Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla – xogħlijiet fuq Dock 1

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm-il porzjon ġew maqsuma x-xogħlijiet f’Dock 1 f’Bormla? X’inhu l-valur tax-xogħol ta’ kull porzjon? Liema porzjonijiet qed isiru mill-Works Division u liema porzjonijiet qed isiru mill-kuntratturi? Għal dawk il-porzjonijiet li qed isiru mill-kuntratturi, min hu l-kuntrattur għal kull porzjon? Għal dawk il-porzjonijiet li qed isiru mill-ħaddiema tal-Gvern, kemm-il ħaddiem tal-Gvern hemm fuq kull porzjon u xi grad/sengħa għandu kull ħaddiem? Għal kull porzjon tax-xogħol, fiex wasal ix-xogħol preżentement, u meta hu maħsub li jiġi ffinalizzat kull porzjon tax-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi ninforma lill- Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Baċir Numru 1 ta’ Bormla kien ilu mwiegħed mill-Gvern preċedenti sa mill-1996 bid-data li suppost kellu jinbeda tkun dik ta’ Marzu 2009. Bl-iskuża li n-negozjati fallew għal diversi drabi, ix-xogħol fuq dan il-proġett ittardja. Il-Gvern ta’ dak iż-żmien iktar kien moħħu li joħroġ it-tenders milli jagħmel ix-xogħol. Dan wassal sabiex il-proġett inbeda f’Jannar tal-2011 u kien imwiegħed li jitlesta f’ Novembru tal-istess sena, iżda din il-wegħda reġgħet għal darb’oħra ma nżammitx. F’Marzu 2012 tkeċċa l-kuntrattur minħabba dewmien u inkonvenjenzi kbar bejn Triq Santa Tereża u x-Xatt ta’ Bormla bir-riżultat li l-proġett għal darb’oħra reġa ittardja. B’konsegwenza ta’ dan kollu, Gvern Laburista minnflok sab proġett lest kif kien ilu jiġi mwiegħed sab li :- · Ma kien hemm ebda pjan ta’ kontinġenza għat-traffiku · Ix-xogħol kien miexi bil-mod ħafna mingħajr ippjanar adegwat · Ma kienx hemm miżuri dwar saħħa u sigurta fuq il-post tax-xogħol · Ingħata tender ta’ ‘landscaping’ mingħajr ma kien hemm infrastruttura relata, fosthom ilma għat-tisqija. · Ingħata tender ta’ dawl mingħajr ma kien hemm infrastruttura lesta · Il-proġett kien qed jiġi ssorveljat b’site manager wieħed, li huwa umanament impossibli. · Ma kienx qed isir monitoraġġ arkeoloġiku · Toroq kienu qed jitlestew mingħajr ma ġew mgħoddija cables tal-Enemalta Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Gvern preżenti skont kif ġie mwiegħed fil-Programm Elettorali, fl-ewwel ftit ġimgħat tiegħu ħa ħsieb li : · Jittieħdu miżuri biex tkun indirizzata s-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xogħol u jsir it-tindif meħtieġ · Isir xogħol fuq id-‘dunes’ mal-baħar bil-ħaddiema tal-Gvern u sub-contractors · Sa nofs Mejju, jitlesta l-pavimentar fi Pjazza Paolino Vassallo · Isir xogħol minn Triq ix-Xatt sa Pjazza Gavino Gulia biex nevitaw problemi ta’ għargħar. Ta’ min isemmi li din ma kinitx parti mill-progett u l-footprint tal-proġett tkabbret. · Isir xogħol ta’ restawr ta’ ġiebja fl-area ta’ Santa Tereza bil-ħaddiema tal-Gvern. · Jiġu mgħoddija cables tal-Enemalta biex iservu lill-bini l-antik ta’ faċċata fil-futur – il-British building u n-Knights building, kif ukoll servizzi tal-GO biex ma terġax issir il-ħsara li saret. · Sar xogħol fit-triq sal-area tal-Bieb tad-Daħla tal-Birgu sabiex tikkumplimenta it-triq il-ġdida. Dawn ix-xogħlijiet saru fil-perjodu sakemm ġew approvati il-kumplament tax-xogħlijiet li ser ikunu iffinanzjati mill-Fondi Ewropej. B’hekk ma nħlitx anqas ġurnata waħda ta’ xogħol fuq dan il-proġett. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dettaljat bl-informazzjoni kollha mitluba mill- Onor. Interpellant.
Leg 12 PQ #3890 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Segretarji permanenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ segretarji permanenti f’Diċembru 2012 u kemm hu l-ammont ta’ segretarji permanenti llum? Jista’ jgħid kemm hemm impjegati fl-uffiċċju ta’ kull segretarju permanenti u x’inhu l-grad tagħhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li kien hemm 13-il Segretarju Permanenti f’Dicembru 2012 u llum hemm 14-il Segretarju Permanenti. Dan l-għadd ma jinkludiex s-Segretarju Permanenti Ewlieni. Dwar it-tieni mistoqsija, l-informazzjoni mitlub għar-rigward tal-Ufficcju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni tinsab fid-dokument anness. L-Onor Interpellant hija mitluba tagħmel il-mistoqsija dwar l-istaff tas-Segretarji Permanenti l-oħra lill-Ministri kkoncernati.
Leg 12 PQ #3891 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Diretturi Ġenerali u Diretturi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ diretturi ġenerali u diretturi f’Diċembru 2012?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li f’Diċembru 2012 kien hemm 42 Direttur Ġenerali u 131 Direttur.
Leg 12 PQ #3892 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Senior Messengers appuntati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta se jiġu appuntati s-senior messengers li saritilhom l-interview u ħareġ ir-riżultat tagħhom f’Jannar 2013?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-vakanzi jimtlew skont il-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku u l-prijoritajiet tal-Amministrazzjoni minn żmien għal żmien.
Leg 12 PQ #3893 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Diretturi Ġenerali u Diretturi maħtura

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ direttur ġenerali u diretturi bħalissa? Kemm ġew maħtura diretturi ġenerali u diretturi mill-elezzjoni s’issa? Kemm-il sejħa saret biex jimtlew karigi ta’ diretturi ġenerali u diretturi, u f’liema Ministeri kienu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li bħalissa hemm 39 Direttur Ġenerali u 126 Direttur. Ġew maħtura 3 Diretturi Ġenerali u 10 Diretturi mill-Elezzjoni s’issa. Ħarġu żewġ sejħiet biex jimlew karigi ta’ 28 Direttur Ġenerali u 67 Direttur fil-Ministeri kollha ħlief fil-Ministeru għall-Affarijiet Europej u Twettiq tal-Manifest Elettorali.
Leg 12 PQ #3894 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konferenza tal-aħbarijiet dwar il-mitt jum tal-Gvern — armar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min għamel l-armar għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret dwar il-mitt jum tal-Gvern Laburista? Inħarġet tender jew saret permezz ta' quotations? Kemm-il quotation intalbet u lil min? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-quotations u r-risposti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #3895 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal Industrijali – tneħħija ta’ Chairman

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tneħħa minn chairman tat-Tribunal Industrijali b’effett mit-8 ta’ Lulju 2013? Jekk dan huwa veru, x’inhi r-raġuni? Huwa konxju li l-ħidma tat-Tribunal Industrijali waqfet ħesrem għad-detriment ta’ ċittadini li qed jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-Onor membru hi mistiedna ssaqsi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #3914 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

ħolqien ta’ c + d waste generation — miżuri regolatorji

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3136 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li l-Gvern preċedenti kellu jintroduċi miżuri regolatorji u fiskali biex inaqqas il-ħolqien ta’ c + d waste generation (construction and demolition) biex jippromwovi riċiklar ta’ materjal għall-bini, jista’ l-Ministru jgħid x'kienu dawn il-miżuri?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li disa' u erbgħin miżura ġew proposti mit-'Twinning Project MT05-IB-EN-01 - Recycling of Construction and Demolition waste in Malta: Strategy for Short-Term Implementation' bejn Malta u l-Awstrija. Dawn il-miżuri biex jitnaqqas il-ħolqien ta’ skart mil-kostruzzjoni u twaqqiegħ ta' bini u biex jippromwovi riċiklar u rkupru ta’ materjal għall-bini jinstabu f'kapitlu 5.4 ta' l-Istrateġija nazzjonali għall-immaniġjar tal-iskart 2010.
Leg 12 PQ #3915 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Strateġija dwar l-iskart

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3132 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li fl-istrateġija tiegħu l-Gvern preċedenti kien qal li kien determinat li jħaddem mekkaniżmu biex jiżgura li dawk il-Ministeri li ma jiġbdux ħabel wieħed dwar l-iskart kienu se jiġu ċċensurati mill-Kabinett, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan sarx?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-MEPA ma għandiex records li kienet parti minn dan il-ftehim dwar dan il-mekkaniżmu u għaldaqstant ma hix fil-pożizzjoni li tipprovdi l-ebda informazzjoni fuq dan il-mekkaniżmu.
Leg 12 PQ #3917 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – permessi marbutin mal-ambjent

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhu l-proċess li permezz tiegħu l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tirċievi u tipproċessa permessi marbutin mal-ambjent, u f’liema stadji ssir konsultazzjoni pubblika dwarhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tirċievi u tipproċessa permessi marbutin mal-ambjent skont in-natura tal-permess, kif elenkat hawn taħt: 1. Rikjesti ta’ natura sempliċi, li jinkludu per eżempju permessi għall-qlugħ, żbir jew trapjantar ta' siġar, kif ukoll żarmar, twaqqiegħ jew tibdiliet strutturali f'ħitan tas-sejjiegħ, u permessi marbutin mat-trasferiment jew ġarr ta' skart. Permessi ta’ dan it-tip jinkludu ukoll dawk relatati mal-biodiversita’, partikolarment dawk ikkonċernati mar-regolamenti dwar il-kummerċ fi speċi ta’ fawna u flora, u dawk relatati mal-protezzjoni tal-flora, fawna u ambjenti naturali, bħal fi bżonn ta’ riċerka u mmaniġġar f’siti protetti. Dawn il-permessi jiġu milqugħa u ipproċessati każ b’kaz, b’konsultazzjoni interna, u ma jeħtiġux konsultazzjoni pubblika. 2. Applikazzjonijiet għall-permessi relatati mar-rilaxx deliberat ta’ Organiżmi Ġenetikament Modifikati, speċifikament relatati mat-tqeghid fuq is-suq, fejn l-applikant irid jagħmel avviż fuq gazzetta lokali u l-pubbliku għandu l-possibilità jikkummenta direttament lill-Kummissjoni Ewropea, anki meta l-applikazzjoni toriġina minn Stat Membru ieħor. 3. Kull applikazzjoni għall-permessi ta’ żvilupp, ikolliex jew le impatt fuq l-ambjent, statutorjament teħtieġu konsultazzjoni pubblika skont ma jistabbilixxi l-Att li jirregola l-operat tal-MEPA. L-impatt ta' wħud minn dawn l-iżviluppi ġieli jirrekjedi ukoll Studji dwar l-Impatt Ambjentali ("Environmental impact Assessment") u proċessi anċillari ta' konsultazzjoni pubblika dwar dawn l-istess studji. Il-konsultazzjoni ssir f'diversi stadji matul il-proċess tal-istudji. 4. Applikazzjonijiet għall-permessi ambjentali (environmental permit) jirrekjedu konsultazzjoni pubblika skont l-eżitu tal-impatt fuq l-ambjent u l-ambitu tal-każ u hija għad-diskrezzjoni tal-MEPA, ibbażata fuq ir-rekwiżiti tal-partijiet interessati. Dan għaliex proċedura definittiva għad trid tiġi żviluppata. Madanakollu, f’ċertu każi, konsultazzjoni issir kemm qabel, kif ukoll wara, l-ipproċessar tal-permess bħala moniteraġġ tal-effittivita’ tal-permess. 5. Il-proċess tal-permessi marbutin mal-IPPC (Integrated Pollution Prevention Control), meqjusa bħala l-aktar permessi ambjentali eżiġenti, jeħtieġu konsultazzjoni mal-pubbliku skont r-Regolamenti 10 tal-2013 dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrat tat-Tniġġis tal-Emissjonijiet Industrijali. Dan ir-Regolament ukoll jobbliga l-Awtorità kompetenti biex tagħmel ċerta informazzjoni disponibbli lill-pubbliku.
Leg 12 PQ #3918 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – enforcement notices

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm inħarġu enforcement notices mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) xahar b’xahar minn Jannar 2008 sa Lulju 2013, f’kull lokalità f’Malta u Għawdex?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Leg 12 PQ #3919 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – enforcement notices pendenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm enforcement notices tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) pendenti, f’kull lokalità f’Malta u Għawdex, maqsumin skont jekk humiex ġewwa jew barra l-iskema tal-iżvilupp?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-każijiet t'infurzar li għadhom mhux magħluqa fuq is-sistema diġitali tal-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, skont il-Kunsill Lokali li jaqgħu fihom. Din l-istatistika ġiet miġbura wara query fuq is-sistema tal-Awtorita', li saret fit-28 ta' Awissu, 2013. Dawn jinkludu l-ka¿ijiet kollha, inkluż dawk li l-Awtorita` ma tistax taġixxi fuqhom għax hemm pendenzi għaddejjin, bħal appelli jew aplikazzjonijiet ta' sanzjonar. Iżda, ma jinkludux każijiet li mhumiex e¿egwibbli għax għandhom konċessjonijiet legali li huma mmarkati fuq is-sistema diġitali u li huma mmarkati fuq din is-sistema bħala li jkopru l-iżvilupp illegali kollu, kif ukoll dawk il-każijiet li fuq is-sistema diġitali huma mmarkati li ttieħdet azzjoni diretta fuqhom u tneħħew l-illegalitajiet kollha imma għad baqa' l-ispejjeż x'jinġabru. It-total miġbur mis-sistema diġitali hekk tela' għal 8080 każ:- 4480 fiż-Żona tal-Iżvilupp, u 3600 Barra miż-Żona tal-Iżvilupp (ODZ).
Leg 12 PQ #3920 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – direct actions

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ittieħdu direct actions (marbutin ma’ infurzar) mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) xahar b’xahar minn Jannar 2008 sa Lulju 2013, f’kull lokalità f’Malta u Għawdex?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Leg 12 PQ #3921 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – refunds pendenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm għandha refunds pendenti xi tħallas lura l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) lill-applikanti li jkun inħarġilhom il-permess u jkun għadda ż-żmien tal-garanzija li jkunu ntalbu jagħmlu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ refunds pendenti xi tħallas lura l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) lill-applikanti li jkun inħarġilhom il-permess, maħduma sa l-24 ta' Settembru 2013, huwa ta’ €1,070,284.33.

Is-Siġġiewi (Għar Lapsi) – xogħlijiet fuq triq

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3671, jirrikonoxxi l-Ministru li l-ispejjeż marbuta mal-għoti ta' wiċċ ġdid lit-triq li tagħti għal Għar Lapsi huma sostanzjali sabiex jagħmel tajjeb għalihom il-Kunsill waħdu? Ma jidhirlux il-Ministru li peress li din hija żona turistika, il-Gvern għandu jgħin u jintervjeni sabiex il-bajja ta' Għar Lapsi tkun aktar aċċessibbli?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jerġa' jirreferi għar-risposta li tajt fil-mistoqsija Parlamentari Numru 3671.
Leg 12 PQ #3988 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Maġistrati u Imħallfin – pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju għandhom il-maġistrati u l-imħallfin?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Is-salarju tal-Membri tal-Ġudikatura huwa bba¿at fuq skala 1 tas-salarji tas-servizz pubbliku. Is-salarju tal-Prim Imħallef huwa ekwivalenti għal 115.5% ta’ din l-iskala, tal-Imħallfin 100% filwaqt li tal-Maġistrati 85%. Barra dan is-salarju, kull Ġudikant għandu dawn l-Allowances: 1. Ammont ekwivalenti għal 15% tas-salarju; 2. Allowance ta’ €8,152,81; 3. Allowance ta’ €12,000 fis-sena li hi intiża għal taħriġ, għal żamma ta’ seduti wara nofsinhar meta meħtieġ, u għat-tħaddim obbligatorju tas-sistema tad-djarju fil-kawżi ċivili kollha. Din l-allowance ġiet introdotta gradwalment hekk, €4,000 fl-2012, €8,000 fl-2013 u titla’ €12,000 fl-2014 u 4. Allowance ta’ €6,100 bħala ħlas b’somma fissa li tiġbor fiha diversi konċessjonijiet monetarji u benefiċċji oħra li kull Ġudikant kien igawdi sa nofs l-2012. L-Allowance dovuta lill-Prim Imħallef għal dan l-iskop hi ta’ €7,200 peress li hu kien igawdi minn benefiċċji ogħla min tal-Ġudikanti l-oħra. Ma din ir-risposta qed nehmeż kopja tal-ftehim milħuq bejn l-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u tal-Maġistrati ta’ Malta u l-Gvern ta’ Malta li ġie ffirmat fil-5 ta’ Diċembru 2012.

Stamp Advisory Board — funzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta beda jiffunzjona l-iStamp Advisory Board? Jista’ jgħid min huma n-nies li huma fil-Bord illum? X’funzjoni għandu dan il-Bord? Kemm-il darba jiltaqa’? X’deċiżjonijiet jieħu dan il-Bord? Kemm jitħallsu l-membri tal-Bord?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija – ingaġġ ta’ konsulent legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu jew hi l-konsulent legali tal-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija u kif inħatar? Saru call for applications u fejn ġew ippubblikati? Kemm hi r-remunerazzjoni tal-konsulent legali? Min ġie magħżul huwa impjegat jew jinsab fuq bażi kuntrattwali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija kien, sa ftit taż-żmien ilu, okkażżjonalment jagħmel użu mis-servizzi legali ta' Dr Rosslyn Borg permezz ta' kuntratt ta' servizz għal konsulenza. Dan għaliex sat-30 ta' Ġunju 2013 il-Kunsill ma' kienx jimpjega persuna full-time speċifikament biex tieħu ħsieb l-affarijiet legali tal-Kunsill. Is-servizz għall- konsulenza legali msemmija hawn fuq jasal fi tmiemu mal-għeluq ta' każ partikolari li għadu pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali. Minħabba li l-ispiża totali tas-servizzi legali kollha pprovduti minn din il-konsulenta kien ta' anqas minn €2,500 (VAT eskluż), Dr Rosslyn Borg ġiet ikkuntrattata permezz ta' ordni diretta.

Ħal Qormi – xogħlijiet fuq trejqa għal Ħaż Zebbuġ

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fuq trejqa li tinsab biswit l-għelieqi bejn Triq Pietru Felici, Ħal Qormi, u li tagħti għal Triq Għar Ram, Ħaż-Żebbuġ, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u hija ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti Qriema li jgħaddu minn dawn l-inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din it-talba ġiet innutata.
Leg 12 PQ #4008 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ħal Qormi – xogħlijiet fuq trejqa għal Ħaż-Żebbuġ

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fuq trejqa li tinsab biswit l-għelieqi bejn Triq Pietru Felici, Ħal Qormi, u li tagħti għal Triq Għar Ram, Ħaż-Żebbuġ, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u hija ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti Qriema li jgħaddu minn dawn l-inħawi?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi għamel numru ta’ talbiet sabiex din it-triq tinfetaħ għal aktar aċċessibiltà. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat għal aktar informazzjoni dettaljata.