Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel ġodda żgħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kif il-fatt li se jibni skejjel iżgħar se jaffetwa n-numru ta’ skejjel fil-pajjiż? Kemm hawn skejjel tal-istat bħalissa u kemm se jiżdiedu dawn b’effett tad-deċiżjoni ta’ introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar u ta’ middle schools?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li hawn 107 skola tal-istat. Il-pjan ta' bini u tqassim ta' skejjel għadu qed jiġi studjat.

Introduzzjoni ta’ middle schools

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ħjiel ta’ kemm se tiswa f’dik li hija spiża kapitali u rikorrenti fis-sena l-introduzzjoni tal-middle schools?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li skola ġdida biex tinbena tiswa madwar €8 miljuni. Il-middle schools se jkollhom popolazzjoni ta' madwar 500 student. B'hekk wieħed irid jipprovdi r-riżorsi umani u dawk materjali għal dan in-numru ta' studenti.

Introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ħjiel ta’ kemm se tiswa f’dik li hija spiża kapitali u rikorrenti fis-sena l-introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-ispiża kapitali u rikorrenti tkun skont id-daqs tal-iskola. Binja ġdida s'issa kienet tiswa madwar €8 miljun. Ir-rikorrenti ta' skola prinċipalment jaqgħu taħt pagi ta' ħaddiema, utilitajiet, materjal u proviżjonijiet, trasport, taħriġ, eċċ... L-ammont ta' spiża rikorrenti ta' kull skola jinħadem skont il-popolazzjoni tal-iskola. Kull skola għandha popolazzjoni differenti.

Introduzzjoni ta’ middle schools

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta hu fil-ħsieb li jidħol l-kuncett ta’ middle school?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-ewwel proġett pilota ta' middle school fil-qasam statali se jiġi fis-seħħ f'Settembru 2013. Il-middle schools fil-qasam indipendenti ilhom jeżistu mill-inqas 25 sena.

Introduzzjoni ta’ middle schools

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li se jkun hemm middle school waħda għal kull kulleġġ tal-Istat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-ħsieb hu li jkun hemm Middle School f'kull Kulleġġ tal-Istat.
Leg 12 PQ #3186 Sitting 43 2013-07-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Servizz tas-Saħħa mentali fil-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern biex tul din is-sena jkompli jespandi is-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li d-dipartiment huwa kommess li jkompli jikkonsolida s-servizzi eżistenti għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali fil-komunità.
Leg 12 PQ #3187 Sitting 43 2013-07-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Karmeli – Flats għal persuni bi problema ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk minn Marzu sal-lum l-Awtorità tad-Djar għaddietx xi flats lill-Isptar Monte Karmeli biex fihom jiġu allokati u integrati lura fil-komunità persuni bi problemi ta’ saħħa mentali?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li minn Marzu sal-lum l-Awtorità tad-Djar ma għaddietx flats lill-Isptar Monte Karmeli, biex fihom jiġu allokati u integrati lura fil-komunita persuni bi problemi ta’saħħa mentali.

Residenza San Vinċenz de Paul – job experience għal persuni b’diżabilità

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2888, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna bi bżonnijiet speċjali attendiet għal job experience fl-iskema mħaddma mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) fl-Entertainment Section (jew Active Ageing) tar-Residenza San Vinċenz de Paul f’kull jum minn Marzu sa’ Ġunju, jum b’jum?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm żewġ persuni b’diżabiltà li kienu jieħdu esperjenza ta’ xogħol f’dik li kienet magħrufa bħala l-Entertainment Section tal-SVPR. Informata li dawn komplew jieħdu din l-esperjenza fl-Active Ageing Unit.

Residenza San Vinċenz de Paul – transfers lill-ħaddiema fl-Activity Centre

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu transfers lill-ħaddiema fl-Activity Centre fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn wara l-elezzjoni ’l hawn? X’inhu l-grad ta’ kull ħaddiem li nħariġlu transfer? Kemm minn dawn il-ħaddiema talbu huma li jiġu trasferiti mill-Activity Centre?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab informata li wara li ġie xolt l-Activity Centre, l-impjegati li kienu f’din it-taqsima ġew assenjanti f’sezzjonijiet oħrajn tal-Isptar San Vinċenz de Paul. Dawn l-impjegati kienu fil-gradi ta’ enrolled nurse, nursing aide, part-time enrolled nurse, social assistant u staff nurse.

Buġibba – water park

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jerġa’ jibda jopera l-water park f'Buġibba? Jista' jagħti tagħrif dwar f'liema ħinijiet tal-ġurnata hu mistenni li jibda jkun miftuħ dan il-park, u f'liema perijodu se jkun hekk miftuħ?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kariga ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-kariga tal-individwu, is-salarju u benefiċċji oħra li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament qabel l-1 ta’ Ġunju 2013 u dik ta’ wara l-1 ta’ Ġunju 2013? Tista’ tgħid jekk dan l-individwu llum għandux responsabbiltajiet differenti minn wara l-1 ta’ Ġunju 2013 minn dawk ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju? Jekk differenti, tista’ tgħid jekk ħarġitx talba interna biex timtela’ din il-pożizzjoni, u jekk le fuq liema kriterji ġie magħżul dan l-individwu?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kariġa, salarju u benefiċji oħra ta’ l-individwu li d-dettalji tiegħu intbagħtu separatament, huma l-istess illum bħal ma kienu qabel l-1 ta’ Ġunju 2013. Għal dik li hi responsabilta, bħalissa dan l-individwu qiegħed jassisti liċ-chair il-ġdid billi l-persuna li kienet tassisti liċ-Chair ta’qabel kellha it-talba tagħha għal-transfer approvata ftit żmien qabel inħatar iċ-Chair il-ġdid.

Djar tal-anzjani tal-gvern – standards

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma dawk id-djar tal-anzjani li l-Gvern qed jixtri s-servizzi mingħandhom f’dik li hi akkomodazzjoni għall-anzjani? Tista’ tassigura lil din il-Kamra li kull dar imsemmija taderixxi mal-istandards rikjesti mil-liġi u mid-dipartimenti kkonċernati kemm f’dak li huwa servizzi u staff to resident ratio? Tista’ tassigura lil din il-Kamra li ħaddiema fid-djar li l-Gvern qed jixtri s-servizz tagħhom qed jingħataw il-kundizzjonijiet tax-xogħol rikjesti mil-liġi?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab informata li l-Gvern preċedenti daħal fi ftehim kuntrattwali ma’ disat idjar privati biex jixtri s-servizzi inkwistjoni. Dawn huma Roseville, Casa Arkati, Villa Messina, Central Home, Casa Serena, Holy Family, Casa Leone, Sant’Anna u Dar Sawra. Fir-rigward tal-assigurazzjoni li qed titlob l-Onor. Interpellant dwar l-istandards, ninformaha li sallum jeżistu biss linji gwida u ma jeżistu ebda liġijiet li jridu jaderixxu magħhom l-operaturi tad-djar tal-anzjani privati. Fin-nuqqas ta’ dan, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u l-Anzjanità Attiva beda jaħdem b’mod immedjat biex jindirizza dan in-nuqqas serju u waqqaf working group biex ifassal sett ta’ ligijiet amministrattivi għad-djar tal-anzjani fil-komunità. B’dan il-mod se nkunu qed nassiguraw li ntejbu s-servizzi li qed jiġu offruti lill-anzjani tagħna f’dawn ir-residenzi. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol offruti lill-ħaddiema, dan il-Gvern diġà wera bil-fatti li jinsab kommess li jiġġieled bis-serjetà x-xogħol prekarju. Fir-rigward tal-ħaddiema fid-djar tal-anzjani privati, id-Dipartiment tal-Anzjani u l-Kura fil-Komunità mgħandux is-setgħa li jindaga fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema. Dan għall-fatt li mhuwiex involut fil-kuntratti tal-impjieg tal-impjegati f’dawn id-djar.

MCCAA – chairman

Question

Tista’ l-Ministru tgħid lill-Kamra fiex jikkonsisti l-kuntratt, is-salarju, perkaċċi u benefiċċji oħra taċ-chairman preżenti tal-Awtorità inkluż ukoll onorarji kollha li għandu minn pożizzjonijiet oħra barra dik ta’ chairman tal-Awtorità? X’kwalifiki għandu ċ-chairman taħt l-Awtorità, u tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt taċ-chairman tal-Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Kuntratt taċ-Chair il-ġdid tal-MCCAA huwa ekwivalenti għal dak ta’ Segretarju Permananti. Dan jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta jkun iffirmat. Fil-preżent iċ-Chair ma jokkupa l-ebda kariga oħra ġewwa jew barra minn din l-Awtorita apparti dawk stipulati taħt l-Att tal-2011 dwar l-Awtorita ta’Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jispeċifika xi kwalifiki għandu ċ-Chair preżenti.

Servizz tat-trasport pubbliku – żieda fir-rotot

Question

Billi kien hemm dikjarazzjonijiet pubbliċi li setgħu jinfthiemu li se jkun hemm żieda fin-numru ta' karozzi tal-linja li se jkunu qed jintużaw mill-Arriva fuq ir-rotot pubbliċi, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' karozzi li kellhom jintużaw skont il-ftehim mal-Gvern, kemm hu n-numru ta' karozzi li qed jintużaw bħalissa, u b'kemm hu mistenni li jiżdied in-numru ta' karozzi li se jkunu fuq ir-rotot?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont il-ftehim iffirmat nhar il-20 ta’ Novembru 2010 bejn Transport Malta, il-Gvern ta’ Malta u l-Operatur (Arriva Malta) in-numru ta’ karozzi li kellhom jintużaw ma kellux ikun anqas minn 264 u li żdied għal 285 karozza skont l-emenda fil-kuntratt li ġie ffirmat nhar is-26 t’April 2012. Għalkemm ir-riforma fit-trasport pubbliku kienet meħtieġa, madanakollu inħolqu aspettattivi għoljin ħafna, saru ħafna żbalji u ir-riforma ġiet implimentata b’mod mgħaġġel wisq bil-konsegwenza li ir-riforma ma kienetx suċċess, tant li l-effetti negattivi għadhom jinħassu sal-lum. Għalhekk qed isiru laqgħat ta’ kuljum ma’ rappreżentanti tal-operatur ewlieni, l-Arriva, sabiex isir titjib fis-servizz u fir-rotot.

Transport Malta – impjegati fl-uffiċċju taċ-Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-karigi, nomenklatura, ir-responsabbiltajiet u kemm qed jitħallsu inkluż xi perkaċċi, ta’ dawk l-impjegati li qed jaħdmu fl-uffiċċju taċ-chairman ta’ Transport Malta? Barra minn hekk, xi promozzjonijiet (inkluż in-nomenklatura) oħra ngħataw fi Transport Malta mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum u x’responsabbiltajiet iġorru tali promozzjonijiet? X’pagi u perkaċċi jġorru magħhom dawn il-promozzjonijiet? Meta nħatru f’dawn il-karigi (inklużi promozzjonijiet) u x’kienet il-paga ma’ Transport Malta ta’ kull persuna qabel ma nħatru fil-kariga preżenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karigi, nomenklatura, responsabbiltajiet u kemm qed jitħallsu inkluż perkaċċi l-impjegati li qed jaħdmu fl-uffiċċju taċ-Chairman ta’ Transport Malta huma murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għall-bqija tal-mistoqsija ma ngħataw l-ebda promozzjonijiet fi Transport Malta mid-9 ta Marzu 2013 sal-lum.

Transport Malta — transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il transfer ingħata f’Transport Malta minn Marzu 2013 sa issa? Lil min ingħatat kull transfer, xi transfer saret u x’kienet ir-raġuni wara kull transfer?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sa issa kien hemm ċaqlieq ta’ 10 persuni fi Transport Malta kif indikat hawn taħt. Sar ċaqlieq ta’ persuna waħda fuq talba tal-impjegat inniffsu. 5 ċaqliqiet oħra saru bi qbil mal-ħaddiema. 4 ċaqliqiet saru minħabba ir-rijorganizzazzjoni tas-Sezzjoni fejn kienu jaħdmu.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali — Konsulenti u Kumitati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2492 jista’ l-Ministru jgħid min hu l-konsulent ewlieni li ġie maħtur bejn it-8 ta’ April u s-7 ta’ Mejju 2013? Jista’ jgħid ukoll jekk inħatrux konsulenti oħrajn wara s-7 ta’ Mejju? Jekk iva, min huma u x’inhuma l-kundizzjonijiet tagħhom skont kif ġew mitluba fil-mistoqsija parlamentari 2492?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata hu Is-Sur Paul Mifsud. Ma nħatrux konsulenti oħrajn fi ħdan il-Ministeru wara s-7 ta’ Mejju.

San Ġwann — proġett ta' Ċentru Ċiviku u Ġnien Pubbliku

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 296, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux kommess li dan il-proġett jitkompla u jitlesta? Jista’ jikkonferma li hemm baġit u flus allokati biex dan il-proġett ikun konkluż?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-progett imsemmi kien inbeda u nħargu xi tenders għalih mill-Amministrazzjoni preċedenti. Dawn it-tenders kienu nħargu mingħajr ma ntlaħaq ftehim biex jiċċaqlaq il-Klabb tal-Boċċi ta' San Gwann li jokkupa parti sostanzjali mill- area proposta għall-proġett. Mill-verifiki li saru jirriżulta li dan il-Klabb tal-Boċċi għandu konċessjoni mill-Gvern fuq l-art u t-tmexxija tal-faċilitajiet tal-Klabb li tagħlaq f'Ottubru tal-2016. Minkejja li kienu mibnija faċilitajiet ġodda għal dan il-Klabb tal-Boċċi f'sit ieħor f'San Gwann, dawn mhumiex interessati li jitliqu mis-sit eżistenti. Ninsab infurmat li ma kienx hemm fondi allokati għas-sena 2013 mill-Gvern preċedenti biex isir dan il-proġett.

San Ġwann – Klabb tal-Boċċi

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’se jsir mill-klabb tal-boċċi l-ġdid li nbena fl-inħawi ta’ Taż-Żwejt fil-limiti ta’ San Ġwann u bħalissa jinsab abbandunat? Huwa infurmat il-Ministru li hemm żgass u dan il-post il-ġdid qed ikun vandalizzat? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx target date meta se jkun lest dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li deċiżjoni finali għad trid tittieħed. Saru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali bil-għan li dan il-post jinstab użu xieraq għalih billi il-pjan preċedenti li il-klabb tal-boċċi jimxi għal dan il-lok sar qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali mingħajr ma kien intlaħaq ftehim mal-klabb imsemmi.