B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3000, jista’ l-Ministru jagħti tweġiba kompleta u jgħid xi proċess intuża sabiex tintgħażel il-kumpannija RSM li qed tagħmel dan l-eżerċizzju, u kemm hi l-ispiża involuta? X’inhuma t-terms of reference għal din l-evalwazzjoni? Ħarġet call for tender jew expression of interest, jew ingħatat direct order?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li minħabba is-sensitivita u l-kunfidenzjalita tad-data u tal-eżerċizzju involut dan il-kuntratt ingħata b’Direct Order għas-somma ta’ħamsa u għoxrin elf (€25,000 VAT eskluża). Il-proċessi li jirregolaw dan it-tip ta’ xiri hekk kif stabiliti fil-Public Procurement Regulations u fiċ-Ċirkolari MFIN 3/2013 ġew segwiti u ngħatat l-approvazzjoni meħtieġa mill-Ministeru għall-Finanzi ġiet mogħtija.
It-Terms of Reference tal-evalwazzjoni kkonċernata huma li:
1. Ikun stabbilit li hemm il-kontrolli u is-superviżjoni meħtieġa biex kemm jista jkun jitnaqqsu ir-riskji ta’ xi telf ta’ data, ikun hemm kontabbiltà u jiġi żgurat li l-proċessi isegwu l-liġijiet konċernati;
2. Ikun stabbilit jekk bi proċess ġdid tiżdiedx l-effiċjenza;
3. Ikun stabbilit jekk l-informazzjoni meħtieġa u li tintuża biex jittieħdu d-deċiżjonijiet, u għall-raġunijiet ta’ operat, hix tiġi jew tistax tiġi iġġenerata.
Jista’ l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni li f'dawn l-aħħar ġranet tnaqqsu 10 security officers mill-Isptar Mater Dei u dan f'postijiet importanti ħafna bħall- emergenza, I.T. section u loading bay?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li r-raġuni li tnaqqsu dawn is-security guards hija illi fejn kienu qed jiġu użati ma kienx hemm lok li jaħdem security guard f’pożizzjoni fissa mal-post u l-ispiża għal dawn is-security guards ma kienetx tiġġustifika il-benefiċċji li kienu qed jittieħdu mill-isptar. Fil-fatt, f’postijiet oħra ma sarx dan. L-isptar kontinwament qiegħed iħares lejn il-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż tiegħu u jagħmel tibdiliet minn żmien għal żmien biex ir-riżorsi jintużaw bl-aktar mod effettiv.
Infurmat ukoll li m’hemm l-ebda ħsieb li jitnaqsu aktar.
Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – stennija għal admission
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti jistennew għall-admission fuq stretcher fid-Dipartiment tal-Emerġenza jew f'xi parti oħra tal-Isptar Mater Dei matul ix-xahar ta' Ġunju 2013?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3008, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ma nħariġtx tender jew expression of interest għal dan is-servizz imma ngħata b'direct order?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ir-raġuni li dan is-servizz ingħata b’direct order hija minħabba l-fatt li l-eżerċizzju kien jesiġi aggornament ta’ eżerċizzju simili li sar fil-passat mill-istess kumpanija.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-iskala tax-xufiera tal-ambulanzi u xi pjanijiet għandu sabiex dawn l-istess xufiera jitilgħu skala?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li x-xufiera tal-ambulanzi jinsabu skala 16.
Nagħmel referenza għall-istqarrija Ministerjali li jiena bħala Ministru għas-Saħħa kont ressaqt, fit-3 ta’Lulju 2013, li fiha tajt spjega anki f’dan ir-rigward tas-servizzi tal-ambulanzi (
Ambulance Dispatch
Centre).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati ilmenti fid-Dipartiment tal-Customer Care tal-Isptar Mater Dei (maqsumin skont kull kategorija tal-ilment) matul ix-xahar ta' April, Mejju u Ġunju 2013?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-ilmenti li ġew reġistrati fid-Dipartiment tal-Customer Care tal-Isptar Mater Dei matul it-tlett xhur imsemmija huwa ta’elf seba mija u ħdax (1711) il-persuna.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jindka jekk hemmx ħsieb li t-triq li tibda ftit ’l isfel mid-Dar tal-Providenza u tieħdok sa Għar Lapsi tingħata wiċċ ġdid, minħabba l-istat ħażin li tinsab fiha u fid-dawl li Għar Lapsi huwa post turistiku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq imsemmija mhix triq arterjali jew distributorja u għalhekk ma taqax taħt ir-responsabilita’ ta’ Transport Malta. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati biex nara li is-sitwazzjoni titranġa.
Jista’ l-Ministru jagħti l-aħħar statistika tal-income per capita għad-distretti elettorali, distrett b’distrett? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għal kull lokalità f’Malta u Għawdex?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istatistika tal-income per capita ma tinġabarx abbażi tad-distretti elettorali jew tal-lokalitajiet.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3308, jista’ l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra meta se jippublika d-dikjarazzjoni tal-assi tal-Kabinett tal-Ministri issa li t-terminu taż-żmien stipulat fil-Kodiċi tal-Etika inqabeż b’aktar minn xahrejn?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nassigura lill-Onor Interpellant li kif diġà intqal lilu fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 3308, kif huma marbuta li jagħmlu, il-membri tal-kabinett se jkunu qed jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tal-assi tagħhom u dawn se jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il faċilità sportiva eżistenti hija barra ż-żona tal-iżvilupp?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA mhix f'pożizzjoni li tagħti tali informazzjoni jekk ma jkollix lista ta' kull faċilità sportiva mill-Kunsill Malti għall-iSports u għalhekk ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra meta din il-lista tkun f'idejn il-MEPA.
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3044 u tgħid x'kien l-eżitu ta' sejħa għal promozzjonijiet fl-Awtorità tad-Djar li kienet pubblikata lejn l-aħħar tas-sena l-oħra? Ladarba l-interviews saru f’Jannar li għadda u r-riżultati li kellhom l-approvazzjoni tal-bord kellhom jitħabbru lejn nofs ix-xahar ta’ Marzu, u peress li issa qegħdin f’Lulju, tista’ l-Ministru tgħid x’qed jikkawża dan id-dewmien?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal dn il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm kien hemm talbiet pendenti quddiem iż-żewġ tribunali għal talbiet tal-konsumatur fl-aħħar ta’ Ġunju 2013? Meta huwa mistenni li tinstema’ mit-tribunal notifika ta’ talba għal quddiem it-tribunal li saret fl-1 ta’ Lulju 2013? X’se jkun qed jagħmel il-Gvern biex il-konsumatur ikun moqdi fl-inqas żmien possibbli meta jkollu każ quddiem it-tribunal?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata illi fl-aħħar ta’ Ġunju kien hemm 170 każ pendenti quddiem it-Tribunal ta’ Malta waqt li f’dak ta’ Għawdex kien hemm ħames każijiet.
Notifika ta’ talbiet għal quddiem it-tribunal ta’ Malta li saru fl-1 ta’ Lulju ġew appuntati għas-smiegh għall-ewwel ġimgħa ta’ Settembru billi f’Awwissu ma jsirux seduti.
L-Awtorità ta’ Malta għal Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur qed jikkunsidra numru ta’ miżuri sabiex titnaqqas il-burokrazija u stennija żejda biex il-konsumatur ikollu aktar aċċessibilità u jieħu sodisfazzjon quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur skont il-politika tal-Gvern.
Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta’ każijiet ta’ kull tip li kienu pendenti għad-deċiżjoni mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAAA) fl-1 ta’ Jannar 2013? Tista’ tagħti breakdown ta’ meta dawn ġew sottomessi lill-Uffiċċju u x’tip ta’ deċiżjoni trid tittieħed? Kien hemm każijiet li ġew shelved u jekk iva, x’kienet ir-raġuni? Kemm minn dawn il-każijiet ġew instigati fuq inizjattiva tal-Uffiċċju, u liema huma dawn il-każijiet?
Response (DALLI, HELENA)
Ninsab infurmata li sal - 1 ta’ Jannar 2013, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kellu 37 każ li qegħdin jiġu investigati. Fost dawn il-każijiet li għadhom pendenti quddiem l-Uffiċċju hemm:
Każ wiehed li ġie sottomess lill-Uffiċċju fl-2006
Erbgħa każijiet li ġew sottomessi lill-Uffiċċju fl-2007
Tlett każijiet li ġew sottomessi lill-Uffiċċju fl-2008
Hames każijiet li ġew sottomessi lill-Uffiċċju fl-2009
Sitt każijiet li ġew sottomessi lill-Uffiċċju fl-2010
Tmien każijiet li ġew sottomessi lill-Uffiċċju fl-2011
Għaxar każijiet li ġew sottomessi lill-Uffiċċju fl-2012
Dawn il- każijiet jikkonċernaw il-ksur o meno tal-Artikoli 5 u/jew 9 ta’ l-Att dwar il-Kompetizzjoni.
Ma kien hemmx każijiet li ġew shelved.
Erbgħa minn dawn il-każijiet ġew instigati fuq l-inizjattiva tal- Uffiċċju u jikkoncernaw is-swieq tal-propjeta, tat-trasport u tal-bejgh bl-imnut.
Inħoss li mhux etika li tagħti informazzjoni fuq każi li bħal issa għaddejja invetigazzjoni fuqhom.
MCCAAA – pubblikazzjoni tan-National Strategy for Consumer Education
Question
Tista’ l-Ministru tinforma lil din il-Kamra bid-data meta d-Direttur Ġenerali responsabbli mill-Uffiċċju tal-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAAA) se jippubblika d-dokument National Strategy for Consumer Education li kien tpoġġa għal konsultazzjoni pubblika?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li għalkemm il-perjodu ta’ konsultazzjoni kien għalaq fit-30 ta’ Settembru 2012, ir-rispons għad-dokument li gie ppublikat ma kienx dak li wieħed kien qed jistenna. Dan,minkejja li saret promozzjoni estensiva dwaru billi deher fil-websajt tal-Awtorita, ġie ikkomunikat lil–Entitajiet kemm governattivi u kemm dawk kummerċjali kif ukoll lill-publiku in generali permezz tal-medja.
Minħabba f’dan, iċ-Chairman tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur ta’ dak iż-żmien kien għażel li jkun hemm sessjoni konsultattiva pubblika f’Novembru 2012 sabiex iħajru aktar nies jagħtu l-kontribut tagħhom.
Madankollu din il-konsultazzjoni pubblika qatt ma saret billi l-kumitat li kien twaqqaf apposta biex jorganizza din il-konsultazzjoni qatt ma gie mlaqqgha.
Il-Ministeru diġa tkellem mal-persuni involuti biex dan ix-xogħol jitkompla.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ każijiet li kienu għad-deċiżjoni mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAAA) fl-1 ta’ Jannar 2013 u meta huwa kkunsidrat li dawn il-każijiet jiġu magħluqa?
Response (DALLI, HELENA)
Jiena nformata li sa l-1 ta’ Jannar 2013, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kellu 37 każ li kienu qegħdin jiġu investigati:
Dawn kienu jikkomprendu:
· tliet każijiet fis-suq tal-ambjent
· erba' każijiet fis-suq finanzjarju
· għaxar każijiet fis-suq tat-trasport
· sitt każijiet fis-suq tal-kommunikazzjoni
· erba' każijiet fis-suq tal-enerġija
· tliet każijiet fis-suq tal-assigurazzjoni
· wieħed li jikkonċerna s-suq tal-ikel
· wieħed li jikkonċerna s-suq tal-proprjetà
· wieħed li jikkonċerna s-suq tar-riklamar
· wieħed li jikkonċerna s-suq tal-agrikoltura
· wieħed li jikkonċerna s-suq tal-istationery
· wieħed li jikkonċerna s-suq tal-prodotti tat-tabakk
· wiehed li jikkonċerna s-suq tal-uniformijiet tal-iskejjel
L-Uffiċċju ma jistghax jagħti ż-żmien ezatt meta każ jingħalaq.
Kull każ jinvolvi analiżi legali u ekonomiku skont il-kriterji tal-Artikoli 5 u/jew 9 ta’ l-Att dwar il-Kompetizzjoni u kull każ għandu jiġi eżaminat u deciż skont il-meritu tieghu. Għaldaqstant il-proċess quddiem l-Uffiċċju u ż-żmien ta’ għeluq ta’ kull każ ivarja minn każ ghal każ.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-area madwar ir-roundabout fit-tarf tal-bypass tal-Mellieħa fejn is-Seabank Hotel tiffurmax parti mix-xogħol ta’ upgrading tal-bypass tal-Mellieħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-area madwar ir-roundabout fit-tarf tal-bypass tal-Mellieħa fejn is-Seabank Hotel ma tiffurmax parti mix-xogħol ta’ upgrading tal-bypass tal-Mellieħa.
Jista’ l-Prim Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament għaliex għandha problema dwar ħlas mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet għal proprjetà meħuda lilhom mill-Gvern?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament tista’ tagħmel kuntatt mas-Sezzjoni tal-Kuntratti fi ħdan id-Dipartiment tal-Artijiet sabiex tingħata informazzjoni fuq il-każ tagħha. Intant, id-dipartiment se jagħmel ukoll kuntatt mal-persuna in kwistjoni..
Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies li sad-9 ta’ Marzu ma kenux impjegati ta’ Transport Malta u li llum qed jokkupaw uffiċċju biswit l-uffiċċju tal-Executive Chairman? Jista’ jikkonferma jekk iddaħħlux mezzi ġodda ta’ sigurtà fl-uffiċċji ta’ Transport Malta fil-Marsa, speċifikament għal dak li għandu x’jaqsam mad-dħul għall-uffiċċju tal-Executive Chairman li ta’ kuljum qed jilqa’ nies mill-pubbliku fl-uffiċċju tiegħu fil-Marsa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont informazzjoni li ingħatajt hemm persuna waħda li sad-9 ta’ Marzu ma kienx impjegat ta’ Transport Malta, u li qiegħed f’uffiċċju biswit l-uffiċċju tal-Executive Chairman. Dan huwa d-driver taċ-Chairman li ta’ min wieħed jinnota mhux qiegħed f’uffiċċju għalih iżda qed jagħmel użu mill-istess kamra ta’ impjegata oħra fl-uffiċċju tac-Chairman.
Ninsab infurmat ukoll li ma ddaħħlux mezzi ġodda ta’ sigurtà fl-uffiċċju ta’ Transport Malta fil-Marsa, speċifikament għal dak li għandu x’jaqsam mad-dħul għall-uffiċċju tal-Executive Chairman.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali, il-proġett tal-flyover tal-Kappara u l-proġett tat-Triq tas-Salina? Jista’ jgħid jekk inżammux xi tenders għal xogħlijiet infrastrutturali li kienu diġà ġew approvati?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 2948 u 2949. Ir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2948 ġiet aġġornata skont it-tibdil elenkat hawn taħt:
· Ix-xogħol fi Triq il-Misqa, Żabbar tlesta
· Ix-xogħol fi Triq Romano Carapecchia/Triq Sigismonda Savona, Fgura tlesta
· Ix-xogħol fi Triq it-Trill, Mellieħa tlesta
· Ix-xogħol fi Triq San Lawrenz, Birgu tlesta
Ninsab infurmat li ma twaqqfu ebda tenders għal xogħolijiet infrastrutturali li diġa’ kienu ġew approvati.
Jista' l-Ministru jgħid il-Korporazzoni Enemalta kemm ħallset jew se tkun mitluba tħallas għall-konsulenzi legali u pariri legali mogħtija mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum? Min hija jew huma d-ditti legali li qed jipprovdu tali servizzi legali?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ghadha qed tigi migbura.