ħolqien ta’ c + d waste generation — miżuri regolatorji
Question
Peress li l-Gvern l-ieħor kellu jintroduċi miżuri regolatorji u fiskali biex inaqqas il-ħolqien ta’ c + d waste generation (construction and demolition) biex jippromwovi riċiklar ta’ materjal għall-bini, jista’ l-Ministru jgħid x'kienu dawn il-miżuri?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Peress li l-Gvern preċedenti kellu jimplimenta pjan nazzjonali dwar l-iskart perikoluż (hazardous waste), jista’ l-Ministru jgħid meta tlesta u beda jiġi attwat?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi għalkemm il-pjan nazzjonali dwar l-immanigjar tal-iskart fil-gżejjer Maltin (2008-2012) ikkopri il-miżuri dwar skart perikoluż ma jiriżultax li kellu jiġi implementat pjan nazzjonali dwar l-iskart perikoluż (hazardous waste) separatament mill-pjan nazzjonali għall-immaniġjar ta' l-iskart. Meta ġiet mnedija l-istrateġija intqal li “immediate action has to be taken so that the current practice of storing hazardous wastes, where they arise, would be terminated”.
Jekk niftakar sew, fil-Parlament l-ex Ministru għall-Ambjent kien anki stqarr fi tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari tiegħi fuq domanda supplimentari, li huwa diffiċli ħafna li wieħed jiddifinixi x'inhuwa verament skart perikoluż u li kellu jsir studju dettaljat dwar dan.
Sadanitant, il-Gvern l-ieħor minn naħa l-oħra kien għamel tħejjijiet biex ikollna
hazardous waste treatment facility
żviluppata - proċess li ħa żmien konsiderevoli anki mill-aspett tal-ippjanar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għad hemm asbestos maħżun f'pajjiżna u kemm minnu għadu qed jinżamm fl-istorage jistenna d-disposal?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat. Li huwa ċert hu li meta saret l-istrateġija dwar l-iskart kien ġie stabbilit li xi elfejn metru kubu ta’ asbestos kien stmat li kien qed jinżamm fl-istorage jistenna d-disposal.
Billi fis-sena 2010 il-Gvern kien wiegħed review urġenti tal-faċilitajiet eżistenti tal-WEEE u anki inċentivi fiskali biex jiżgura li jintlaħqu l-miri taħt id-Direttiva WEEE, jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawn l-inċentivi u meta ddaħħlu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jekk saret din r-review ma tantx jidher li tat frott għalhiex sal lum għadna nirċievu lmenti kbar mill-korpi kostitwiti kemm fuq l-eko kontribuzzjoni kif titħaddem kif ukoll fuq it-tħaddim tal-WEEE li ma jidhirx li laħaq il-livelli meħtieġa.
Impjegati fis-servizz pubbliku — Review dwar riżorsi umani
Question
Billi l-pjan tal-Gvern preċedenti kien li ssir review dettaljata tar-riżorsi umani u ħteġijiet tat-taħriġ tal-entitajiet governattivi kollha, jista’ l-Prim Ministru jgħid din ir-review meta bdiet, meta ntemmet u meta l-Gvern beda jaħdem fuq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-inizjattiva sabiex titfassal strateġija ċentrali u fit-tul għar-riżorsi umani u t-taħriġ fl-Amministrazzjoni Pubblika ġiet varata fl-aħħar tas-sena li għaddiet. Fil-preżent, għaddej eżerċizzju mad-dipartimenti u l-entitajiet tal-Gvern kollha sabiex tiġi finalizzata l-istrateġija ministerjali rispettiva, li wara għandha twassal għal analażi dettaljata tas-sottomissjonijiet, konsultazzjoni fejn meħtieġ u l-ħolqien ta’ strateġija komuni għall-Amministrazzjoni Pubblika.
Għal dak li hu taħriġ, iċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u Taħriġ fl-2010 wettaq eżerċizzju fost kampjun (sample population) tal-impjegati fil-livelli klerikali u maniġerjali kollha tal-ministeri, li analizza l-ħtiġiet tat-taħriġ (TNA), bħala parti minn proġett ko-finanzjat mill-UE, u abbażi tar-riżultat ta’ din l-analiżi, qiegħed jeseggwixxi numru ta’ programmi ta’ taħriġ taħt dan l-istess proġett.
Peress li taħt il-Gvern preċedenti meta twaqqaf il-waste management register kien ġie mwiegħed li jitwaqqaf fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk illum hemmx garanzija li l-pubbliku qed jiġi infurmat regolarment kif suppost dwar il-permitted waste facilities u activities kollha f'pajjiżna?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu nurses, nursing aides, carers u fattigi mis-swali fir-Residenza San Vinċenz de Paul wara li ngħataw transfer mill-elezzjoni lil hawn? Tista’ tagħti l-informazzjoni skont il-grad? Fejn intbagħtu jaħdmu kull membru tal-istaff?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Residenza San Vinċenz de Paul — anzjani akkumpanjati minn infermiera
Question
Tista’ l-Ministru tara għaliex anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul qed jinħarġu mir-residenza, mill-Entertainment Section (jew Active Ageing) mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn infermier?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħruġ tal-anzjani mill-swali ġenerali jkunu fil-biċċa l-kbira tagħhom akkumpanjati minn Nursing Aids filwaqt li l-anzjani rikoverati f’swali speċjalizzati bħal dik tad-demensja jkunu akkumpanjati minn tal-inqas infermier/a.
Residenza San Vinċenz de Paul — Entertainment Section – sigħat ta’ overtime
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2886, tista’ l-Ministru tagħti l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija, jiġifieri tgħid kemm ħadem sigħat ta’ overtime kull impjegat li hemm fl-Entertainment Section tar-Residenza San Vinċenz de Paul? Fejn ħadem overtime kull impjegat u f’liema ġranet?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3184 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2887 tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-grad tas-security guard jew security guards li ġie/ġew trasferit/i għal mas-security officers fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn wara l-aħħar elezzjoni? X’kien/u jagħmel/jagħmlu qabel ġie/ġew trasferit/i bħala security guard?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija se tingħata f'seduta oħra.
Residenza San Vinċenz de Paul – job experience għal persuni b’diżabilità
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3188, tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija billi tgħid minn Marzu lil hawn kemm-il persuna attendiet għal job experience jum b’jum?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Minsitru tgħid minn Marzu sal-lum kemm ġew admitted anzjani:
Fir-residenza San Vinċenz De Paul;
Fid-djar tal-Anzjani tal-Gvern;
Fil-Karin Grech Rehabilitation Hospital; u
permezz bl-iskema ta’ Public Private Partnership?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammissjonijiet minn Marzu sal-lum huma dawn:
Fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul - 119
Fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern - 53
F’Karen Grech Rehabilitation Hospital - 506
Bl-Skema ta’ Public Private Partnership - 51
Ħal Qormi – Triq Lydda – permess għal reserved parking
Question
Jista’ l-Ministru jghid jekk fi Triq Lydda, Ħal Qormi hemmx permess minn Transport Malta għal reserved parking għal tliet karozzi, liema parking ġie mdawwar b'ċint ta' tliet filati fuq it-tarmak eżistenti? X' passi se tieħu Transport Malta jekk tali parking u ħajt saru mingħajr il-permessi neċessarji?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li skont Transport Malta, m’hemm l-ebda approvazzjoni għall-kaxxi tal-parkeġġ riservati u lanqas għaċ-ċint li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant. Il-passi neċessarji sabiex jitneħħa dan iċ-ċint huma responsabbilta’ tal-pulizija skont Avviż Legali 29 tal-2010 (Kap. 499). Kemm il-kunsill lokali kif ukoll il-pulizija huma infurmati b’dan il-każ.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk ċint ta' tliet filati li tela’ fit-triq fi Triq Lydda, Ħal Qormi għandux il-permessi neċessarji? X' passi se tieħu l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) jekk tali ċint sar mingħajr il-permessi neċessarji?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saru l-investigazzjonijiet neċessarji. Min tella' l-ħajt sostna mal-uffiċjali tal-Infurzar tal-MEPA illi dan sar għax il-propjeta` għadha privata u għalkemm tifforma parti minn triq proposta (li għad trid tinfetaħ skont l-iskema uffiċjali) l-art qatt ma ġiet esproprijata mill-awtoritajiet għal skop ta' toroq. Għaldaqstant ħasset id-dritt li kellha tagħlaq il-propjeta` tagħha.
Il-MEPA ma tidħolx fi kwistjonijiet ta' pussess jew ta' esproprjazzjoni. Madankollu, peress li ma kienx hemm permess tal-iżvilupp biex jinbena ċ-ċint, il-MEPA bdiet proċeduri ta' infurzar skont ECF 190/13 kontra s-sidien talli nbena dan iċ-ċint mingħajr permess u mingħajr ma' ġiet mitluba/mogħtija l-linja uffiċjali. Il-każ ser jibqa’ jkun segwit skont il-proċeduri stabbiliti.
Jista’ l-Ministru jgħid x’investigazzjonijiet wettaq il-Ministeru wara rapport fil-ġurnali dwar il-kwalità/tip ta’ fuel li qed tingħata l-Air Malta biex tħaddem l-ajruplani tagħha? X’irriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rapport li deher fil-ġurnal Malta Today nhar il-Ħadd 7 ta’ Lulju 2013, kien investigat u mwieġeb dakinhar stess. Ir-risposta dehret nhar it-Tnejn 8 ta’ Lulju 2013. Ir-rapport isemmi densita’ ta’ fjuwil Jet A1 fornut lill-ajruplani Air Malta mhux skont l-istandards. Ir-risposta li ntbagħtet lill-ġurnal tispjega illi d-densita’ tiddependi mit-temperatura u r-referenza għad-densita’ għandha ssir f'temperatura standard. Meta tikkoreġi d-densita’ minħabba l-effetti tat-temperatura, id-densita’ tal-fjuwil hija fil-limiti permessi. Għalhekk il-Korporazzjoni Enemalta qed tipprovdi fjuwil bi ispeċifikazzjoni korretta lill-ajruplani kollha.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk waslux ilmenti fil-Ministeru dwar il-fatt li l-Gozo Channel qiegħda tagħlaq partijiet mill-vapuri tagħha għal numru ta’ vjaġġi matul ċertu ħinijiet tal-ġurnata/lejl, bil-konsegwenza li l-passiġġieri jkollhom joqogħdu bilwieqfa matul il-vjaġġ kollu? Jekk iva, x’irriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet/rapporti?
Response (REFALO, ANTON)
Jiena infurmat li l-Ministeru għal Għawdex ma rċieva l-ebda ilmenti kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Barra minn hekk ninsab infurmat li l-anqas il- Gozo Channel ma irċeviet ilmenti simili. Minn investigazzjoni li għamet il-Gozo Channel ma jirriżultax li hemm vjaġġi fejn il-passiġieri qed ikollhom joqgħodu bilwieqfa matul il-vjaġġ f'dawn il-ħinijiet billi hemm partijiet oħrajn fuq il-vapuri fejn il-passiġieri jistghu joqgħodu bilqiegħda.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministru tax ordni biex partijiet mill-vapuri tal-Gozo Channel jingħalqu għall-passiġieri matul numru ta’ vjaġġi, u dan minkejja li jkun hemm numru kbir ta’ persuni abbord, bil-konsegwenza li n-nies li jkun hemm fuq il-vapur ikollhom jagħmlu l-vjaġġ bilwieqfa?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
San Pawl il-Baħar – ilmenti fuq rotta ta’ karozza tal-linja
Question
Peress li waslu xi rapporti li l-karozza tal-linja bin-numru 41 u 42, nhar is-Sibt 6 ta’ Lulju, prattikament m’għamlitx it-trip tagħha bejn is-6:00pm u t-8:00pm (fil-bus stop bl-isem Mary) fit-triq prinċipali ta’ San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jinvestiga l-każ u jinforma lill-Kamra dwar x’ġara?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li minn investigazzjoni li għamlet Transport f’Malta fuq is-sistema elettronika li timmoniterja s-servizz tat-trasport pubbliku permezz ta’ sistema ta’ tracking tax-xarabanks, irriżulta s-sussegwenti fuq ir-rotot 41 u 42 li operaw nhar is-6 ta’ Lulju 2013 bejn is-6.00pm u t-8.00pm:
· Minn sitt vjaġġi skedati li jitilqu miċ-Ċirkewwa lejn il-Belt Valletta, jirriżulta li l-vjaġġi kollha telqu miċ-Ċirkewwa. Madanakollu rriżulta li wieħed mill-vjaġġi li kellu jgħaddi minn fuq bus stop Mary għall-ħabta tas-7.08pm m’għaddiex minħabba li x-xufier wettaq devjazzjoni mhux awtorizzata u minflok għadda mill-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar.
· Minn sitt vjaġġi skedati li jitilqu mill-Belt Valletta lejn iċ-Ċirkewwa, jirriżulta li saru ħames vjaġġi minħabba li kien hemm xarabank li waqaf bil-ħsara. Irriżulta wkoll li wieħed mill-vjaġġi li kellu jgħaddi minn fuq bus stop Mary għall-habta tas-6.36pm m’għaddiex minħabba li x-xufier wettaq devjazzjoni mhux awtorizzata u minflok għadda mill-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta ser timponi l-penali applikabbli skont il-kuntratt fiż-żewġ każijiet fejn saret devjazzjoni, filwaqt li ser timponi wkoll multa oħra minħabba li l-operatur tat-trasport naqas milli jibgħat karozza oħra minflok ix-xarabank li waqfet bil-ħsara, għalkemm nemmen li l-iktar ħaġa mportanti mhux il-multi imma li jkompli jitjieb is-servizz.
Infurmat ukoll illi Transport Malta tagħmel moniteraġġ ffukat fuq rotot speċifiċi sabiex tassigura li r-rotot qed isiru kif suppost. F’każ li jiġu identifikati devjazzjonijiet mhux awtorizzati, Transport Malta tieħu l-azzjonijiet skont kif stipulat fil-kuntratt, kif ukoll tirrikjedi lill-operatur tat-trasport sabiex jieħu l-passi neċessarji sabiex dan ma jibqax iseħħ.
Fil-ġimgħat li ġejjin Transport Malta ser tiffoka l-moniteraġġ tagħha fuq ir-Rotot 41 u 42 sabiex jekk isiru devjazzjonijiet mhux awtorizzati tinforma lill-operatur tat-trasport bil-ghan li jittieħdu l-passi neċessarji u jingħata servizz kif suppost.
Nħeġġeġ lill-pubbliku li f’xi diffikulta jagħmlu kuntatt ma Transport Malta fuq freephone 80072393
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3336, billi l-camera partikolari li għamilt referenza għaliha, dik tal-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, mhux biss kienet saret applikazzjoni għaliha, iżda kienet ukoll approvata, jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif kollu marbut ma’ din il-camera, għaliex ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar li joqogħdu qrib il-bypass qed ibatu minn bosta inkonvenjenti?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jerġa’ jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 3336, fejn intqal li, skont proċeduri stabbiliti f’Ottubru 2012, kull applikazzjoni għal speed cameras, inkluż dawk eżistenti, kellha tiġi sottomessa mill-kumitat reġjonali. Skont dawn il-kriterji, din l-applikazzjoni partikulari kellha terġa’ tiġi sottomessa.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3339 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jagħtu informazzjoni dwar l-attendenza ġimgħa ġimgħa għas-sajf 2012? Jista’ jagħti t-tagħrif għal-din is-sena, bl-istess mod?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma nżammitx l-ebda statistika ġimgħa b’ġimgħa tal-attendenza fis-sajf 2012. Madanakollu ninsab infurmat ukoll li bejn wieħed u ieħor kienu attendew madwar 91,500. Għal din is-sena qed tinġabar l-istatistika.