Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2295 u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' infermiera li jaħdmu mal-Gvern u li bħalissa qed jattendu xi tip ta' postgraduate course f'Malta jew barra? F'liema speċjalizzazzjonijiet u fejn qed jistudjaw dawn l-individwi, u kemm hu t-tul tal-korsijiet li qed jattendu?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li hemm 63 infermier li jaħdmu mal-Gvern u li bħalissa qed jattendu xi tip ta’ postgraduate course f’Malta jew barra.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2300 u jgħid liema huma dawk il-karigi, li jaqgħu taħt il-ministeru, dipartimenti jew entitajiet tiegħu, li skont il-kuntratt marbut ma’ tali kariga, huma intitolati għal fully-expensed car u kemm hu l-ammont ta’ fuel li huma intitolati għalih kull xahar? Kemm hemm uffiċjali li għażlu li jieħdu l-allowance relattiv, u kemm hu dan l-allowance f`kull każ?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2309 u jgħid kemm hu l-ammont ta’ pagamenti pendenti li l-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu jridu jħallsu għal xiri ta’ prodotti u materjal, servizzi kif ukoll xogħlijiet?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’pagamenti pendenti li baqgħu jagħqu taħt il-Ministeru tas-saħħa u d-dipartimenti jew entitajiet tiegħu, jammonta għal €46,815,586.10.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji mitluba.
Sptar Mater Dei — Lista ta’ stennija għall-operazzjonijet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2310 u għid kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jistennew intervent u/jew operazzjoni fl-Isptar Mater Dei, u jagħti n-numru ta’ pazjenti skont kull kategorija ta’ intervent mediku? Jista’ jagħti informazzjoni dwar kemm hemm pazjenti li ilhom jistennew: Bejn 3 u 6 xhur; bejn 7 u 12-il xahar; bejn 13 u 24 xahar; bejn 25 u 36 xahar; u aktar minn 36 xahar?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li qegħdin jistennew intervent/jew operazzjoni fl-Isptar Mater Dei skont l-intervent/operazzjoni għal kull kategorija ingħata fil-mistoqsija parlamentari nru. 1068 fit-22 ta’ Mejju 2013. In-numru ta’ interventi maqsumin skont id-dipartiment u x-xhur ta’ stennija jinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun l-ispiża fil-ġimgħa biex titmexxa l-klinika għall-mard tal-kliewi li nfetħet fiċ-ċentru tas-saħħa ġewwa Ħal Qormi? Kemm kien hemm appuntamenti bbukkjati fl-ewwel żewġ sessjonijiet, u kemm pazjenti attendew għall-appuntament?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li biex infetħet u qed titmexxa il-Klinika għall-Mard tal-Kliewi fiċ-ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Qormi, id-dipartiment ma nefaq xejn għax intużaw l-istess riżorsi li kienu ġa eżistenti.
Klinika tal-Mard tal-Kliewi – Appuntamenti u Konkorrenza
Data
Appuntamenti
Attendew
06/06/2013
4
3
13/06/2013
5
5
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2811, tista’ l-Ministru tagħti d-dettalji ta’ kemm pazjenti ġew ammessi fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn postijiet oħra bħall-Isptar Karin Grech, djar tax-xjuħ u mill-komunità, u tagħti d-dettalji dwar il-lokalità tar-residenza tal-istess pazjenti (il-lokalità ta’ residenza hekk kif imniżżla fl-ID card).
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-performance report tas-supply teachers mhux se jibqa' jsir mis-surmast kif kien isir qabel iżda se jibda jsir minn uffiċjal tad-Dipartiment? Għaliex se ssir din il-bidla?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-performance reports tas-Supply Teachers se jibqgħu jsiru mill-Kap tal-Iskola li fiha jservi s-Supply Teacher kkonċernat u għandu jiġi endorsed mill-Prinċipal tal-Kulleġġ. Il-Kap tal-Iskola qed jintalab jikkunsidra l-opinjoni ta' Uffiċjal Edukattiv mid-Direttorat, f'każijiet fejn is-Supply Teacher qiegħed itemm it-tielet jew ir-raba' sena, u allura qed joqrob iż-żmien li fih jista' japplika għal kuntratt indefinit, kif ukoll f'każijiet fejn is-Supply Teacher jkun qed jimmanifesta xi diffikultajiet fil-qadi ta' dmirijietu. Huwa fil-każ ta' peripatetic Supply Teachers biss li l-proċess jitmexxa mill-Uffiċjal Edukattiv tad-Direttorat. Il-mod kif ġie mqassam it-template tar-rapport huwa strutturat u l-proċess jitlob li s-Supply Teacher ikkonċernat għandu jintwera r-rapport u jiffirma jekk jaqbilx jew le mal-parir tal-Kap tal-Iskola. Dan kollu huwa spjegat fiċ-ċirkolari nru. QAD 04/2013 li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-human resources management tas-supply teachers se jibda jsir mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u mhux mill-Kulleġġ fejn huma assenjati? Dan se jibda jfisser li t-transfers se joħorġu direttament mid-Direttorati, Dipartimenti jew mill-Ministeru skont l-esiġenza tas-servizz?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-ingaġġ u d-deployment tas-Supply Teachers dejjem sar mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Dan se jibqa' jseħħ. L-iskola tassenja l-għalliem il-klassi li se jgħallem. Il-proċess se jibqa' l-istess. It-transfers dejjem ħarġu skont l-esiġenzi tas-servizz, jiġifieri skont il-bżonnijiet tal-istudenti u l-iskola.
Tnaqqis fil-fondi allokati għall-human resources management ta’ supply teachers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif it-tnaqqis riċenti fil-fondi allokati lill-kulleġġi flimkien ma’ human resources management aktar ċentralizzat bħal fil-każ tas-supply teachers se jgħin il-kunċett ta’ awtonomija jikber fil-kulleġġi tal-Istat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li d-deployment tas-Supply Teachers dejjem sar mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u għalhekk mhux minnu li kien hemm xi bidla fejn dan il-proċess ġie ċentralizzat. Ma nbidel xejn fil-proċess. L-iskejjel ġew allokati l-fondi skont kif iddikjarat fl-estimi finanzjarji għal din is-sena u kif anki mressqa fl-Estimi għas-sena 2013 meta l-Onor. Interpellant kien jifforma parti mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol – kuntratt ta’ konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk minn Marzu sal-lum, il-Ministeru tiegħu jew xi dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu tawx xi kuntratti, konsulenzi jew xi forma ta’ xi xogħol ieħor lill-indivdiwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew lil xi kumpanija jew entità kummerċjali li huwa għandha sehem fiha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mid-dekasteru tiegħi, fil-perjodu msemmi, ma ngħatawx kuntratti u konsulenzi lill-individwu indikat mill-Onor Interpellant. Jiena ħtart lill-individwu fuq il-Financial Management Monitoring Committee u tajtu l-inkarigu jinnegozja mill-ġdid il-finanzjament għall-proġetti u x-xogħol għall-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada.
Qasam tad-Djar — xogħlijiet neċessarji fuq ċint ta' proprjetà tal-Gvern
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 1222 u tara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fuq ċint ta' proprjetà tal-Gvern (ġardina ta' qasam tad-djar), li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-roadmap tal-Gvern fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ir-roadmap tal-Gvern toħrog mill-programm tal-Gvern stess. Fil-fatt il-programm tal-Gvern iwitti t-triq tal-amministrazzjoni pubblika, kemm dik preżenti, riformi oħra fl-istess programm u kif ukoll oħrajn li jidhru li jkunu meħtiega u b’hekk jiġu evalwati f’ħidma waħda biex flimkien kemm l-amministrazzjoni pubblika fiha nnifisha u kemm iċ-ċittadin jieħu l-aħjar valur li jistgħu għall-flus li qed jinvestu jew iħallsu għal kull servizz.
Kummissarju kontra l-Burokrazija – tnaqqis ta’ burokrazija
Question
B’referenza għall-istqarrija li għamel meta ħabbar il-ħatra tal-Kummissarju Konrta l-Burokrazija, fejn spjega li l-Gvern se jnaqqas il-burokrazija b’25%, jista’ l-Prim Ministru jgħid kif qed jiġi kkalkulat dan il-benchmark u x’se tkun il-metodoloġija adottata f’dan ir-rigward?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li gvern ġdid qed jimmira li jnaqqas b’25% l-proċeduri burokratiċi eżistenti, b’użu aħjar ta’ sistemi ta’ ICT u billi fost miżuri oħrajn, inaqqas d-duplikazzjoni ta’ talbiet għall-informazzjoni u mili ta’ karti li ħafna drabi tintalab ripetutament minn dipartimenti u entitajiet differenti tal-Gvern.
Fl-istess ħin ser inkunu qed insaħħu u naċċelleraw il-proċess tal-konsolidament tal-funzjonijiet tad-dħul tal-Gvern, fosthom id-Dipartiment tat-Taxxi Interni, id-Dipartiment tal-VAT u d-Dwana f’ awtorità waħda u dan mingħajr ma jkun preġudikat id-dritt tal-privatezza taċ-ċittadin.
Infakkar ukoll lill-Onor Interpellant li matul dan is-sajf, il-Kummissarju Kontra l-Burokrazija se jkun qiegħed imexxi proċess ta’ konsultazzjoni li jinvolvi lill-konsumaturi, lill-komunita tan-negozju u lill-impjegati taċ-ċivil.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dettaljat dwar il-ħidma tal-Gvern fl-aħħar ħames snin fil-qasam tal-Better Regulation li kien jitmexxa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
B’refereneza għall-mistoqsija tal-Onor. Interpellant, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dwar il-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-Better Regulation li kien tmexxa mill-Management Efficiency Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti l-lista ta’ proprjetà tal-Gvern/Uffiċċju Konġunt li qed tintuża minn xi għaqdiet sportivi fil-lokalitajiet imsemmija: a) Belt Valletta; b) Ħamrun; ċ) il-Furjana; d) il-Pietà/Gwardmanġa; e) il-Marsa; f) Santa Venera? Għal kull proprjetà jista’ jgħid x’titlu għandhom, jagħti, d-data meta ngħatalhom it-titlu, it-terminu tat-titlu, kif ukoll il-lista ta’ kundizzjonijiet?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-proprjetà li jintużaw minn għaqdiet sportivi fil-lokalitajiet imsemmija ġiet trasferita lill-Kunsill Malti għall-Isport permezz tal-Att li jirregola l-Isport (Kapitlu 455), u peress li l-istess Kunsill jagħti titlu lil għaqdiet sportivi fuq dawn il-proprjetajiet, nitlob lill-Onorevoli Membru biex iressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Kunsilli lokali – użu ta’ front offices għas-servizzi tal-Gvern ċentrali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jħaddan politika li jintużaw il-front offices tal-kunsilli lokali biex jiġu pprovduti servizzi tal-Gvern ċentrali? Jekk iva, jista’ jgħid x’sar f’dan ir-rigward f’dawn l-aħħar mitt jum?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsill Lokali diġà qiegħdin joffru numru ta’ servizzi mill-front offices tagħhom.
Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.
Sadanittant ngħarraf li bħalissa għaddejin diskussjonijiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali sabiex nesploraw il-possibiltà ta’ servizzi oħra li l-Kunsilli Lokali jistgħu joffru mill-uffiċini tagħhom. Għadu prematur sabiex wieħed jasal għal xi konklużzjonijiet, iżda jekk fl-affermattiv din l-informazzjoni tiġi ippublikata.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-roadmap tal-Gvern fil-qasam tal-ekonomija u jista’ speċifkament jgħid f’liema setturi huwa maħsub li t-tkabbir ekonomiku jseħħ, u kif dan se jiġi ġġenerat?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ir-Roadmap tal-Gvern huwa l-programm elettorali li l-poplu ivvota għalih fid-9 ta’ Marzu. Dan il-Gvern huwa kommess li joħloq tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd, billi fost oħrajn jagħti prijoritajiet aħjar fin-nefqa tal-Gvern u naqtgħu burokrazija żejda li qegħdha tifni l-ekonomija Maltija. Dan il-Gvern qiegħed iħaddem politika mmirata li ssaħħaħ u tkabbar setturi importanti, primarjament dawn tan-negozji u s-self-employed, tas-servizzi finanzjarji, l-ekonomija diġitali, l-manifattura ta’ valur ogħla, l-qasam marittimu, it-turiżmu, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-oqsma relatati mal-enerġija nadifa u dik alternattiva, proprjeta’ ta’ livell u infrastruttura. Dan it-tkabbir ekonomiku huwa mistenni permezz ta’ diversi miżuri u skemi li ħa jkun u qiegħed jaddotta dan il-Gvern, fosthom start up tax credits, skemi bħal Jeremie Micro Credit, MicroInvest, B.Start, MicroGuarantee, użu aktar wiesgħa tal-Public Private Partnership, traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, working capital, Venture Capital funds, Business Angel funds, ċentru marittimu u bini u estensjonijiet ta’ marinas fost oħrajn.
Sptar Monte Karmeli — Minorenni bi problemi mentali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1118 u jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt it-18-il sena li ddaħlu l-Isptar Monte Karmeli jsofru minn problemi mentali kkawżati minn xi tip ta' abbuż?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li għalkemm l-Isptar Monte Karmeli iżżomm statistika tan-numru ta’ pazjenti li jidħlu flimkien ma’ djanjożi tagħhom ma teżistix statistika li turi fiċ-ċert l-kawża tas-sintomi li jippreżentaw dawn l-istess żaghżagħ.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — Deputy chief of staff/head of secretariat
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk għandux Deputy Chief of Staff/Deputy Head of Secretariat, u jekk iva min hi l-persuna li qed tokkupa dik il-pożizzjoni bħalissa fis-segretarjat privat tiegħu u/jew l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu fejn applikabbli?
Response (GRECH, LOUIS)
M'hemm l-ebda persuna li qed tokkupa l-kariga imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.