Legislature:
Category:
Reset
Active:

Arriva –bendy buses

Question

Billi fil-paġna ta’ quddiem tal-ġurnal ‘it-Torċa’ tas-7 ta’ Lulju 2013, intqal li l-Arriva aċċettat li jitneħħew il-bendy buses minn fuq ir-rotot li ssuġġerixxa l-Ministru, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu r-rotot li ssuġġerixxa li minnhom jitneħħew il-bendy buses?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Arriva Malta Ltd qablet mal-prinċipju li l-articulated buses jintużaw biss f’toroq prinċipali u li huma wesgħin biżżejjed li jakkomodaw xarabanks ta’ dan it-tip. Infurmat ukoll li r-relokazzjoni ta’ fejn ser jiġu utilizzati l-articulated buses ser tkun implimentata fix-xhur li ġejjin bħala parti mid-diskussjonijiet li qed isiru mal-Arriva Malta Ltd sabiex jiġi assigurat li t-transizzjoni ta’ tneħħija ta’ dawn il-vetturi minn fuq ċerta rotot ma jkolliex impatt negattiv fuq il-passiġġiera.

Gozo Channel — passiġġieri bilwieqfa

Question

Billi qed jirriżulta li l-Gozo Channel qed tagħlaq parti mill-vapur għal numru ta’ vjaġġi li jsiru matul il-lejl, bil-konsegwenza li numru ta’ passiġġieri qed ikollhom jibqgħu bilwieqfa matul il-vjaġġ kollu, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwart x’tip ta’ struzzjonijiet u speċifikazzjonijiet qed jingħata l-Gozo Channel minn dawk responsabbli għat-trasport marittimu fi ħdan Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma tat l-ebda struzzjonijiet lill-Gozo Channel rigward l-għeluq ta’ parti mill-vapur għal numru ta’ vjaġġi li jsiru matul il-lejl. Skont ir-regolamenti li Transport Malta timponi fuq l-operatur, l-Awtorita’ ma tirregolax is-seating capacity tal-vapuri iżda tiċċertifika biss in-numru ta’ passiġġieri li vapur jista’ jġorr.

Awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili – investigazzjonijiet fuq kwalità tal-fuel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’investigazzjonijiet qed jwettqu mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili għal dak li jirrigwarda t-tip/kwalità ta’ fuel li qed jingħata lill-Air Malta? Jekk saru tali investigazzjonijiet, x’irriżulta minnhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li r-responsabbilta’ tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili huwa li jagħmel moniteraġġ kemm fuq l-Enemalta u l-Air Malta sabiex jassigura li qegħdin isiru l-verifki meħtieġa u d-Direttorat huwa sodisfatt li l-verifki neċessarji qegħdin isiru u li t-tip/kwalita’ ta’ fuel li qed jingħata lill-Air Malta huwa skont il-kriterji rikjesti. Għaldaqstant mhumiex qegħdin jitwettqu investigazzjonijiet mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili għal dak li jirrigwarda t-tip/kwalità ta’ fuel li qed jingħata lill-Air Malta. Investigazzjonijiet isiru biss meta jkun hemm għalfejn. Ta’ min jghid ukoll li l-Air Malta tagħmel parti minn pooling ta’ verifiki ta’ Fuel Providers (IFQP – IATA Fuel Quality Pool) u l-Enemalta Petroleum Division huwa wieħed mill-providers li l-Air Malta jivverifikaw. L-aħħar verifika saret f’Ġunju li għadda u din il-verifika kellha eżitu pożittiv. Id-Direttorat jagħmel spot checks fuq fuel li jkun ser jiġi imbarkat fuq l- ajruplani u japprova proċeduri tal-moniteraġġ tal-operaturi wkoll fil-każ ta’ fuel providers u fuel farms. Operaturi oħra li joperaw minn Malta wkoll jagħmlu l-verifiki tagħhom u qatt ma kien hemm rapporti negattivi rigward l-Enemalta Petroluem Division.

Malta Enterprise — Proġett tax-Xjenza tal-Ħajja – ingaġġ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterju/i l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament intgħażlet biex tmexxi l-proġett tax-Xjenzi tal-Ħajja fi ħdan il-Malta Enterprise? Ħarġet sejħa pubblika għal din il-kariga? Kemm hu twil il-kuntratt tal-persuna magħżula?

Response (CARDONA, CHRIS)

Sabiex il-proġett tal-Life Sciences Centre jitlesta fil-ħin u mingħajr telf tal-Fondi Ewropew Għall-Iżvilupp Reġjonali, kien meħtieġ li titwaqqaf taskforce għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet meħtieġa. Il-persuna li ġiet fdata bit-tmexxija ta' din it-task force, li l-quddiem se tkun responsabbli għall-proġetti kumplessi oħra, ġiet appuntata f’pożizzjoni ta' fiduċja.

Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali – spezzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il spezzjoni saret mid-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali fuq il-postijiet tax-xogħol mid-9 ta’ Marzu ’l hawn? Kemm-il każ ta’ xogħol prekarju nstab permezz ta’ dawn l-ispezzjonijiet? F’każ li nstabu każijiet bħal dawn, x’passi ttieħdu fil-konfront tal-kumpaniji involuti?

Response (DALLI, HELENA)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari mill-Onor Interpellant, jiena infurmata li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impiegi jagħmel spezzjonijiet biex jara li l-provedimenti tal-Att dwar ir-Relazjonijiet Industrijali u tal-Impieg ikunu qed jiġu osservati. Fil-perijodu mid-9 ta’ Marzu ’l hawn saru 347 spezzjoni fuq postijiet tax-xogħol minn uffiċjali tad-Dipartiment. Minnhom irrizulta li kien hemm 126 irregolarità u min iħaddem ġie mitlub jirregola l-pożizzjoni tiegħu biex jaderixxi mal-liġi ndustrijali. Dan mingħajr preġudizzju għat-teħid ta’ passi oħra skont il-ligi.

Ħ’Attard, Ħal Balzan, il-Mosta – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati każijiet ta’ serq mil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u l-Mosta, lokalità b’lokalità mill-1 ta’ April ’il hawn? Kemm-il persuna ttellgħet il-Qorti fuq dawn il-każijiet?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-ewwel t’April u l-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena, il-każijiet ta’ serq fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onor. Interpellant, irrapurtati lill-pulizija kienu is-segwenti: Attard Balzan Mosta April 9 1 15 Mejju 11 1 14 Ġunju 6 1 11 Total 26 3 40 Infurmat ukoll li s’issa kien hemm persuna li ġiet imressqa quddiem il-Qorti b’konnessjoni ma’ waħda minn dawn is-serqiet irrapurtata li seħħet fil-Mosta.

Djar tal-anzjani – lista ta’ stennija

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3195 u tgħid kemm hu l-ammont ta' nies li applikaw u qed jistennew sabiex jidħlu f'dar tal-anzjani? Minn din il-waiting list kemm huma dawk l-applikanti li huma residenti fin-Nofsinhar ta' Malta?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Dar tal-persuni b’diżabilità – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament inqaflet fid-dar għal persuni b’diżabilità f’Wied il-Għajn meta din il-perusna sa ftit tal-ġimgħat ilu kienet tgħix mal-familja tagħha u llum l-istess familja għandha diffikultà kbira biex tara lil din il-persuna?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura sensittiva ħafna u kunfidenzjali, u għaldaqstant inkun lesta li nitkellem privatament ma’ l-interpellant u/jew mal-persuna nvoluta.

Ħaż-Żebbuġ – Triq it-12 ta’ Mejju – xogħlijiet fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-parti tat-Triq 12 ta’ Mejju bejn Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat tiġi rranġata għax tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq imsemmija hija triq rurali u għalhekk ma taqax taħt ir-responsabilita’ ta’ Transport Malta. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati biex nara li is-sitwazzjoni titranġa.

Pensjoni tar-romol – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3504 u tgħid x’inhi r-raġuni li l-pensjoni tar-romol li tingħata lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament se titwaqqaf għax għandha tifla li għadha tistudja li se tgħalaq 21 sena?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna imsemmija minnu qed tiġi infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Ħ’Attard – Triq Xatbet l-Art — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jżomm milli titlesta Triq Xatbet l-Art f’Ħ’Attard meta din it-triq inbdiet xhur ilu qabel l-elezzjoni u issa x-xogħol ilu wieqaf ġimgħat sħaħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ix-xogħlijiet fi Triq Xatbet l-Art, Attard kellhom jieqfu diversi drabi minħabba li nstabu diversi fdalijiet arkeoloġiċi. Ix-xogħol tkompla fit-3 ta’ Lulju 2013 wara li dawn il-fdalijiet ġew studjati u kkatalogati min-naħa tas-Sovrintendenza. Ix-xogħlijiet tkomplew bil-preservazzjoni tal-fdalijiet. It-triq hija mistennija li titlesta f’Awwissu.

Pixxina Nazzjonali — manager

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-faċilità tal-Pixxina Nazzjonali għandhiex manager full-time fil-preżent ? Jekk iva, jista’ jagħti l-isem tal-persuna u jekk le minn min qed titmexxa u fiex wasal il-proċess sabiex jiġi maħtur manager?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa l-Kumpless Sportiv tal-Qroqq qed jitmexxa mill-Manager responsabbli mill-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop sakemm il-persuna magħżula biex tmexxi l-Kumpless Sportiv tal-Qroqq tassumi r-responsabilitajiet tagħha fil-bidu ta' Awwissu li ġej. Il-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop qed ikun temporanjament amministrat mill-Head of Logistics.

Pixxina Nazzjonali – rapport

Question

B'referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Gvern nru 784 fil-25 ta` April, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ir-rapport li ssemma dakinhar, li kellu jittratta dwar il-qagħda tal-Pixxina Nazzjonali ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ir-rapport li qed jirreferi għalih tlesta.

Pixxina Nazzjonali — manutenzjoni

Question

Jista` l-Ministru jgħid x`tip ta’ xogħol ta’ manutenzjoni sar fil-Pixxina Nazzjonali u x’kienet in-nefqa sa issa bejn Marzu u Ġunju 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pakkett Leġiżlattiv Orizzont 2020

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2755 , jista’ l-Ministru jgħid jekk intlaħaqx ftehim fuq il-Pakkett Leġiżlattiv tal-Orizzont 2020 waqt it-tmien trilogu li sar fis-17 ta` Ġunju 2013? Jekk intlaħaq, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti dan il-ftehim? Jista’ jgħid x`se tkun il-pożizzjoni tal-Gvern Malti fuq dan is-suġġett jekk kemm-il darba ntlaħaq ftehim, u jekk le kif se jkun qed jimxi l-Gvern Malti fuq din il-materja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Fit-trilogu tal-25 ta’ Ġunju, 2013, intlaħaq ftehim preliminarju bejn il-Presidenza u l-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett Leġiżlattiv Orizzont 2020. Għalkemm waqt COREPER I tas-27 ta’ Ġunju, 2013, il-Pajjiżi Membri esprimew appoġġ ġenerali għat-test ta’ dan il-qbil preliminarju, ħareg ċar li hemm xi punti oħra li jeħtieġu iktar diskussjoni qabel it-test finali jista’ jkollu approvazzjoni politika finali. Dawn il-punti huma 1) l-Att Delegat għall-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti ( the Delegated Act for the Joint Technology Initiatives derogation from the Rules of Participation ), 2) il-baġit allokat għat-twessigħ tal-parteċipazzjoni 3) Food4Future / Value Added Manufacturing Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (Knowledge and Innovation Communities, KICs). Bħalissa, Malta qiegħda fil-proċess li teżamina t-test ta’ dan il-ftehim preliminarju. Waqt COREPER I tas-27 ta’ Ġunju, 2013, Malta indikat li mill-ewwel evalwazzjoni tagħha jidher li l-figura baġitarja ta’ 0.8% allokata għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju hija baxxa wisq. Il-Kummissjoni iżda assigurat lill-Pajjiżi Membri li l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju se jkollhom allokazzjoni finanzjarja ta 4.5% tal-baġit tal-Qafas tal-Programm Orizzont 2020 meta wieħed iqis il-fondi li ġew allokkati lis-Single SME Instrument. Il-Presidenza se tippreżenta it-test konsolidat tal-qbil li ntlaħaq fil-25 ta’ Ġunju, 2013, bil-għan li jintlaħaq ftehim politiku, waqt COREPER I tas-17 ta’ Lulju, 2013. L-għan ta’ Malta huwa li jintlaħaq qbil mill-aktar fis possibli u f’dan ir-rigward bi ħsiebha tkun flessibbli waqt COREPER I tas-17 ta’ Lulju, 2013 sabiex dan il-qbil jintlaħaq.

Riċerka u Innovazzjoni — nefqa tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun in-nefqa tal-Gvern fuq ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għas-sena 2013, anke fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2754 fejn bla ma kien indikat l-ammont intqal li “il-Gvern huwa impenjat li jinvesti bis-sod f`dan il-qasam”?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li applikat għal akomodazzjoni soċjali imma sa issa għadha bla risposta?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni applikat għall-akkommodazzjoni alternattiva nhar il-25 t’April,2013. Hija toqgħod b’tolleranza mal-ġenituri tagħha, d-disa’ ħutha u persuna oħra ġo post bi tlett ikmamar tas-sodda mikri mill-Awtorita’ tad-Djar. Il-lokalitajiet preferuti tagħha huma n-naħa t’isfel ta’ Malta. Hija taħdem part time u d-dħul tagħha għas-sena 2012 kien jammonta għal €6,357. L-applikanta mħeġġa biex tipprova tikri mis-settur privat u tapplika għall-Iskema ta’ sussidju fuq il-kera dejjem jekk tkun konformi mal-kriterji tal-Awtorita’ tad-Djar. L-applikazzjoni tagħha qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ tas-sinjura li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li ilha li applikat mill-2007 għal post tal-Awtorità tad-Djar u s’issa għadha bla risposta?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni applikat għall-akkommodazzjoni alternattiva nhar it-13 ta’ Frar,2009. Hija separata mingħajr tfal u toqgħod b’tolleranza m’ommha u ż-żewġ ħutha bniet, ġo post bi tlett ikmamar tas-sodda mikri mill-Gvern. Bhala lokalitajiet hija tippreferi kullimkien minbarra l-Kottonera. Hija tibbenefika mill-benefiċċji tal-qagħad u tieħu €76.02 fil-ġimgħa. L-applikanta applikat għal post tal-Gvern peress li għandha problemi familjari. L-applikazzjoni tagħhha qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.

Servizz tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-koppja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għadha qed tistenna li jkollha d-dawl u l-ilma ħalli tkun tista’ tidħol fil-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni ghas-servizzi tal-Ilma se jipprovdu s-servizz imsemmi mill-aktar fis possibbli

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-Awtorità tad-Djar tikkomunika mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema fil-post li tgħix fih?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-peruna li għaliha qegħda ssir riferenza applika għall-akkommodazzjoni alternattiva nhar is-6 t’Awwissu, 2008. Huwa joqgħod ġo “elavated groundfloor” li huwa mikri mingħand il-Gvern. Huwa jixtieq ipartat minħabba li għandu kundizzjoni medika (Fibromyalgia) f’għonqu u f’daru li ma tħallieħx jagħmel l-iċken xogħlijiet tad-dar. Minħabba hekk huwa għandu problema biex joħroġ mill-post peress li jinsab f’toroq li fihom hemm ħafna tlajja’ u nżul. Il-lokalitajiet preferuti tas-Sinjur huma kullimkien minbarra Belt u Cottonera. Fl-applikazzjoni għandna ċ-ċertifikati mediċi li jirreflettu l-mard tiegħu iżda m’hemm xejn x’jindika li l-post għandu xi ħsarat. L-Awtorita’ tad-Djar ghamlet kuntatt ma’ dan il-peruna fejn stqarr li hemm xi problema bi dħul ta’ ilma minn xi appartament iehor. Meta dan prova jara minn fejn gejja din il-problem dan ma sab l-ebda kooperazzjoni mill-inkwilini l-oħra anzi jidher li l-blokk huma vandalizzat u saħansitra anke il-lift ma qiegħed jaħdem. Minħabba f’dan is-Sinjur jixtieq li jingħata post alternattiv.