Legislature:
Category:
Reset
Active:

Clubs lokali tal-Football – għotja ta’ art pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ clubs tal-football Maltin u Għawdxin li ngħatatilhom art pubblika biex fuqha jkunu jistgħu jiżviluppaw u joperaw faċilitajiet sportivi tagħhom? Għal kull każ jista’ jgħid: a) l-isem tal- club /assoċjazzjoni; b) fejn jinsab is-sit; c) x’daqs (f’metri kwardi) fiha l-art; d) fiex jikkonsistu l-faċilitajiet; e) humiex qed jiġu wżati bħala faċilitajiet sportivi u jekk le għalxiex qed jintużaw; u f) meta ngħatalhom u b’liema titlu ngħatalhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Belt Valletta – proġetti kapitali/infrastrutturali mill-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fi proġetti kapitali/infrastrutturali fil-Belt Valletta mill-Kunsill Lokali fis-snin 2015 u 2016, u jagħti l-informazzjoni proġett proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt li mill-fondi tiegħu ma kkonkluda l-ebda proġett kapitali jew infrastrutturali fil-Belt Valletta fis-snin 2015 u 2016. Ngħarraf wkoll lill-Onor. Interpellant li l-kunsill għadu ma kkonkludiex l-istatement finanzjarju għal dawn is-snin, iżda jirriżulta li hu stmat li rreġistrata deficit qawwi minħabba proġetti tal-iskema ta’ Public Private Partnership li tnediet fi żmien amministrazzjoni preċedenti u li kienet ġiet ikkundannata, flimkien mal-Ministru responsabbli ta' dak iż-żmien, mill-Awditur Ġenerali. Dan wassal biex il-kunsill lokali ma jkun jista' jagħmel l-ebda proġett mill-fondi tiegħu biex jibda jirkupra minn din is-sitwazzjoni prekarja skont ma jitlob l-Att dwar il-Kunsilli Lokali.

Belt Valletta – proġetti kapitali/infrastrutturali b’rabta mal-Proġett V18

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fi proġetti kapitali/infrastrutturali fil-Belt Valletta bħala parti mill-Proġett tal-V18 fis-snin 2015 u 2016, u jagħti l-informazzjoni proġett proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Persuni barranin – permess ta’ residenza f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ persuni barranin li għandhom permess ta’ residenza biex joqogħdu f’pajjiżna u jaqsamhom skont in-nazzjonalità kif ukoll skont il-lokalità li huma residenti fiha?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – anzjani morda bin-Norovirus

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm anzjani fir-Residenza San Vinċenż de Paul li ġew affetwati bil-Norovirus fix-xahar ta' Diċembru li għadda? Jekk iva, jista' jgħid kemm kienu l-anzjani li kienu affetwati u f'liema wards kienu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-kazijiet li rrizultaw kienu fil-parametri tal-volum ta' kazijiet simili li jinqalgħu kull sena fil-perijodu indikat.

Il-Belt Valletta, Floriana, il-Ħamrun, il-Marsa, Gwardamangia/Pietà u Santa Venera – stennija għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jgħixu fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, Floriana, il-Ħamrun, il-Marsa, Gwardamanġia/Pietà u Santa Venera li qed jistennew li jidħlu fir-Residenza San Vinċenż de Paul, lokalità b'lokalita', b'mod separat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 199 anzjan jew anzjana li qed jistennew biex jidħlu f’waħda mid-djar tal-anzjani jew ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule, mill-lokalitajiet li qed issir referenza għalihom.

Il-Belt Valletta, Floriana, il-Ħamrun, il-Marsa, Gwardamangia/Pietà u Santa Venera – stennija għad-Djar tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jgħixu fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, Floriana, il-Ħamrun, il-Marsa, Gwardamanġia/Pietà u Santa Venera li qed jistennew li jidħlu f'xi Dar tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 29256.

Korp tal-Pulizija – ħatra ta’ Assistenti Kummissarji

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm il-ħsieb li jinħatru xejn inqas minn disa’ Assistenti Kummissarji fil-Korp tal-Pulizija? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-organigram tal-uffiċjali kollha li hemm bħalissa fil-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma nistax nikkonferma. Dwar l-organigramtal-uffiċjali, din titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra meta tkun approvata.

Kuntratt ta’ servicing lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-ġimgħat li għaddew ġie deċiż li jiġi mġedded kuntratt ta’ servicing lill-kumpanija li hija proprjetà u/jew li huwa involut fiha l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jekk fl-affermattiv jista’ jgħid kemm huwa l-valur tal-imsemmi kuntratt u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie deċiż li jingħata u/jew jiġi mġedded lil din il-kumpanija?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu u jindika għal liema kuntratt qed jirreferi biex tingħata risposta relattiva`.

Spetturi tal-Pulizija – CHOGM – ħlasijiet għall-overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont dovut lill-Ispetturi tal-Pulizija għall-overtime li għamlu waqt iċ-CHOGM u meta huwa mistenni li jsiru dawn il-ħlasijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23578.

Xagħra – Triq Marsalforn – xogħol

Question

B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 26094, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq Triq Marsalforn fix-Xagħra tkompliex? Jekk iva, meta tkompla u meta hu mistenni li jitlesta? Jekk ix-xogħol fuq din it-triq ma tkompliex, x’inhi r-raġuni u meta hu mistenni li jitkompla u jitlesta x-xogħol fuq din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li applika u rċieva finanzjament mill-iskema ‘Proġetti Speċjali fil-Lokalitajiet’ għat-tieni parti ta’ Triq Marsalforn. Ix-xogħol f’din it-triq mistenni jitkompla u jitlesta fil-futur qarib, u d-dewmien kien ikkawżat minħabba l-investigazzjoni li saret mill-Awditur Ġenerali dwar din il-iskema li damet madwar sena.
Leg 12 PQ #29540 Sitting 470 2017-01-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Twaqqif ta’ Kulleġġ ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar ġimgħat ġiex imwaqqaf Kulleġġ ġdid ma’ dawk li diġà kienu eżistenti? Jekk iva, liema hu dan il-Kulleġġ u liema skejjel jinkorpora fih? Min ser ikun il-Prinċipal ta' dan il-Kulleġġ u fejn ser ikun l-uffiċċju ta' dan il-Prinċipal?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kulleġġ Mikiel Anton Vassallo kien maħsub dal-aħħar snin u twaqqaf biex jiġbor fih skejjel/istituzzjonijiet post-sekondarji li jaqgħu taħt il-MEDE. Il-Prinċipal ta’ dan il-Kulleġġ huwa s-Sur Victor Galea u se jkun jopera kemm minn uffiċċju Għawdex u ieħor Malta minħabba n-natura ta’ dan il-Kulleġġ.

Għawdex — Żona Industrijali tax-Xewkija - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema xogħlijiet huma ppjanati li jsiru fi Triq it-Taflija li tagħmel parti miż-Żona Industrijali tax-Xewkija f'Għawdex u dan peress li t-triq tinsab fi stat ħażin ħafna u parti mit-triq fl-aħħar ġimgħat ċediet u ġiet magħluqa bil-barriers? Jekk hemm xogħlijiet ippjanati, jista' jgħid meta huma mistennija li jsiru u jitlestew?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant ix-xogħlijiet fuq it-triq imsemmija ser jibdew dan ix-xahar. Dawn jinkludu t-twaqqiegħ u l-bini mill-ġdid tal-ħajt divisorju bejn it-triq u l-RS2, li qiegħed fi stat ħażin ħafna w huwa l-kawza prinċipali taċ-ċediment tat-triq. Wara li dan jitlesta, it-triq terġa' ssir u tinkesa.
Leg 12 PQ #29542 Sitting 470 2017-01-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xagħra Għawdex – ħasil tal-pjazza prinċipali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba nħaslet il-pjazza prinċipali tax-Xagħra minn meta saret bit-tarmak aħmar sal-lum? Jista' jgħid min qed jagħmel dan il-ħasil u kemm qed jiġi jiswa’ dan il-ħasil kull darba li jsir?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pjazza prinċipali tax-Xagħra tinħasel kull nhar ta’ tnejn, għajr meta tkun ix-xita. Tinħasel mill-ħaddiema tal-Agrikultura bil-makkinarju tal-istess sezzjoni.

Prodott jew servizz b’kaġun ta’ xi prattika kummerċjali mħux ġusta – rimedji li għandu l-konsumatur

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'rimedji għandu l-konsumatur taħt it-Taqsima VIII tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 tal-Liġijiet ta’ Malta, fil-każ li hu jkun xtara xi prodott jew servizz b’kaġun ta’ xi prattika kummerċjali mhux ġusta?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-konsumatur għandu l-fakultà li jirreferi l-każ għand l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-istess Awtorita’ għall-medjazzjoni. Jekk ma jintlaħaqx ftehim mal-bejjiegħ, il-każ jigi riferut quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur.

Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – ħruġ ta’ ordni għar-restituzzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid sa issa kemm-il darba d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ħareġ ordni għar-restituzzjoni ta’ flus jew proprjetà mogħtija mill-konsumatur a tenur tal-artiklu 107A tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 tal-Liġijiet ta’ Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Ma ħarġet l-ebda ordni għar-restituzzjoni kif qed jitlob l-Onor. Interpellant. Infurmata li l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur jaħdem sabiex il-konsumaturi jiġu kkumpensati mill-kummerċjant ikkonċernat u b’hekk tiġi evitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 107A tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur.

Awtorità tad-Djar – Triq il-Gardenja — kumpens għal ħsarat f’appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemmx benefiċjarji tal-Awtorità tad-Djar li joqogħdu fl-appartamenti rispettivi tagħhom fi Triq il-Gardenia li soffrew ħsarat fl-appliances tagħhom minħabba ħsara li saret mill-Awtorità tad-Djar jew kuntrattur imqabbad minnha, waqt xogħlijiet li kienu qed isiru fil-15 ta' Settembru 2016? Jekk iva, jista' jgħid kemm-il household ġiet milquta b'din il-problema u jgħid ukoll x'qed isir mill-Awtorità tad-Djar sabiex dawn il-persuni jkunu kkumpensati għall-ħsarat kollha li sofrew? Jista' jgħid ukoll meta se jkunu kkumpensati għal dawn il-ħsarat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar m’għanda l-ebda rapport jew evidenza li xi kuntrattur imqabbad minnha għamel ħsara fil-blokk imsemmi li setgħet ikkaġunat ħsarat fl-appliances ta’ persuni li joqogħdu fl-istess blokk. Għaldaqstant l-Awtorità tad-Djar m’għandhiex lanqas id-dettalji mitluba dwar il-każ.

Ċentri tal-Anzjani – sistema ta’ arja kundizzjonata

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma ċ-ċentri tal-anzjani li ma għandhomx sistema ta' arja kundizzjonata? Jista' jgħid ukoll kif qed jissaħħnu dawn id-day centres fin-nuqqas ta' din is-sistema aktar u aktar f'dawn il-ġranet fejn qed tagħmel ħafna kesħa u bil-Gvern stess joħroġ twissijiet partikolarment għall-anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma l-Onor. Interpellant li, fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Birkirkara u tas-Siġġiewi ma teżistix sistema ta’ arja kundizzjonata. Madanakollu, fiż-żewġ ċentri msemmija, ittieħdu l-passi meħtieġa biex l-anzjani ma jsofrux il-kesħa. Tajjeb li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li dawn iż-żewġ ċentri huma proprejtà tal-kunsilli lokali tal-istess lokalitajiet.

Residenza San Vinċenz de Paul – sistema ta’ arja kundizzjonata

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-swali fir-Residenza San Vinċenz de Paul li ma għandhomx sistema ta' arja kundizzjonata jew għandhom sistema li mhijiex qed taħdem, sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jagħti elenku tas-sistemi li mhux qed jaħdmu minħabba ħsarat fihom, jgħid f'liema sala qegħdin, kemm ilhom weqfin u meta se jkunu qed jiffunzjonaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li, kull sistema tal-arja kundizzjonata fis swali ta' San Vinċenz de Paul qed tiffunzjona. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, ddaħħlet sistema li permezz tagħha kull ħsara tiġi rrapurtata b’mod immedjat biex b’hekk il-ħsarat jiġu ndirizzati mill-kuntrattur. Iddaħlet ukoll proċedura sabiex kull meta ikun hemm ħsarat, is-swali jkunu pprovduti b'sistemi temporanji ta' arja kundizzjonata.

Heritage Malta — siti u mużewijiet - stallazzjoni ta' turnstiles

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema siti u mużewijiet ta' Heritage Malta għandhom installati turnstiles u kemm minn dawn it-turnstiles jaħdmu u jintużaw?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta hemm 23 turnstiles istallati fil-Palazz tal-Granmastru, Forti Sant’Iermu, Forti Sant’Anġlu, il-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Katakombi ta’ San Pawl, Ħaġar Qim, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u d-Domus Rumana. Dawn kollha jintużaw.