda (f’dawk li għandhom 15-il sena u ‘l fuq) li għandu d-Dipartiment għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka huwa stħarriġ Ewropew li jsir darba kull ħames snin fuq kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni adulta ta’ Malta. L-aħħar stħarriġ sar fl-2008 u minn din l-istatistika nħaddmu l- Age Standardised Rates għall-irġiel u nisa separatament, għal kull reġjun f’Malta skond il-klassifikazzjoni NUTS4, kif maħruġa mill-Unjoni Ewropeja (mehmuża). Minħabba li l-kampjun kien limitat għal 3680 individwu, ma tistax tinħareġ statistika fil-livell ta’ lokalitajiet. Fil-figuri wieħed jista’ jara r-rati imsemmija skond nisa u irġiel u bil- confidence intervals rispettivi tagħhom. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #2958 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Fiżjoterapisti – tibdil fil-roster

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li riċentament il-fiżjoterapisti ġew infurmati li se tinbidlilhom ir-roster u se jibdew jiddaħħlu jaħdmu anke nhar ta’ Ħadd? X’wassal biex tittieħed din id-deċiżjoni? Il-unions tal-ħaddiema ġew ikkonsultati?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li ma’ sar l-ebda tibdil fir-roster tal-fiżjoterapisti biex dawn jaħdmu l-Ħadd bħala parti mir-roster.
Leg 12 PQ #2959 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Fiżjoterapisti — ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess sabiex il-fiżjoterapisti li għaddew mill-proċess tal-għażla sabiex jitilgħu għal skala 8 jingħataw l-appointment, u dan peress li r-riżultat diġà ilu xagħrejn minn mindu ġie ppublikat?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għas-Saħħa ntalab jikkonferma l-eliġibilità tal-kandidati kollha magħżula, u li l-eżerċizzju inkwistjoni se jiġi finaliżżat fil-jiem li ġejjin sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku ladarba din tiġi rikomposta.
Leg 12 PQ #2960 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Continuing Professional Development – ħlasijiet dovuti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni l-għala l-flus dovuti lill-fiżjoterpaisti bħala rimborż għall-Continuing Professional Development (CPD) din is-sena għadhom ma tħallsux, meta fi snin preċedenti dan il-proċess kien ikun lest sa Marzu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li r-raġuni għad-dewmien tar-rimborż għall-Continuing Professional Development (CPD) ta’ din is-sena kien għaliex ġiet imfassla policy ġdida wara diskussjonijiet min naħa tal-MUMN dwar kif jinħadem ir-rimbroż kif maqbul fil-ftehim settorali preċedenti. Kif maqbul bejn is-Segretarju Permanenti preċedenti u l-PACBU, il-policy l-ġdida ġiet imfassla fuq l-istess prinċipju tas-CME dwar ir-rimborż tat-tobba, spiżjara u dentisti. Il- policy l-ġdida kienet diskussa mal-MUMN u l-UHM u l-UHM għamlet talba biex l-ammont ta’ €698, li għalihom kienu eliġibbli l-impjegati bħala CPD, jiġi iffissat għall-€700 . Id-dipartiment kellu jistma d-differenza fl-ispiża u jitlob l-approvazzjoni tal-PACBU. Id-dipartiment irċieva l-approvazzjoni fit-30 ta’ Mejju 2013 u issa qiegħed fil-proċess biex isiru l-arranġamenti meħtieġa qabel tiġi ppublikata u mplimentata l- policy l-ġdida. Huwa mistenni li grazzi għal din il- policy , il-proċess se jkun ħafna iktar effiċjenti u l-impjegati se jkunu jistgħu jiġu rimborżati fi żmien iqsar minn qabel.
Leg 12 PQ #2999 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – Family friendly measures

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista komprensiva dwar kemm hemm impjegati fil-ministeru tiegħu u fid-dipartimenti u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu, li qed jibbenifikaw minn family friendly measures (bħal reduced hours, teleworking, flexible hours, paternity leave eċċ.), u jagħti d-dettalji tal-gradi u l-postijiet fejn huma ingaġġati?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li fil-Ministeru għas-Saħħa hemm 689 impjegat; fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) hemm sitt impjegati; u fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol (OHSA) hemm ħames impjegati li qed jibbenefikaw minn family friendly measures. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #3000 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Skema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek — riforma

Question

Peress li f’xi sezzjonijiet tal-media ġie rrapurtat li qed issir evalwazzjoni tal-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, u li dan il-proċess se jieħu madwar 6 ġimgħat, jista’ l-Ministru jgħid min qed jagħmel tali evalwazzjoni? Jekk din qed issir minn xi entità non governattiva xi proċess intuża sabiex tintgħażel l-entità li qed tagħmel dan l-eżerċizzju, u kemm hi l-ispiża involuta? X’inhuma t-terms of reference għal din l-evalwazzjoni?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li bħalissa qed isir ezerċiżżju ta’ awditjar u ta’ mapping tal-proċessi kollha li jimpattaw b’mod dirett fuq is-supply chain farmaċewtika tal-Ministeru għas-Saħħa bil-għan li tkompli tiżdied aktar l-effiċjenza u titnaqqas il-ħela. Dan l-ezerċiżżu qed isir mill-kumpanija RSM Malta, li hija kumpanija mhux governattiva b’esperjenza f’audits ta’ proċessi f’entitajiet.
Leg 12 PQ #3001 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – organisation chart

Question

Jista’ l-Minsitru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-organisation chart tal-Isptar Mater Dei, u jindika liema postijiet huma effettivament mimlija u liema huma vakanti?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Is-Swieqi — rotot tal-Arriva li se jispiċċaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jispiċċaw xi rotot tal-Arriva li jgħaddu mis-Swieqi (inkluż l-Ibraġġ u l-Madliena)? Jekk iva, liema huma?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3055.

Is-Swieqi — introduzzjoni ta’ rotot ġodda tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jiġu introdotti rotot ġodda tal-Arriva li jgħaddu mis-Swieqi (inkluż l-Ibraġġ u l-Madliena)? Jekk iva, liema huma?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3055.

Segretarju Permanenti – xogħol ta’ ambaxxatur

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2163, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt msemmi? Kemm hi l-paga totali u l-allowances li jitħallas is-Segretarju Permanenti preżenti?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-kuntratt kif ukoll is-salarju globali u l-allowances li jitħallas is-Segretarju Permanenti preżenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin huma l-istess bħal dawk li jitħallsu s-Segretarji Permanenti fi ħdan il-Ministeri l-oħra (Scale 2). Nixtieq nassigura lill-Onorevoli Interpellant li l-imsemmi Segretarju Permanenti mhux talli mhux qiegħed jitħallas iżjed mill-kollegi tiegħu, imma sabiex jerġa' lura Malta biex jaqdi dmirijietu fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kellu jirrinunzja għal pakkett finanzjarju ferm aktar tajjeb.

Bordijiet tal-Gvern – persuni maħtura

Question

Tista' l-Ministru tagħti t-total , kif ukoll b’mod separat, tan-numru ta' nisa u n-numru ta' rġiel li ġew maħtura s'issa mill-Gvern preżenti fuq il-bordijiet tal-Gvern fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kif tindika t-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sa issa 21 persuna ġodda ġew maħtura fuq bordijiet taħt id-dekasteru li minnhom tmienja (8) huma nisa.

Ħaddiema taċ-ċivil — telework

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm ħaddiema taċ-ċivil fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha illi kienu qegħdin fuq teleworking sal-31 ta' Mejju 2013? Kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li sal-31 ta’ Mejju 2013 kien hemm 22 ħaddiema taċ-ċivil fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi li qegħdin fuq teleworking. Minn dawn hemm 21 nisa u raġel wieħed.
Leg 12 PQ #3073 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

avviżi ta' kontravenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il avviż ta' kontravenzjoni (mhux tickets) inħarġu mill-gwardjani lokali u mill-Pulizija separatament bejn il-15 ta' Marzu 2012 u l-15 ta' Ġunju 2012 f'Malta u Għawdex?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Pannelli – ħlas dovut

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jitħallsu l-ħlas dovut lilhom dawk il-persuni li wara li jinstallaw il-pannelli, minflok ikollhom iħallsu l-kont tad-dawl, ikollhom ħlas dovut lilhom? Kull kemm żmien qed joħroġ dan il-ħlas u kif jista’ persuna hekk intitolata għall-ħlas japplika għal dan il-ħlas?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-regulazzjonijiet tal-2010 (subsidiary legislation 423.46) li hija fuq feed tarrifs ġġenerati mill-fotovoltaici, ssemmi r-refunds fi klawzola 8. Fuq stallazzjonijiet ta' Kapaċità taħt 100kWp, persuni li jkollhom ħlas dovut lilhom, jistgħu jibagħtu korrispondenza bil-miktub lill-ARMS Ltd biex jingħataw l-kreditu dovut lilhom fuq il-kont permezz ta' cheque jew inkella l-kreditu jista' jiġi trasferit fuq kont ieħor. Dan il-kreditu jista' jintalab lura wara erbgha billing periods. Bħalissa billing period wieħed għall-kontijiet fotovoltaiċi hu ta' sitt xhur. Għal ċirkustanzi speċjali, jiġi kkunsidrat set off waqt l-ewwel erbgħa billing periods. Fuq stallazzjonijiet ta' kapaċità akbar minn 100kWp, dawn jidħlu f'arranġament mal-Enemalta għal set off jew pagamenti tal-kreditu.

Il-Mellieħa – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta u minn min hu mistenni li jsir ix-xogħol meħtieġ fi: a) Triq il-Wied ta’ Ruman b) Triq Għarukaza u toroq oħra fl-inħawi tal-Mellieħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ ffurmar ta’ Triq il-Wied ta’ Ruman sar min-naħa tal-iżviluppatur skont l-obbligi legali tiegħu. L-asfaltar ta’ parti ta’ din it-triq li qatt ma saret, taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Transport Malta. Ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-parti ffurmata ta’ Triq Għar u Casa sar min-naħa ta’ Transport Malta s-sena l-oħra. Il-parti l-oħra ta’ din it-triq għadha ma ġietx ffurmata minn min kellu l-obbligu legali li jiffurmaha. L-iżviluppaturi ta’ din it-triq ma wettqux l-obbligi legali tagħhom u għalhekk din it-triq għadha taħt ir-responsabbilta’ tagħhom. It-toroq residenzjali l-oħra li ser jiġu mibnija mill-ġdid, u li jagħmlu parti mill-programm tax-xogħlijiet li għaddej bħalissa huma elenkati hawn taħt: 1. Bħalissa għaddej ix-xogħol fi Triq bejn Triq il-Mellieħa u Triq Dun Manwel Grima, Mellieħa. 2. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fi Triq it-Trill qiegħed fil-pjan kurrenti ta’ Transport Malta. Fill-fatt, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq din it-triq u għandu jitlesta fil-futur qarib. 3. Ix-xogħol fi Triq il-Qasab ġie aġġudikat u għandu jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin. 4. Bħalissa qed isir ix-xogħol preparatorju ta’ Triq il-Qortin sabiex tinħareġ sejħa għall-offerti. Sakemm ma jinstabux problemi li l-Awtorita’ ma tkunx tista’ ssolvi u sakemm l-obbligi kollha tal-iżvilipputari huma mwettqa, huwa ppjanat li tinħareġ is-sejħa għall-offerti f’ Settembru sabiex x-xogħol ikun jista’ jinbeda lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Il-Ministeru tiegħi, wara konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali, qed jippjana il-programm tax-xogħlijiet li jmiss.
Leg 12 PQ #3124 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Ministeru għall-Finanzi

VAT fuq xiri ta’ hearing aids

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-batteriji għall-hearing aid issa hux jitħallas VAT fuqhom meta jinxtraw?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li batteriji għall-hearing aid titħallas il-Vat fuqhom meta jinxtraw, mhux biss issa iżda sa minn meta ilu fis-seħħ l-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.

Aċċess għat-tfal

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet f’dawn l-aħħar ħames snin fejn missirijiet ġie sospiż lilhom l-aċċess għat-tfal? Kemm kien iż-żmien tal-aċċess f’kull każ?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

L-Imdina — karozzini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzini li wieħed isib barra l-Imdina joperawx taħt xi forma ta’ permess u jekk iva, liema hija l-awtorità kompetenti li ħarġet tali permess, u x’inhuma l-kundizzjonijiet li bihom joperaw?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi l-karozzini huma liċenzjati minn Transport Malta skont l-Ordinanza dwar ir-Regolamenti tat-Traffiku (Kap. 65). Din l-Ordinanza tistipula li dawn il-vetturi jistgħu ikunu esposti għall-kiri u jistgħu jinstaqu biss minn persuni li tkun inħarġitilhom karta tal-identita’ (tag) minn Transport Malta. Minbarra dan għandhom ikunu mgħammra bi pjanċi li juru n-numru ta’ reġistrazzjoni. Transport Malta toħroġ karti tal-identita’ (tags) għas-sewqan tal-karozzini lil persuni li hi tkun tqis ta’ kondotta tajba u li jkunu attendew taħriġ fuq is-sewqan taż-żwiemel li hu organizzat mill-Kavallerija tal-Pulizija. Dawn is-sewwieqa huma wkoll meħtieġa jattendu taħriġ fuq ir-relazzjoni mal-klijenti. Apparti dan, l-operat tal-karozzini ġewwa l-Imdina hu permess skont ir-Regolamenti dwar Restrizzjoni ta’ Dħul u Passaġġ ta’ Vetturi fl-Imdina (L.S. 65.27).