Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' serq ġie rrappurtat fl-Isptar Mater Dei u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu matul ix-xahar ta' April, Mejju u Ġunju 2013?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li kienu irrappurtati sitt (6) każijiet ta’ oġġetti nieqsa minn postijiet pubbliċi, kif ukoll tlett (3) każijiet minn postijiet ristretti (jinkludu Swali). B’total ta’ disa’ (9) każi fi tlett xhur. Il-breakdown ta’ dawn il-każijiet huwa kif jidhru hawn taħt:
April: Erbgħa (4) minn postijiet pubbliċi u wieħed (1) minn post ristrett
Mejju: Tnejn (2) minn postijiet pubbliċi u wieħed (1) minn post ristrett
Gunju: Xejn minn postijiet pubbliċi u wieħed (1) minn post ristrett
Jista’ jkun li kien hemm każijiet oħra li ma ġewx irrapurtati lill-Membri tas-Sigurta’ tal-Isptar Mater Dei, iżda kienu rappurtati direttament l-għassa tal-Pulizija tal-Imsida.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li sar audit mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fl-Isptar Mater Dei u x'kien ir-riżultat ta' dan l-audit?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li matul l-2013, Uffiċċjali tal-OHSA wettqu 6 spezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei f’sezzjonijiet differenti tal-isptar, bl-aħħar spezzjoni ssir fit-28 ta’ Marzu 2013. Saru wkoll diversi laqgħat ma’ nies differenti qabel, u jew wara dawn l-ispezzjonijiet. Mhux kull spezzjoni wasslet biex jinħarġu ordnijiet mill-Uffiċċjali għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol.
Skont l-Att innifsu, rapporti dwar spezzjonijiet f’kull post tax-xogħol jitqiesu b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li sar audit mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fl-Isptar Boffa u x'kien ir-riżultat ta' dan l-audit?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li matul l-2013, Uffiċċjali tal-OHSA wettqu żewġ spezzjonijiet fl-Isptar Boffa, bl-aħħar waħda ssir fit-23 ta’ Mejju 2013. Mhux kull spezzjoni tirriżulta f’Ordnijiet maħruġa minn Uffiċċjali għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
Skont l-Att innifsu, rapporti dwar spezzjonijiet f’kull post tax-xogħol jitqiesu b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li sar audit mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fl-Isptar Karin Grech u x'kien ir-riżultat ta' dan l-audit?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-aħħar darba li Uffiċjali tal-OHSA wettqu spezzjoni fl-Isptar Karen Grech kien fl-10 ta’ Ġunju 2013, waqt li nħarġu wkoll numru ta’ ordnijiet skont l-Att dwar l-Awtorita (Kap. 424). Ġiet skedata follow up inspection biex tkun assigurata l-konformita ma’ dawn l-ordnijiet.
Skont l-Att innifsu, rapporti dwar spezzjonijiet f’kull post tax-xogħol jitqiesu b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li sar audit mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u x'kien ir-riżultat ta' dan l-audit?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-aħħar darba li Uffiċjali tal-OHSA wettqu spezzjoni fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex matul l-2013 kien fid-19 ta’ Ġunju. Mhux kull spezzjoni ta’ Uffiċċjali twassal biex jinħarġu Ordnijiet mill-Uffiċjali.
Skont l-Att innifsu, rapporti dwar spezzjonijiet f’kull post tax-xogħol jitqiesu b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li sar audit mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fiċ-ċentri tas-saħħa u x'kien ir-riżultat ta' dan l-audit?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li matul l-2013, saru tlett (3) spezzjonijiet f’ċentri tas-saħħa, bl-aħħar spezzjoni ssir fl-4 t’April. Mhux kull spezzjoni li ssir minn Uffiċjali twassal biex jinħarġu Ordnijiet mill-Uffiċjali.
Skont l-Att innifsu, rapporti dwar spezzjonijiet f’kull post tax-xogħol jitqiesu b’mod kunfidenzjali.
Istituzzjonijet tal-Unjoni Ewropea – ingaġġ ta’ Maltin
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jipprovdi tabella aġġornata fuq dik li kienet ipprovduta fir-risposta għall-PQ 15749 (Leġiżlatura XI) dwar Maltin impjegati mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea?
Response (GRECH, LOUIS)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Din l-informazzjoni hija miġbura strettament skont ir-regoli li jirrigwardjaw il-Protezzjoni tad-Data, liema regoli jistipulaw li din l-informazzjoni qed tingħata biex ikun hemm aġġornament fl-ingaġġ ta’ċittadini Maltin mal-istituzzjonijiet Ewropew u ma tistax tintuza għal finijiet oħra.
Jista’ l-Ministru jara li inkjesta interna, li hu diġà informat dwarha, li se ssir fil-Floriana Learning Centre issir b’mod ġust u b’mod li tipproteġi lil kull għalliem li jixtieq jixħet dawl fuq il-verità? Jista’ jara li jissolvew problemi li jidher li hemm bħalissa bejn it-Teacher in Charge tal-Floriana Learning Centre u l-għalliema tal-istess ċentru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-panel li qed jistudja s-sitwazzjoni tal-Floriana Learning Support Centre huwa magħmul minn tlett uffiċjali għolja tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (żewġ Diretturi u Prinċipal tal-Kulleġġ). Il-panel se jagħmel rakkomandazzjonijiet biex iċ-Ċentru jkompli jimxi 'l quddiem kif jixraq lill-istudenti.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jaħdmu fuq id-dokument finali tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Litteriżmu? Sa meta qed ikun ippjanat li tkun lesta din l-istrateġija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-dokument finali huwa ppjanat li jitlesta iżjed tard din is-sena.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3149, jista’ l-Ministru jgħid sa meta se jitlesta l-istudju msemmi fir-risposta dwar it-tqassim ta’ skejjel u meta se jkun f’pożizzjoni li jgħid kemm se jiżdiedu l-iskejjel tal-istat b’effett tad-deċiżjoni ta’ skejjel iżgħar u bl-introduzzjoni tal-middle schools?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant jingħata meta jittieħdu d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu f'dan il-qasam.
Bordijiet tat-Tribunal ta’ Reviżjoni u l-Ippjanar — kompożizzjoni
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif inhuma komposti l-Bordijiet tat-Tribunal ta’ Reviżjoni u l-Ippjanar u jagħti r-remunerazzjoni u l-lista ta’ benefiċċji kollha li għandhom iċ-chairperson, il-membri u l-membri sostituti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Bordijiet tat-Tribunal tar-Reviżjoni u l-Ippjanar — kompożizzjoni
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif intgħażlu ċ-chairpersons u l-membri tal-Bordijiet tat-Tribunal tar-Reviżjoni u l-Ippjanar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-
chairman
u l-membri tat-Tribunal ta' Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ingħażlu fuq il-mertu tal-kapaċitajiet tagħhom kif dejjem sar.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex inħass il-bżonn li jitwaqqaf Bord tat-Tribunal ta’ Reviżjoni u l-Ippjanar ieħor minbarra dak li kien diġà jeżisti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Peress li t-Tribunal attwali kellu 500 każ imħalli għal deċiżjoni, fejn uħud minn dawn il-każijiet ma ġewx deċiżi anke jekk kien hemm data ġa kkomunikata lill-partijiet, oltre l- fatt li dan l-istess Tribunal kellu ċirka 600 każ pendenti għas-smiegħ, il-Gvern ħass li tali sitwazzjoni mhix aċċettabli fil-konfront tal- appellanti. Appuntu għalhekk, inħass li jinħatar Tribunal ġdid, bl-intiża ċara li l-ewwel Tribunal jagħti d-deċizjonijiet possibilment aktar malajr u l-każijiet pendenti jiġu trattati aktar malajr.
Jista’ l-Prim Ministru jispjega fid-dettall il-proċess li se jiġi addottat biex isiru bidliet fil-pjanijiet lokali?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess li bih isiru bidliet fil-pjanijiet bħalissa huwa regolat mill-Att X tat-2010 li f'artikli 47-50 u artikli 54-58 huwa spjegat fid-dettal il-proċess tat-tfassil, inkluż emendi sostanzjali, ta' pjanijiet lokali. Fil-każ odjern, qed issir konsultazzjoni pubblika addizzjonali bil-għan li wieħed jifhem aħjar ideat li jikkontribwixxu għall-aġġornamenti, fejn hemm bżonn ta' kjarifiki ta' policies eżistenti, fejn policies m'għadhomx applikabbli u fejn policies u/jew mapep jistgħu jibbenefikaw minn emendi. Din l-ewwel fażi ta' konsultazzjoni tagħlaq fit-30 ta' Settembru 2013.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħass il-bżonn li jsiru bidliet fil-Pjanijiet Lokali?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi l-liġi tikkontempla illi wara li jgħaddu sentejn minn approvazzjoni ta' pjan sussidjarju bħal ma hu pjan lokali, dan ikun jista’ jiġi revedut. L-aħħar sett ta' pjanijiet lokali ġew approvati fl-2006. Fl-amministrazzjoni preċedenti kien twaqqaf kumitat ad hoc fuq ir-riforma tal-policies tal-MEPA li kien issuġġerixxa li jsiru reviżjoni tal-pjanijiet lokali flimkien ma’ reviżjoni tal-pjan ta' Struttura.
L-amministrazzjoni preċedenti segwiet dan il-parir u varat l-istadji inizjali tal-proċess ta' reviżjoni tal-pjan strateġiku u nbeda xogħol preliminari fuq il-pjanijiet lokali. Huwa intenzjonat li l-istadji inizzjali ta' konsultazzjoni pubblika fuq il-pjanijiet lokali mħabbra dan l-aħħar jixħtu aktar dawl fuq l-issues u ideat ġodda biex eventwalment dawn jgħinu lill-Gvern jifformola u jippubblika l-oġġettivi tar-reviżjoni tal-pjanijiet lokali skont ma titlob il-liġi.
Fl-istess ħin il-Gvern qed jaħdem fuq il-finalizzazzjoni tar-reviżjoni tal-pjan strateġiku (Strategic Plan for Environment and Development - SPED). B'hekk jissawar il-qafas strateġiku nazzjonali ġdid li fuqu jiġu ibbażati l-policies marbuta mar reviżjonijiet tal-pjanijiet lokali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huma l-ħaddiema fiċ-Ċivil f'Malta u Għawdex li huma minn skala 3 sa skala 7 li qed jibbenefikaw minn family friendly measures, partikolarment mis-servizzi tat-teleworking?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tenders ħarġu f’dawn l-aħħar tliet xhur u jagħti d-dettalji relattivi? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew aġġudikati u kemm kien hemm tenderers għal kull tender?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.