Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-bus terminus tal-Arriva jerġa’ jiġi Bieb il-Belt? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan il-bus terminus jespandi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed isiru laqgħat mal-entitajiet kollha ikkonċernati biex jiġi deċiż x’għandu jsir fejn illum hemm l-area tal-bus terminus.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-Gvern Malti fl-esplorazzjoni għaż-żejt, f’liema żoni u kemm-il rig hemm lest għall-esplorazzjoni taż-żejt?
Response (MIZZI, JOE)
Iż-żoni licenzjati fuq Production Sharing Contract huma:
Phoenicia Energy Company Ltd fi Blokki 4, 5, 6, u 7 ta' Area 4;
Heritage Oil f'Area 2 u Area 7.
Iz-zoni licenzjati fuq
Exploration Study Agreement
huma:
Capricorn Malta Ltd u Melita Exploration Company Ltd - Blokki 1,2 u 3 ta' Area 3.
Phoenicia Energy Company Limited huma obligati li jhaffru bir esploratorju fl-ewwel kwart ta' 2014.
Jista’ l-Ministru jgħid hemmx ippjanat aċċessibilità għall-parti ta’ fuq tal-Belt, fejn bħalissa l-aċċess huwa biss minn Triq San Mark? Jekk hemm pjan għal alternattiva oħra, jista’ jagħmel referenza meta u kif se jsir l-aċċess il-ġdid għan-naħa ta’ fuq tal-Belt Valletta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa Transport Malta qiegħda fil-proċess li tevalwa alternattivi oħra għall-aċċessibilità għall-parti ta’ fuq tal-Belt Valletta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il parking space huwa meħud mid-dipartimenti tal-Gvern fuq l-ewwel distrett, dawk fil-Belt Valletta, fil-Furjana, fil-Marsa, fil-Ħamrun, Santa Venera kif ukoll f’Tal-Pietà?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Niġbed l-attenzjoni li minn total ta’ 51 Reserved Parking Bay meħudha mid-dipartimenti tal-Gvern fuq l-ewwel distrett f’toroq pubbliċi, hija waħda biss li ġiet approvata wara Marzu tal-2013, il-ħamsin l-oħra kollha kienu ġew approvati qabel is-sena 2013.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn djar kif ukoll available units t’appartamenti għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent l-Awtorità tad-Djar, f’Malta għandha 17-il-post vakanti:-
§ tnejn huma djar;
§ waħda hija “maisonette”; u
§ 14 huma appartamenti.
F’Għawdex, l-Awtorità ghandha 15-il post vakanti li minnhom:-
§ waħda hija dar;
§ tlieta huma “maisonettes”; u
§ 11 huma appartamenti.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanati aktar djar jew djar ġodda għall-anzjani fil-komunitajiet tal-Belt Valletta, il-Ħamrun u l-Marsa?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ħareġ sejħa għall-operaturi fis-settur privat li huma nteressati biex jipprovdu faċilitajiet għal-kura fit-tul. Bħalissa għaddej il-proċess ta' evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet.
Delimara – għawm fil-bajja quddiem il-power station
Question
Jista’ l-Ministru jispjega r-raġuni għala twaħħlu tabelli biex ma jsirx għawm mal-bajja li tinsab quddiem id-daħla tal-power station ta’ Delimara?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li dawn it-tabelli ma twaħħlux minn Transport Malta. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx avukati impjegati b’kuntratt mal-Wasteserv? X’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-kuntratt, fosthom id-dħul minnhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent hemm. Persuna minnhom qegħda fuq kuntratt indefinit bħala part-timer u taħdem 25 siegħa fil-ġimgħa bir-rata ta’ 20 Ewro u 50 ċenteżmu fis-siegħa. Din il-persuna tgawdi wkoll minn 3,055 Ewro u 5 ċenteżmi fis-sena allowance għall-karozza, sa 93.75 litri fuel fix-xahar u 280 Ewro fis-sena għas-servizz ta’ mowbajl. Siegħa kuljum tista’ tinħadem mill-uffiċċju personali. Persuna oħra qegħda fuq kuntratt indefinit full-time, bix-xogħol imwettaq minn barra minn Malta, taqla’ somma annwali ta’ 29,615 Ewro u 64 ċenteżmu u tgawdi wkoll minn allowance ta’ 3,028 Ewro u 22 ċenteżmu fis-sena bħala senior manager, u 698 Ewro u 76 ċenteżmu fis-sena għas-servizz ta’ mowbajl. It-tielet persuna qegħda fuq kuntratt definit u taħdem 25 siegħa fil-ġimgħa full-time b’reduced hours bir-rata ta’ 16-il Ewro u 15-il ċenteżmu fis-siegħa.
Impjant ta' riċiklaġġ ta’ Sant Antnin – produzzjoni ta’ enerġija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-impjant ta' riċiklaġġ ta’ Sant Antnin huwiex qed jipproduċi xi forma ta’ enerġija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif ġie ddikjarat pubblikament, l-impjant ta’ Sant Antnin naqas li jaħdem u jitħaddem kif suppost, anke f’qasam essenzjali bħal dak tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-iskart. Dan kif ikkonfermat mir-review team indipendenti meta qalu li l-impjant ta’ Sant Antnin bilkemm qed jiġġenera terz tal-enerġija li suppost qed jipproduċi, tant li skont l-istess rapport pubbliku tagħhom, dan in-nuqqas serju se jkollu riperkussjonijiet nazzjonali anke biex nilħqu l-miri ta’ enerġija nadifa.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema triq kien qed jirreferi meta reċentement stqarr pubblikament “li l-flus li kienu se jintefqu fuq triq fil-Mellieħa, issa ġie deċiż li jintefqu fuq proġett ieħor” li ma kienx fil-lokalità tal-Mellieħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-istqarrija li għamilt fi Triq Melita fil-Belt Valletta, kont għidt li l-flus li ntefqu biex reġgħet saret Triq Melita kieku bihom konna nagħmlu żewġ toroq oħra minflok li erġajna qlajna triq ġdida wara sentejn.
Jien kont tajt eżempju ta’ Triq Pawlu Mallia fil-Gudja u Triq l-Istasija fil-Mellieħa. Dawn kienu biss eżempju tat-toroq li huma fil-programm ta’ toroq li jridu jsiru.
Naħseb li l-Onor. Interpellant jiddeplora l-fatt li Triq Melita kellha terġa tinqala’ u ssir mill-ġdid bi spejjeż għall-poplu Malti u jaqbel miegħi li kieku dawn il-flus setgħu intefqu biex isiru toroq oħrajn bħall-eżempji li tajt jiena fl-istess stqarrija imsemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li sad-9 ta’ Settembru 2013, ix-xogħol fuq Triq il-Mellieħa fil-Manikata ilu wieqaf għal numru ta’ ġimgħat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Mellieħa Manikata kellhom jieqfu minħabba li Transport Malta qed tistenna direzzjoni mingħand il-Water Services Corporation rigward shifting ta’ main ta’ drenaġġ li jaqsam minn ġewwa l-parkeġġ eżistenti maġenb din it-triq. Barra minn hekk, qegħdin isiru konsultazzjonijiet mal-MEPA biex isiru emendi rigward linji tat-triq biex ikun hemm immaniġġjar aħjar tat-traffiku f’din l-istess triq. Bħalissa qegħdin isiru wkoll xi xogħlijiet ta’ bini ta’ ħitan madwar it-triq.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ġie deċiż li t-tilqima kontra l-kanċer fl-għonq tal-utru tingħata lit-tfajliet li twieldu fl-2000 u fl-2001 u ma tingħatax lit-tfajliet li twieldu fl-1998 u fl-1999?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-programm nazzjonali ta’ tilqim kontra l-Human Papilloma virus (HPV), huwa ntiż biex joffri livell ta’ protezzjoni kontra infezzjoni, b’dan il-virus tista’ tissarraf f’riskju għola għall-kanċer tal-għonq tal-utru. Evidenza xjentifika u best practices miġbura minn diversi entitatjiet, bħall-American Cancer Society, National Institutes for Health and Care Excellence (NICE) kif ukoll il-prattika applikata fil-maġġoranza tal-pajjiżi fl-UE li diġa mplimentaw programmi bħal dawn, huwa lit-tilqim jingħata lit-tfajliet fl-eta ta’ 11-12-il’ sena. Għalhekk kien deċiz li l-programm ta’ Malta jistieden tfajliet meta jgħalqu 12-il’sena.
Il-programm tnieda fl-2012. Għalhekk il-programm beda billi stieden tfajliet li fl-2012 għalqu 12-il’ sena. Dawn it-tfajliet kienu dawk mwielda fl-2000. Kull sena se jkompli biex jistieden tfajliet li jagħlqu 12-il’ sena, fis-sena kurrenti.
Dipartiment tal-Agrikoltura – irziezet taż-żwiemel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-rekwiżiti mitluba mid-Dipartiment tal-Agrikultura sabiex persuna tkun tista’ tarma razzett taż-żwiemel fil-gżejjer Maltin u Għawdxin? Min jiddeċiedi jekk dawn ir-rekwiżiti humiex milħuqa jew le?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, ir-rekwiżiti meħtieġa mid-Dipartiment tal-Agrikoltura dwar stalel taż-żwiemel huma kif jidhru f’Tabella A, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Hija responsabbilta tad-Direttur tad-Dipartiment li jiddeċiedi jekk dawn ir-rekwiżiti ġewx milħuqa jew le wara li jingħata parir mill-Animal Husbandry Unit tad-Dipartiment.
Ta’ Giorni — Libjan Higher Vocation Institute - binja
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument iffirmat mal-Ministru għax-Xogħol Libjan fir-rigward tal-bini f’Ta’ Ġiorni, San Ġiljan, li se jservi ta’ binja għal-Libjan Higher Vocation Institute skont kif iddikjarat fl-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni datata 20 ta’ Settembru 2013?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Kopja tad-dokument mitlub mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kors tal-printing li kien isir fl-MCAST speċifikament fl-Institute of Art and Design, Tarġa Gap, il-Mosta hux ħa jiftaħ din is-sena? Jekk se jiftaħ, meta se jiftaħ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kors imsemmi se jiftaħ mal-korsijiet l-oħra full-time tal-MCAST f'din is-sena akkademika 2013/14.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – Kuntratt tal-Kap Eżekuttiv
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3382 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kuntratt tal-kap eżekuttiv il-ġdid tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pakkett finanzjarju u t-termini tal-kuntratt tal-Kap Eżekuttiv preżenti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, huwa fuq l-istess linji ma' dawk tal-Kap Eżekuttiv preċedenti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3258 u jagħti l-average reading ta’ kull pollutant tal-emissjonijiet tal-Power Station tal-BWSC kif moqrija mill-measuring equipment li hemm kull ġimgħa mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-lum? Kif jikkumparaw dawn mal-Emission Limit Values kif speċifikati fl-IPPC Permit maħruġ mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1768 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-input li l-Gvern kien irċieva mingħand l-entitajiet kollha fil-perijodu ta’ konsultazzjoni pubblika fuq il-Politika Nazzjonali dwar l-Ilma li kienet iffinalizzata f’Ġunju tal-2012?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħdha tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta nbdew in-negozjati mal-Gvern Ċiniż jew kumpaniji tiegħu biex jidħol sieħeb fil-Korporazzjoni Enemalta? Min kienu l-persuni min-naħa tal-Gvern Malti u l-Korporazzjoni Enemalta li kienu qed imexxu n-negozjati biex intlaħaq il-qbil fuq il-memorandum of understanding maċ-China Power Investment Corporation permezz tas-sussidjarja tagħha, Shanghai Power Electric ?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-interess fuq din il-memorandum of understanding beda f'April ta' din is-sena. Id-diskussjonijiet s'issa involvew il-Ministeru kif ukoll l-Enemalta.