Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-isleeping policemen li saru f’Wied iz-Ziju, limiti taż-Żejtun, sarux bl-approvazzjoni ta’ Transport Malta? Min għamel it-talba għal dawn l-isleeping policemen?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba oriġinali għall-miżuri li jnaqqsu l-veloċita’ tal-vetturi kienet saret mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn bid-data 6 ta’ Ġunju 2011, u l-miżuri li ġew installati f’din it-triq ġew approvati minn Transport Malta fit-28 ta’ Ġunju 2013.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħditx deċiżjoni li l-festa tal-Madonna tal-Karmnu li ssir kull sena fl-Isptar Monte Karmeli din is-sena ssir fuq ġurnata waħda? Jista’ jgħid x’attivitajiet saru s-sena l-oħra u x’se jsiru din is-sena? Għaliex din is-sena qed jintalbu donazzjonijiet mill-istaff għal din il-festa? Għal-liema events konnessi ma’ din il-festa se jkunu jistgħu jattendu l-pazjenti?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ma’ ttieħdet l-ebda deċiżjoni li l-festa ssir biss fuq ġurnata waħda.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-attivitajiet li saru s-sena li għaddiet u li saru din is-sena
Infurmat ukoll li bħala ġest lejn il-Madonna tal-Karmnu, l-istaff kien mistieden mill-kumitat organizzattiv tal-festa sabiex, min jixtieq, jagħmel donazzjoni ta’fjuri biex jiġu pprezentati lill-Madonna waqt il-Quddiesa Konċelebrata tal-Hadd 7 ta’ Lulju.
Il-pazjenti kienu mistedna u mgħejjuna jattendu għal kull attivita konnessa ma’din il-festa.
Residenza San Vinċenz de Paul – applikazzjonijiet mal-MEPA
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irċevietx xi applikazzjonijiet biex isiru xogħlijiet fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jekk iva, meta saru dawn l-applikazzjonijiet u għal-liema xogħlijiet intalab il-permess?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ma hemm l-ebda applikazzjoni pendenti għal xogħlijiet fir-Residenza San Vincenz de Paule quddiem l-istess Awtorità.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk din is-sena hux se tiġi organizzata s-serata li tiċċelebra u tippremja l-ħidma tal-impjegati fil-qasam tas-saħħa mentali u li kienet issir kull sena fil-ġnien tal-Isptar Monte Karmeli? Jekk iva, meta se ssir din is-serata?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li din l-attivita’, li sas-sena li għaddiet kienet issir bħala parti mill-Festa tal-Madonna tal-Karmnu fl-Isptar Monte Carmeli, hija ppjanata li ssir iżjed tard matul is-sena.
Infurmat li dan sar minħabba li ried jiġi analiżżat l-infieq li kien qed isir marbut ma’ din is-serata.
Min informazzjoni li għandi, fis-snin mgħoddija l-ispejjeż marbuta mas-serata Premju Ħaddiem tas-Sena kienu qed ikunu madwar għoxrin elf ewro.
Fost dan l-infieq hemm figuri li meta wieħed janaliżżahom, jara li ma jagħmlux sens finanzjarju, fosthom dawk marbuta ma’ kiri ta’ ħwejjeġ, xorb alkoħoliku, apparti ammont sostanzjali marbut ma’ sahra.
Infurmat li din is-sena, s-serata Premju Ħaddiem tas-sena se tkun organizzata b’anqas spejjeż, b’kontabilita u wkoll trasparenza w li għaliha se jkunu mistiedna l-ħaddiema tal-Isptar Monte Carmeli, għaliex fis-snin ta’ qabel dawn ftit li xejn kienu jkunu mistiedna.
Residenza San Vinċenz de Paul – entertainment section
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm staff jaħdmu f’dik li kienet magħrufa bħala l-Entertainment Section tar-Residenza San Vinċenz de Paul? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tal-istaff li jaħmdu f’din is-sezzjoni bl-ismijiet u l-grad tagħhom?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – petizzjoni mir-Residenza San Vinċenz de Paul
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-uffiċċju tiegħu rċeviex petizzjoni/ittra ffirmata minn qraba tal-familji ta’ pazjenti li jattendu fl-Activity Centre ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din il-pettizzjoni/ittra?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk zebra crossing li tinsab fi Triq Ħal Tartarni, ir-Rabat għandhiex il-permessi kollha neċessarji? Jekk fin-negattiv, għaliex għadha ma tneħħietx minn Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li skont Transport Malta, iżz-zebra crossing li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentati kienet ġiet approvata mill-Awtorità fl-14 ta’ Mejju 2010.
Peress illi se jiġi rivedut il-lokal plan, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb ii tiġi ipproġettata triq minn Triq il-Falkunier għal Triq San Ġużepp fiż-Żejtun? Ta’ min huma l-għelieqi illi se jiġu affetwati jekk tgħaddi din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati, minħabba li l-local plan taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-MEPA u l-informazzjoni rigward sidien ta’ artijiet tinsab għand id-Dipartiment tal-Artijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għal laqgħa li saret riċentement bejn il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Ministru riċentament mhux il-kunsilliera kollha ġew mistiedna?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma saret l-ebda laqgħa bejn il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Ministru għat-Turiżmu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux minuti tal-laqgħa li saret bejn il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-minuti? Jekk ma tteħudux minuti waqt din il-laqgħa, x' kien diskuss bejn iż-żewġ partijiet u x'ġie konkluż?
Response (VELLA, KARMENU)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Kunsill Lokali Żejtun — laqgħa mal-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux minuti tal-laqgħa li saret bejn il-Ministru u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-minuti? Jekk ma ttieħudux minuti waqt din il-laqgħa, x' kien diskuss bejn iż-żewġ partijiet u x'ġie konkluż?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura iltaqa’ mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun bħal ma għamel ma’ kull Kunsill Lokali ieħor biex iressqulu l-ilmenti u s-suġġerimenti tagħhom dwar materji fid-dekasteru tiegħu. Dan sar fost oħrajn sabiex ikun jista’ jiġi mfassal tajjeb il-pjan tax-xogħolijiet li jridu jitwettqu tul dawn il-ħames snin li ġejjin.
Fil-fatt, il-Kunsill Lokali għadda lista ta’ dawn l-ilmenti u suġġerimenti, li kienu jinkludu fost oħrajn ilmenti dwar is-servizz tat-trasport pubbliku li bdew minn meta daħlet fis-seħħ ir-riforma fl-2011, ilmenti dwar il-fatt li l-Kunsill Lokali kien ilu 10 snin sħaħ jitlob lill-amministrazzjoni preċedenti biex isir programm ta’ ‘resurfacing’ ta’ toroq li ilhom iżjed minn 25 sena, xogħol f’Misraħ ir-Repubblika li l-Gvern preċedenti abbanduna għal diversi snin u t-tkomplija tar-ring-road li li l-aħħar parti tagħha tħalliet nofs xogħol.
Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux veru illi meta se jiġi rivedut il-Pjan Lokali, se tiġi inkluża triq li minn Triq il-Falkunieri se tagħti għal Triq San Ġużepp fiż-Żejtun? Min huma s-sidien tal-għelieqi li se jiġu affetwati bl-iżvilupp ta' din it-triq? Ir-residenti taż-Żejtun ġew ikkonsultati, u jekk fl-affermattiv meta saret tali konsultazjoni? Il-pjanti u rapporti tekniċi għall-bini ta' din it-triq saru? Jekk fl-affermattiv, saret applikazjoni mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Fiex wasal il-proċess ta' din l-applikazjoni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra,
Peress li fl-istqarrija PR1409, maħruġa mid-DOI bit-titlu New Feed-In Tariffs for Industrial and Commercial Scale Installations jingħad hekk: “A number of feed in tariff schemes related mainly to industrial and commercial scale installations expired on the 30th June 2013. In its efforts to ensure continuity as well as support Malta’s efforts towards reaching its 2020 Renewable Energy targets, the Ministry of Energy and Conservation of Water has decided to launch a set of new feed-in tariffs applicable to such installations”, jista’ l-Ministru jgħid preċiż kemm se jkunu (f’Ewro) dawn il-feed-in tariffs ġodda?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-feed in tariffs se jitħabbru fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema bajjiet se jibda jiddaħħal in-nar li jkun qed jittieħed minn Malta għal Għawdex għal kull festa li tinżamm f’Għawdex? Kien hemm konsultazzjoni mal-kunsilli lokali rispettivi ta’ fejn se jiddaħħal dan in-nar qabel ittieħdet id-deċiżjoni?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Ġunju ta’ din is-sena, fuq talbiet minn terzi, il-Pulizija kienet rikunsidrat il-proċedura eżistenti li il-logħob tan-nar lejn Għawdex jinħatt kollu Ħondoq ir-Rummien. Wara li gew ikkunsidarati diversi fatturi, ġie deċiż illi l-ħatt tal-logħob tan-nar f’Għawdex kellu jibda jsir skond il-lokalità lejn fejn ikun iddestinat, u dan kif ġej:
Qala - Għajnsielem
Ħondoq ir-Rummien
Munxar – Sannat – Rabat – Għarb - Kercem – Xlendi - Xewkija
Mġarr ix-Xini
Xagħra – Marsalforn – Żebbug - & San Lawrenz
Qbajjar
Nadur
Daħlet Qorrot.
Minkejja dawn l-arranġamenti, l-pulizija lesta li tikkonsidra kull suġġeriment li jista’ jsirilha sabiex il-ġarr tal-logħob tan-nar f’Għawdex isir bis-sigurtà kollha rikjesta, kemm għall-persuni involuti fl-istess ġarr, kif ukoll bl-inqas periklu u inkonvenjent għall-pubbliku.
laqgħat ta’ konsultazzjoni — Kampanja pubbliċitarja
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu kull gazzetta, stazzjon tar-radju, stazzjon tat-TV u portal għall-kampanja pubbliċitarja li saret għal-laqgħat ta’ konsultazzjoni li nżammu fil-Berġa ta’ Kastilja u fil-Ministeru għal Għawdex?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3024, fejn intqal li r-rakkomandazzjonijiet għall-principal pharmacy technicians intbagħtu lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, jista’ l-Prim Ministru jgħid meta se joħorġu l-appointments ta’ dawn il-principal pharmacy technicians li r-riżultati tal-interviews għalihom ħarġu fl-14 ta’ Frar 2013 u jekk dawn hux se joħorġu backdated minn meta ħareġ ir-riżultat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Saru sitt ħatriet fil-kariga ta’ Principal Pharmacy Technician b’effett mit-2 ta’ Lulju 2013. Dan sar skont il-prattika normali f’każ ta’ ħatriet fis-Servizz Pubbliku għal żmien indefinit li jsiru wara sejħa għall-applikazzjonijiet, jiġifieri li l-ħatra tkun effettiva mid-data ta’ meta dik il-ħatra tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
San Pawl il-Baħar – applikazzjoni mid-dipartiment tas-sajd
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ żvilupp saret applikazzjoni għalih mid-dipartiment responsabbli mis-sajd fl-inħawi tal-Veċċja, San Pawl il-Baħar? X’użu se jsir minn dan l-iżvilupp, u min hu mistenni li jagħmel użu minnu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament qed isiru l-kunsultazzjonijiet meħtieġa mid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, biex il-Breakwater f’tal-Veċċja jkun msaħħaħ. Huwa ntenzjonat ukoll li jsiru xogħolijiet oħra ta’ manutenzjoni fiż-żona ta’ madwaru li jinkludu s-slipways u l-moll. Bħalissa qegħdin jiġu finalizzati l-pjanti u stimi biex fil-ġimgħat li ġejjin tkun sottomessa applikazzjoni ta’ żvilupp mal-MEPA.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uffiċjali tad-dipartiment jagħmlux spezzjonijiet minn żmien għal żmien fl-inħawi tal-Miżieb biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm ħaxix ħażin li jitħalla jikber u jinxef taħt is-siġar taż-żebbuġ, liema ħaxix jista’ jikkawża nirien kbar jekk jaqbad?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li għal numru konsiderevoli ta’ snin ma saru l-ebda spezzjonijiet minn l-uffiċjali tad-dipartiment fl-inħawi tal-Miżieb. Ser jiġi evalwat eżattment x’kuntratti hemm relatati ma dan il-post u x’obbligi kuntrattwali hemm jew m’hemmx sabiex imbagħad wieħed jkun jista’ jirregola aħjar x’għandu jsir.