Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar tal-anzjani – trasferiment ta’ ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu transfers ta’ staff mid-djar tal-anzjani mill-elezzjoni ’l hawn? X’inhu l-grad ta’ kull ħaddiem li nħariġlu transfer? Minn liema djar tal-anzjani, u fejn intbagħat jaħdem kull ħaddiem?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-trasferimenti li saru mid-djar tal-anzjani mill-elezzjoni ‘l hawn.
Leg 12 PQ #3460 Sitting 45 2013-07-03 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ex segretarji permanenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2894, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma jagħmlu eżatt iż-żewġ segretarji permanenti li ma kenux irriżenjaw u li xorta tneħħew minn segretarji permanenti u li fir-risposta tiegħu qal li qed jaqdu responsabbiltajiet fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastuttura u fil-Ministeru għat-Turiżmu? X’responsabiltajiet qed jaqdu eżattament u x’xogħol qed jagħmel kull wieħed minn dawn iż-żewġ ex segretarji permanenti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija f’dan ir-rigward lill-Ministri kkonċernati.
Leg 12 PQ #3461 Sitting 45 2013-07-03 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Karmeli — bord

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid minn min hu magħmul il-bord il-ġdid tal-Isptar Monte Karmeli?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din l-mistoqsija tingħata f’xi seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – xogħlijiet strutturali u ta’ refurbishing

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2890, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma x-xogħlijiet li qed isiru fil-blokk ewlieni fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Fiex jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet? Tista’ l-Ministru tagħti d-dettalji ta’ kull biċċa xogħol li qed issir?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-blokk ewlieni fl-Isptar San Vinċenz de Paul, liema xogħlijiet qegħdin isiru wara telqa’ ġenerali ta’ ħames snin.

Is-Selmun – Dawl tat-triq mitfi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni għaliex, b’mod regolari, fil-ħinijiet ta’ filgħaxija d-dawl (street lighting) fit-telgħa ta’ Selmun qed ikun mitfi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istreet lighting tat-telgħa ta' Selmun kien ġie rranġat fit-12 ta' Ġunju,2013. Ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta, il-bieraħ 4 ta' Lulju marru jiċċekkjaw fuq il-post u kkonfermaw li d-dawl imsemmi qed jixgħel. Sal-lum il-Korporazzjoni Enemalta ma rċeviet ebda rapport ieħor fuq din il-ħsara.

Ftehim ma’ għaqdiet sportivi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2993, jista’ l-Ministru jgħid allura x’qal fil-verità s-Segretarju Parlamentari fil-laqgħa msemmija ġaladarba kien indikat fir-risposta li ġie kkwotat ħażin? Jekk fil-verità ġie kkwotat ħażin, saret kjarifika mal-mezzi tax-xandir dwar dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li s-Segretarju Parlamentari ikkritika lill-Gvern preċedenti għall-mod kif iffirma l-memoranda ta’ ftehim bl-għaġġla, bla studju jew ippjanar, u mingħajr ma tqiesu sew l-interessi tal-għaqdiet sportivi. Huwa semma għaqdiet benefiċjarji li lmentaw miegħu li mhumiex f’pożizzjoni li jużaw l-artijiet inkwistjoni b’mod sostenibbli. Huwa għamilha ċara li l-mod kif se jimxi dan il-Gvern huwa li jaħdem ma’ dawn l-istess l-għaqdiet sabiex ma tintilef l-ebda opportunità li minnha jistgħu jgawdu d-dilettanti sportivi.

Tneħħija ta’ Bendy buses

Question

Jista` l-Ministru jikkonferma jekk itteħditx id-deċiżjoni li jitneħħew bendy busses minn xi rotot fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta? Jista’ jgħid kemm ġew jiswew it-tibdiliet li saru fuq rotot tas-servizz pubbliku fl-aħħar ġimgħat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm pjan li jinkludi t-tneħħija gradwali tal-vetturi tat-tip articulated minn rotot fejn hu evidenti li qegħdin joħolqu l-konġestjoni. Dan sejjer isir bħala parti mill-eżerċizzju biex jittejjeb is-servizz tat-trasport pubbliku fl-aħjar interess tal-pubbliku u wara diskussjonijiet intensivi mal-operatur. Infurmat ukoll li t-tibdiliet li ġew implementati fit-30 ta’ Ġunju 2013 ma kellhom ebda impatt fuq is-sussidju tas-servizz tat-trasport pubbliku u għaldaqstant it-tibdiliet ma ġew jiswew xejn.

Il-Mellieħa – Triq Wied Ruman – sistema tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se titkompla s-sistema tad-drenaġġ fit-Triq Wied Ruman fil-Mellieħa? Huwa konxju li dan in-nuqqas qed jikkawża problemi mhux żgħar lil numru ta’ residenti li jgħixu fil-parti t’isfel ta’ din it-triq?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif hu ppjanat u filfatt diġà beda l-proċess biex is-sistema tad-drenaġġ titkompla fit-triq imsemmija.
Leg 12 PQ #3486 Sitting 45 2013-07-03 Oral · Interim From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar – pjan lokali

Question

Fid-dawl tal-fatt li għaddej il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar bdil fil-pjan lokali, jista` l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jikkunsidra bdil f`dan il-pjan fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar? Jekk iva, dawn jinkludu ukoll ż-żoni urbani?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f’xi seduta oħra.

Għaqdiet Sportivi – sidien tal-art

Question

B'referenza għall-artiklu li deher fuq l-ewwel u t-tielet paġna tat-Torċa ta' nhar il-Ħadd 30 ta' Ġunju u rapport imxandar fuq One News dwar l-istess artiklu, jista' l-Ministru jgħid min fil-Kunsill Malti għall-Isport huwa responsabbli li jagħmel riċerka fuq l-artijiet, fosthom biex ikun stabbilit min hu sid l-art, qabel dawn jgħaddu għand l-għaqdiet sportivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li meta tiġi segwita korrettament, il-proċedura biex art tgħaddi għand għaqda sportiva hija kif se nsemmi: 1. L-għaqda sportiva innifisha tkun identifikat is-sit jew qablet mal-Kunsill Malti għall-Isport li s-sit identifikat huwa wieħed adekwat għall-użu sportiv tal-għaqda sportiva in kwistjoni. 2. Il-Kunsill Malti għall-Isport jagħmel talba lid-Dipartiment tal-Artijiet biex is-sit in kwistjoni li jkun jidher fuq il-pjanta provduta mill-organizzazzjoni sportiva innifisha, jiġi mgħoddi lill-Kunsill Malti għall-Isport bħala Sports Designated . 3. Id-Dipartiment tal-Artijiet jagħmel ir-riċerki u proċessi kollha meħtieġa, inkluż imma mhux limitat għal jekk is-sit in kwistjoni huwiex propjeta’ tal-Gvern, jekk huwiex okkupat minn ħaddieħor u affarijiet relatati oħra bħal qwiebel, eċċ. biex jiddetermina jekk din l-art tistax tgħaddi għand il-Kunsill Malti għall-Isport. 4. Sussegwenti għall-proċess kollu, joħroġ Avviż Legali li jkun qed jiddikjara s-sit deskritt fl-istess Avviż Legali u fil-pjanta ppublikata mal-istess Avviż Legali bħala propjeta’ tal-KMS u li qed tiġi ddikjarata bħala Sports Designated . Dan l-Avviż Legali ma jkunx preparat mill-Kunsill Malti għall-Isport. 5. Wara li l-Kunsill Malti għall-Isport jiġi infurmat illi s-sit għadda għandu, l-istess Kunsill jibda l-proċess biex jittrasferixxi s-sit għand l-għaqda sportiva. 6. Wara li jiġi abbozzat kuntratt minn Nutar Pubbliku, dan jiġi ffirmat mill-Kunsill Malti għall-Isport u l-għaqda sportiva, fejn sussegwentement jiġi intavolat mis-Segretarju Parlamentari fil-Parlament għall-iskrutinju tal-Membri Parlamentari, fejn idum aċċessibli għal tali skrutinju għal 28 ġurnata. Wara l-iskadenza ta’ dan il-perjodu, il-kuntratt jidħol fis-seħħ. Għaldaqstant l-ebda persuna fil-Kunsill Malti għall-Isport mhi responsabbli tagħmel riċerka fuq l-artijiet, fosthom biex ikun stabbilit min hu sid l-art, qabel dawn jgħaddu għand l-għaqdiet sportivi. Dan minħabba l-fatt li dak ix-xogħol isir mid-Dipartiment tal-Artijiet.
Leg 12 PQ #3494 Sitting 45 2013-07-03 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Is-Siġġiewi (Salib tal-Għolja) — restawr tal-kappella

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3120 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1255 u 1688, jista’ l-Ministru jindika l-persuna kkonċernata fi ħdan il-Ministeru tiegħu li lilha għandha ssir it-talba formali għar-restawr tal-Knisja tal-Għolja fis-Siġġiewi?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba formali għar-restawr tal-Kappella tas-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi tista’ ssir lil Ministeru direttament.

Pensjoni tar-romol – każ ta’ persuna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għala l-pensjoni tar-romol li tingħata lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament se titwaqqaf għax għandha tifla li għadha tistudja iżda li ħa tgħalaq 21 sena?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #3505 Sitting 45 2013-07-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – applikazzjonijiet għal security officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mis-sejħa għall-applikazzjonijiet għal security officers fil-Ministeru tas-Saħħa li kienet inħarġet is-sena li għaddiet u li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-Bord tal-Għażla qed jiffinalizza r-rapport tiegħu sabiex ikun jista’ jimxi l-proċess tal-ingaġġ.

Benefiċċji soċjali — żidiet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3265 u tgħid x’zidiet fil-benefiċċji soċjali se jingħataw fil-ġranet li ġejjin? Kemm hu l-ammont globali ta’ din iż-żieda u kemm persuni se jibbenefikaw minnhom?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li z-zidiet saru fis-6 ta’ Lulju u ngħataw lil dawk il-familji li jirċievu l-Allowance għat-Tfal u jgħixu bil-paga minima nazzjonali u lil dawk il-persuni li laħqu l-età ta’ 65 sena, qegħdin f’riskju ta’ faqar u jirċievu l-Għajnuna Supplimentari. Skont l-informazzjoni miġbura jirriżulta illi bil-mizura għall-Allowance għat-Tfal għandhom jibbenefikaw madwar 4,095 familja bi spiza globali ta’ madwar €475,000 filwaqt illi bil-mizura tal-Għajnuna Supplimentari għandhom jibbenefikaw 4,512 persuni bi spiza globali ta’ madwar €450,000.
Leg 12 PQ #917 Sitting 44 2013-07-02 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Saħħa

Operazzjonijiet — timeframes ta' stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sa meta hu maħsub jew mistenni li l-Gvern ikun ħabbar iż-żmien massimu li wieħed għandu jistenna biex issirlu operazzjoni? X’timeframes ta’ stennija se jkun hemm għal liema interventi?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li qed isir studju tal-benchmarks internazzjonalment qabel jiġi stabbilit l- benchmarks tal-operazzjonijiet fuq bażi lokali. Dawn flimkien mal-Costings tal-proċeduri tal-isptar għandhom ikunu definiti sa’ l-aħħar ta’Ottubru li ġej. Ninsab infurmat ukoll li hemm għaddej proċess ta’ evalwazzjoni u konsultazzjoni sħiħa mal-professjonisti konċernati, sabiex jiġu stabbiliti protokolli, ħalli jkun hemm żmien speċifikat massimu ta’ stennija għall kull operazzjoni. Wieħed jifhem li dan l-eżercizzju ta’ volum kbir, delikat u ta’ mportanza kbira, u li għaldastant jirrikjedi fih innifsu li jsir b’kawtela iżda b’ritmu moderat, ħalli niżguraw illi ż-żmien ta’ stennija għall kull operazzjoni jkun f’’time frames’ ġusti u rejalistiċi. Kif tinġabar din l-informazzjoni kollha u jiġi finalizzat dan il-proċess, il-Ministeru tas-Saħħa jkun jista’ jagħti din l-informazzjoni kollha u sħiħa b’mod trasparenti sabiex kullħadd ikun infurmat. Ninsabu konvinti illi dak li ser jiġi stabbilit, lkoll flimkien kemm mal-professjonisti u ħaddiema kollha nvoluti, ser naraw li dawn il-miri jintlaħqu.

Immigranti irregolari — Ripartijazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ripatrijati immigranti irregolari? Jista' jagħti breakdown sena b'sena u b'pajjiż pajjiż għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #919 Sitting 44 2013-07-02 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Saħħa

Imwiet minn kanċer tal-pulmun

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu ċittadini Maltin u Għawdxin bil-kanċer tal-pulmun f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ każijiet ta’ mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta’ l-Imwiet li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minn kanċer tal-pulmun bejn l-2008 u l-2012 kienu tmien mija (800). Kien hemm mija u disa u erbgħajn (149) fl-2008, mija u tnejn u ħamsin (152) fl-2009,mija u disa u ħamsin (159) fl-2010,mija seba u ħamsin (1570 fl-2011 u mija tlieta u tmenien (183) fl-2012. Din l-informazzjoni tapplika għal residenti Maltin u Għawdxin.

Passaporti Diplomatiċi Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm passaporti diplomatiċi Maltin validi bħalissa? Kemm inħarġu sena b'sena matul l-aħħar Leġiżlatura?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ passaporti diplomatiċi Maltin validi bħalissa hu ta’ 432, li minnhom 383 inħarġu matul laħħar leġiżlatura u għadhom validi u 49 ħarġu bejn il-09 ta' Marzu 2013 u l-24 ta' Ġunju 2013. In-numru ta' passaporti diplomatiċi li nħarġu, sena b'sena, matul il-perijodu ndikat mill-Onor. Membru, kien dan: - Bejn il-08 ta' Marzu 2008 u l-31 ta Diċembru 2008 ħarġu 52 il-passaport diplomatiku, li minnhom 11 ma għadhomx validi - Bejn l-1 ta' Jannar 2009 u l-31 ta' Diċembru 2009 ħarġu 104 passaport diplomatiku, li minnhom 13 ma għadhomx validi - Bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2010 ħarġu 82 passaport diplomatiku, li minnhom 8 ma għadhomx validi - Bejn l-1 ta' Jannar 2011 u l-31 ta' Diċembru 2011 ħarġu 76 passaport diplomatiku, li minnhom 4 ma għadhomx validi - Bejn l-1 ta' Jannar 2012 u l-31 ta' Diċembru 2012 ħarġu 94 passaport diplomatiku - Bejn l-1 ta' Jannar 2013 u t-8 ta' Marzu 2013ħarġu 11 passaport diplomatiku

Skejjel pubbliċi — Rapporti dwar bullying

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm waslu rapporti għand il-Ministeru ta' każijiet ta' bullying fi skejjel pubbliċi f'dawn l-aħħar snin fil-livelli varji edukattivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra hemm in-numru ta' allegati każijiet ta' bullying li ġew irrapportati lis-Servizz ta' Kontra l-Ibbuljar li jagħmel parti mis-Safe School Programme fi ħdan is-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi matul dawn l-aħħar erba' snin waqt is-sena skolastika. Ninsab infurmat ukoll li f'dawn l-aħħar snin fl-MCAST ġie rrappurtat każ wieħed ta' bullying.
Leg 12 PQ #922 Sitting 44 2013-07-02 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pubblikazzjoni tal-iState of the Environment Report

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li jiġi ppubblikat l-iState of the Environment Report li jmiss?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Istate of the Environment Report li jmiss ser jiġi ppublikat wara li jitlestew il-fażijiet kollha meħtieġa ta' ġbir ta' data, informazzjoni u konsultazzjoni estensiva meħtieġa. Xogħol f'dan ir-rigward huwa għaddej. Din il-publikazzjoni se tkopri s-snin bejn l-2008 u l-2012.