Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma għaddiex mill-bord mediku meta l-kundizzjoni li għandu hi waħda kronika?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Tista' l-Ministru tgħid tistax issir spezzjoni fil-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-inkwilini qed jilmentaw li ma' kull xita jegħrqu u l-post perikoluż?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-persuna kkonċernata mhumiex korretti għalhekk l-informazzjoni ma tistax tingħata għalissa.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament mhux tieħu allowance ta' binha? X'tista' tagħmel biex tibbenifika jekk hi eliġibbli?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament mhux tieħu għajnuna tal-mard minkejja li għandha mard kroniku u minkejja li mid-dħul tagħha ta' €135.54 fil-ġimgħa tħallas €100 fix-xahar bħala manteniment?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi żvilupp sabiex isir ħlas lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u dan wara li lestew kull xogħol u ppreżentaw l-irċevuti fiskali għall-applikazzjoni SM 7/2012?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġranet li ġejjin l-applikent imsemmi ser jirċevi appuntament sabiex issir spezzjoni fil-post tar-residenza tiegħu sabiex jiġu kkonfermati x-xogħlijiet li saru u b’hekk ikun jista’ jsir il-ħlas relatat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm atleti li bbenefikaw mill-iskema tal-Kunsill Malti għall-Isport ta' 20/20 matul is-sena li għaddiet? Jista' jgħid kemm minnhom kienu jaħdmu mal-privat, kemm mal-Gvern u kemm kienu self-employed? Jista' jgħid ukoll kemm tħallas għal kull kategorija u kemm kien l-akbar ammont li tħallas lil atleta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sena li għaddiet kien hemm 20 atleta li bbenefikaw mill-Iskema 20/20, li minnhom 9 huma ħaddiema fis-settur pubbliku, 10 huma ħaddiema tal-privat u 1 huwa self-employed.
L-atleti li jaħdmu fis-settur pubbliku li huma taħt din l-iskema jibqgħu jirċievu l-paga sħiħa mid-dipartiment rispettiv tagħhom u għaldaqstant il-Kunsill Malti għall-Isport ma jkollux l-ammont tal-paga li jirċievu l-atleti iżda jkollu biss il-grad tas-salarju. Filfatt l-ogħla skala tal-ħaddiema f'din l-iskema u li huma fis-settur pubbliku hija dik ta' skala 7.
L-atleti li jaħdmu fis-settur privat li jaqgħu taħt din l-iskema fl-2012 tħallsu l-ammont ta' €77,511.85c, bl-ogħla rata tkun dik ta' €15,000.
L-uniku atleta li huwa self-employed fl-2012 irċieva €8,522.80c.
Jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli sena b'sena sa mit-twaqqif tal-iskema tal-Kunsill Malti għall-Isport ta' 20/20, għall-approvazzjoni tal-atleti u l-ammont li għandu jitħallas?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li l-atleta japplika permezz tal-għaqda sportiva tiegħu, is-Sur Pippo Psaila kien jagħti l-parir jekk l-atleta għandux jiġi nkluż fl-iskema, skont l-informazzjoni mgħotija kemm mill-atleta kif ukoll mil-kowċ tiegħu/tagħha. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu jiġu mgħoddija lis-Segretarju Permanenti biex joħroġ l-approvazzjoni. Il-ħlas isir dejjem skont il-paga jew skont l-ammont ta' siegħat li l-atleta juża pro-rata tal-paga.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm coaches li bbenefikaw mill-iskema tal-Kunsill Malti għall-Isport ta' 20/20 matul is-sena li għaddiet? Jista' jgħid kemm minnhom kienu jaħdmu mal-privat, kemm mal-Gvern u kemm kienu self-employed? Jista' jgħid ukoll kemm tħallas għal kull kategorija u kemm kien l-akbar ammont li tħallas lil coach?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskema 20/20 għall-coaches tnediet fil-baġit tas-sena li għaddiet u se tkun qed tibda aktar tard din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli sena b'sena sa mit-twaqqif tal-iskema tal- Kunsill Malti għall-Isport ta' 20/20, għall-approvazzjoni tal-coaches u l-ammont li għandu jitħallas? Jista' jgħid jekk qattx ittieħdu in konsiderazzjoni l-kwalifiċi li jkollhom il-coaches? Jista' jgħid ukoll jekk l-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet nazzjonali ġewx involuti jew/u kkonsultati fl-għażla tal-coaches?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskema 20/20 għall-coaches tnediet fil-baġit ta' din is-sena u se tkun qed tibda aktar tard din is-sena.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — membri tas-segretarjat
Question
Tista' l-Ministru tgħid min huma l-membri kollha tas-segretarjat privat tagħha, kif ukoll tas-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru? X'inhi l-kariga ta' kull wieħed u waħda minn dawn l-impjegati? X'inhuma r-responsabbilitajiet ta' kull kariga? X'inhu s-salarju tagħhom, l-allowances li għandhom dritt għalihom, kif ukoll benefiċċji oħra li jagħmlu parti mill-pakkett offrut lilhom f'dan l-impjieg? X'inhuma l-kwalifiki ta' kull wieħed u waħda minnhom? X'kien l-impjieg jew il-kariga tagħhom bejn l-1 ta' Marzu 2012 u t-8 ta' Marzu 2013? X'kien id-dħul tagħhom minn dan l-impjieg?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġibiet li ngħataw fil-mistoqsijiet parlamentari 544, 545 u 1613.
Rigward il-mistoqsija dwar l-allowance kif ukoll benefiċċji oħra li jagħmlu parti mill-pakkett offrut lis-segretarjat fi hdan il-Ministeru; din l-informazzjoni tista tinstab fl-‘Engagement of Staff for Minister’s Secretariats’. Dan tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fil-15 ta’ April 2013 f’seduta 7.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — inventarju
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk mal-ħatra tiegħu kellux inventarju ta' x'suppost kien hemm fil-Ministeru? Jekk fl-affermattiv tista' tgħid jekk ġiex konfermat li dak kollu mniżżel fl-inventarju instabx? Jekk kien hemm xi nuqqasijiet, tista' tgħid jekk ittieħditx xi azzjoni, u x'inhi din l-azzjoni?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mal-ħatra tiegħi fil-Ministeru kien hemm inventarju eżistenti. Qabel il-ħatra tal-Ministru fit-28 ta' Frar 2013, l-inventarju ġie ċċekjat u mal-ħatra tal-Ministru fit-8 ta' Marzu, fit-18 ta' Marzu, l-istess inventarju ġie ċċekkjat. Ġie kkonfermat li ma kien hemm l-ebda nuqqasijiet fl-inventarju.
Grupp ta' Ħidma dwar il-Pensjonijiet — rapporti fuq ir-rakkomandazzjonijiet
Question
Peress li l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Pensjonijiet kien lesta r-rapport finali tiegħu wara konsultazzjoni twila mal-istakeholders kollha, u peress li dan ir-rapport kien fih numru ta' rakkomandazzjonijiet, u peress li fuq numru ta' rakkomandazzjonijiet fejn kien hemm qbil bejn kulħadd bdew jiġu attwati u fuq oħrajn kompliet għaddejja l-konsultazzjoni, tista' l-Ministru tgħid kif dan il-Gvern beħsiebu jimxi fuq din il-materja tal-pensjonijiet u jekk hix beħsiebha timxi fuq dan ir-rapport finali tal-Grupp ta' Ħidma?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — servizz ta' konsulenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha hux qed jagħmel użu mis-servizzi bħala konsulenti fuq bażi ta’ self employed ta’ ex-ħaddiema tal-Air Malta li kienu għażlu li jieħdu l-voluntary retirement scheme? Jekk iva, min huma, x’xogħol qed jintalbu jagħmlu u x’rati ta’ pagament qed jitolbu?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandniex ex ħaddiema tal-Air Malta li kienu għazlu li jieħdu l-voluntary retirement scheme jaħdmu il-Ministeru.
Ministeru għall-Famlija u Solidarjetà Soċjali – konsulenzi mill-1998
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-1998 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista’ tgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – servizz fil-kunsilli lokali
Question
Tista' l-Ministru tgħid f’liema kunsilli lokali sal-aħħar ta' Frar 2012 kien qed jingħata s-servizz mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali lir-residenti ta' dawk il-lokalitajiet? Tista' tagħti l-ġranet u ħinijiet fil-każ ta' kull kunsill fejn kien qed jingħata dan is-servizz? Tista' tikkonferma li dan is-servizz se jibqa' jingħata? Hemm il-ħsieb li dan jiġi estiż f'lokalitajiet oħra? Jekk iva, meta u f’liema lokalitajiet?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniku servizz li kien jingħata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sa l-aħħar ta’ Frar 2012 minn Kunsilli Lokali kien minn dak tal-Gudja. Is-servizz minn dan il-Kunsill kien u għadu jingħata kull nhar ta’ Erbgħa bejn it-8.00a.m. u 12.00p.m., u ma hemmx il-ħsieb li jitwaqqaf.
Dan is-servizz bażiku ta’ customer care qed jingħata ukoll minn seba’ kunsilli lokali oħra, ħamsa f’Malta (Ħ’Attard, il-Għargħur, il-Mellieħa, Pembroke u San Pawl il-Baħar,) u tnejn f’Għawdex (Għarb u Xgħajra).
Inżid ukoll li d-Dipartiment laqa’ żewġ talbiet mill-kunsilli lokali ta’ Ħal Safi u s-Sannat Għawdex u s-servizz minn dawn iż-żewġ lokalitajiet mistenni jibda jingħata mill-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ex membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew reinstated lura fil-Korp tal-Pulizija mill-11 ta' Marzu li għadda sad-data li tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jekk iva, x'kienet is-sena li fiha kienu ħarġu mill-Korp u xi grad kellhom dakinhar li telqu, u f'liema grad ġew reinstated?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-11 ta’ Marzu sal-lum, kien hemm żewġ membri tal-Korp li ġew reinstated. Wieħed kien spiċċa mill-Korp fl-2004 fil-grad ta’ surġent u l-ieħor spicca fl-2009 fil-grad ta’ supretendent. It-tnejn li huma kienu ġew reinstated fil-grad li kienu jokkupaw qabel ma spiċċaw mill-Korp. Fil-jiem li ġejjin se jiġu re-instated numru ieħor ta’ membri ladarba jkun hemm l-approvazzjonijiet neċessarji u ssir il-proċedura skont il-PSMC.
Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jinħarġu għal bejgħ il-flats li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament, skont l-iskema Kun Sid Darek?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-propjeta hawn fuq imsmmija tinsab għal bejgħ u f'każ li l-kerrejja konoxxuti huma nteressati li jixtru, huma mitluba li jiġu l-customer care tal-Awtorità tad-Djar sabiex japplikaw.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-komunikazzjoni interna tal-Korp tal-Pulizija li ħarġet ftit jiem ilu u ċjoè: GHQ/HR/280/2013/MSG?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhuwiex desirabbli li titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-komunikazzjoni interna tal-Korp tal-Pulizija billi din tirrendi pubblika ħinijiet u ċirkostanzi ta’ xogħol tal-Pulizija li jistgħu jkunu ta’ detriment lill-Pulizija u gwadan lill-kriminalità. L-Onorevoli Interpellant qed jingħata l-fakultà li jara l-kopja tal-komunikazzjoni interna privatament.