Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — impjegati li qed isegwu kors l-Università
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jagħmlu kors l-università u/jew kors online ma' Università barranija (indikati separatament)? Jista’ jgħid liema korsijiet huma? Jista’ jgħid x’inhu l-grad ta’ kull impjegat u jekk id-dipartiment ikkonċernat hux qed jagħti xi għajnuna? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din l-għajnuna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta' mpjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi li qed jagħmlu kors fl-Universita' ta' Malta u/jew kors online ma' Universita` barranija u li qed jingħataw xi forma ta' għajnuna finanzjarja jew ta' xi tip ieħor, hu kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi:-
Tabella 'A':- Direttorat għal Servizzi Edukattivi
Tabella 'B':- Direttorat għal Kwalita' u Standards fl-Edukazzjoni
Tabella 'C':- Direttorat għal Servizzi Korporattivi/Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja/Information Management Unit
Tabella 'D':- Universita' ta' Malta
Tabella 'E':- MCAST
Tabella 'F':- Arkivji Nazzjonali/Malta Libraries/Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla.
Ministeru għall-Finanzi — impjegati li qed isegwu kors l-Università
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jagħmlu kors l-università u/jew kors online ma' Università barranija (indikati separatament)? Jista’ jgħid liema korsijiet huma? Jista’ jgħid x’inhu l-grad ta’ kull impjegat u jekk id-dipartiment ikkonċernat hux qed jagħti xi għajnuna? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din l-għajnuna?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Madanakollu, tajjeb li jingħad illi r-risposta tinkludi biss informazzjoni dwar dawk l-impjegati li qed jagħmlu kors l-universita’ u li lilhom qed tingħata xi tip ta’ għajnuna mill-Gvern. Għalhekk, impjegati li qed jagħmlu kors ta’ livell terzjarju mhux waqt il-ħin tax-xogħol u li mhux qed jieħdu għajnuna mill-Gvern mhumiex inklużi.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — impjegati li qed isegwu kors l-Università
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jagħmlu kors l-università u/jew kors online ma' Università barranija (indikati separatament)? Jista’ jgħid liema korsijiet huma? Jista’ jgħid x’inhu l-grad ta’ kull impjegat u jekk id-dipartiment ikkonċernat hux qed jagħti xi għajnuna? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din l-għajnuna?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qieghdha tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — impjegati li qed isegwu kors l-Università
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li qed jagħmlu kors l-università u/jew kors online ma' Università barranija (indikati separatament)? Tista’ tgħid liema korsijiet huma? Tista’ tgħid x’inhu l-grad ta’ kull impjegat u jekk id-dipartiment ikkonċernat hux qed jagħti xi għajnuna? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din l-għajnuna?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — impjegati li qed isegwu kors l-Università
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li qed jagħmlu kors l-università u/jew kors online ma' Università barranija (indikati separatament)? Tista’ tgħid liema korsijiet huma? Tista’ tgħid x’inhu l-grad ta’ kull impjegat u jekk id-dipartiment ikkonċernat hux qed jagħti xi għajnuna? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din l-għajnuna?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid xi proċess intuża sabiex tiġi impjegata l-persuna fir-rwol ta’ Direttur Riżorsi Umani fl-Isptar Mater Dei? Saret talba għall-applikazzjonijiet? Xi kwalifiċi u kompetenzi għandha l-persuna maħtura? X’inhu l-pakkett finanzjarju għal din il-kariga?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 3227 u 3228, jista’ l-Ministru jgħid meta u kemm se jiddaħħlu spiżjara ġodda mal-Gvern?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-bżonn ta’ iktar spiżjara huwa rikonoxxut u għaldaqstant qed isiru t-talbiet neċessarji sabiex inkunu nistgħu nipproċedu bir-reklutaġġ ta’iktar spiżjara.
Rabat Health Centre – Kit tal-prostata out of stock
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-kit tal-prostata magħruf bħala PSA kien out of stock fl-10 ta’ Lulju 2013 mir-Rabat Health Centre (li bħalissa qed jopera minn post temporanju) u allura l-appuntamenti kellhom jiġu posposti wara li l-pazjenti marru għall-istess appuntament sajmin?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li t-testijiet tad-dmija fiċ-Ċentri tas-Saħħa kollha jinħadmu mill-laboratorju tal-Isptar Mater Dei.
Id-Dipartiment tal-Kura tas-Saħħa Primarja ġie nfurmat mil-laboratorju ta l-Isptar Mater Dei li t-test twaqqaf fuq struzzjonijiet mogħtija mill-kumpanija barra minn Malta li timanifattura l-kits tal-prostata minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni fir-riżultati. Il-laboratorju informa lit-tobba fl-isptarijiet u fiċ-ċentri tas-saħħa sabiex ma jibatux aktar testijiet tal-PSA sakemm kits ġodda jaslu għand il-laboratorju.
Qatt ma’kien hemm nuqqas ta'
kits
. Il-pazjenti m’għandhomx għalfejn isumu għat-test tal-PSA u din il-problema ma’affetwatx testijiet oħra inklużi dawk li tiġi sajjem għalihom.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-kariga tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fis-segretarjat tiegħu? X’inhu l-pakkett finanzjarju għal din il-kariga?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li r-risposta għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Kunsill Malti għall-Isport – allokazzjoni ta' baġit
Question
B’rabta mal-istqarrija numru 1504 maħruġa s-sibt 13 ta’ Lulju mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kif is-Segretarju Parlamentari wasal għall-konklużjoni li “75% tal-baġit tal-Kunsill Malti għall-Isport imur għall-ispejjeż amministrattivi u 17% biss imorru għall-għaqdiet sportivi”? Jista’ jgħid fejn jintefqu t-8% li jifdal mill-baġit tal-Kunsill Malti għall-Isport skont kif ikkalkulat mis-Segretarju Parlamentari?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta' finanzi allokati lill-Kunsill Malti Għall-Isport mill-baġit li tressaq f'April 2013 u li kien ippreparat mill-amministrazzjoni preċedenti huwa ta' ftit aktar minn €5 miljuni. Spejjeż operattivi tal-Kunsill Malti Għall-Isport se jkunu ta' madwar €4 miljuni. L-istqarrija tas-Segretarju Parlamentari kienet qed tirreferi għall-baġit allokat mill-Gvern.
L-ammont ta' flus li kellu l-KMS mill-baġit approvat mill-Gvern għall-għaqdiet sportivi huwa ta' anqas minn €900,000.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li jifdal aktar minn 8% peress li l-Kunsill Malti Għall-Isport fis-sena 2013 se jkun għamel telf ta' €708,192 liema telf kellu jagħmel tajjeb għalih il-fond tal-isport.
B'referenza għall-parkeġġ fil-Belt, jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' parking bays
i) riservati għar-residenti tal-Belt 24 siegħa (ħodor);
ii) riservati għar-residenti tal-Belt bil-lejl (blu);
iii) riservati għal persuni b'diżabilità jew għal raġunijiet oħra (sofor);
iv) riservati għall-karozzi uffiċjali tal-gvern;
v) riservati għall-karozzi tal-ministeri;
vi) in-numru ta' parking bays għal kulħadd fl-area tas-CVA, jiġifieri kemm hemm parking bays bojod; u
vii) in-numru ta' parking bays fil-Belt iżda 'l barra mis-CVA charging zone?
Jista’ jipprovdi mappa ta' fejn jinstabu dawn il-parkeġġi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont survey li sar minn Transport Malta bejn Awissu u Settembru 2013, l-allokazzjoni ta’ parking bays, kemm dawk f’toroq pubbliċi kif ukoll ġewwa spazji ta’ parkeġġ (parking areas) fil-Belt Valletta huma hekk kif ġej:
i) parking bays riservati għar-residenti tal-Belt 24 siegħa (ħodor) – 215 fiż-żona tas-CVA u 107 ‘il barra miż-żona tas-CVA;
ii) parking bays riservati għar-residenti tal-Belt bil-lejl (blu) – 567 fiż-żona tas-CVA u 10 ‘il barra miż-żona tas-CVA;
iii) parking bays riservati għal disabled jew raġunijiet oħra* (sofor) - 154 fiż-żona tas-CVA u 49 ‘il barra miż-żona tas-CVA;
iv) parking bays riservati għall-karozzi uffiċjali tal-gvern - 2 fiż-żona tas-CVA u 30 ‘il barra miż-żona tas-CVA;
v) riservati għall-karozzi tal-ministeri - 37 fiż-żona tas-CVA u 84 ‘il barra miż-żona tas-CVA;
vi) parking bays għal kulħadd (bojod) fl-area tas-CVA – 629;
vii) parking bays fil-Belt iżda 'l barra mis-CVA charging zone – 896
* jinkludi loading / unloading bays, kaxxi ta’ parkeġġ għal taxis, electric cabs u karozzini. Apparti minn hekk hemm 284 kaxxa ta’ parkeġġ safra mmarkata bħala Keep Clear ġewwa ż-żona tas-CVA u 36 ‘il barra miż-żona tas-CVA.
Hemm ukoll 55 parkeġġ fiż-żona tas-CVA assenjati għal muturi u 6 parkeġġi ‘il barra miż-żona tas-CVA.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta li turi l-allokazzjoni ta’ dawn il-parking bays fil-Belt Valletta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal tal-Pulizija, mid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi, mis-Servizz tad-Detenzjoni u mill-Protezzjoni Ċivili ġew trasferiti għal dipartimenti jew entitajiet oħra tal-Gvern mid-9 ta' Marzu sal-lum? Jista’ jgħid kull wieħed xi grad kellu u f'liema entità jew dipartiment ieħor ġew trasferiti?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta hija kif ġejja:
Grad
Dipartiment fejn kien
Dipartiment fejn ġie trasferit
1
Supretendent
Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi
Training Co-ordinator
fl-akkademja tal-Pulizija
2
Kuntisstabli
Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi
Distrett 8 ‘S’ Naxxar
3
Kuntisstabli
Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi
CID Lock Up
4
Kuntisstabli
Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi
CID Lock Up
5
Kuntisstabli
Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi
CID Lock Up
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-istudji li ġew ikkummissjonati minn MGTIL matul is-snin 2010, 2011, 2012 u 2013? Min għamel dawn l-istudji? X’kienu r-raġunijiet li saru tali studji? Kemm tħallas għal kull studju?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninsab infurmat li l-MGTIL kkommissjonat studju wieħed bejn is-snin 2011 u 2012 - FDI Promotion Strategy (maħruġ b’tender).
Dan l-istudju sar minn Ernst & Young International Location Advisory Services ibbażati f'Pariġi u Amsterdam, flimkien ma’ Ernst & Young Malta.
Ir-raġunijiet li sar tali studju kienu :-
· Biex twassal il-Viżjoni tal-Gvern fis-setturi tal-Media u ICT f'Malta
· Biex tistudja u tidentifika t-'Trends' internazzjonali fis-setturi tal-Media u ICT li jistaw jinfluwenzaw id-deciżjonijiet tal-Investituri Barranin
· Biex tpoġġi lil Malta fuq il-mappa biex tattira investiment barrani f'dawn is-setturi
· Biex tidentifika strateġija biex Malta tkun iktar attrajenti lejn dawn l-investituri
· Biex tfassal strateġija ta’ promozzjoni u tidentifika setturi speċifiċi
Biex twassal lil Malta biex ikollha pjan ta’ azzjoni biex timplimenta din l-istrateġija, kif ukoll jiġu identifikati numru ta’ investituri.
Il-ħlas għal dan l-istudju kien ta €211,999.98.
Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li tgħix ġo post ikkundannat u għandha bżonn post alternattiv?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni ġiet infurmata fit-23 ta’ Awwissu 2013 li l-applikazzjonijiet tagħha qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xufier/a impjegat/i ma' uffiċjali għolja tal-Awtorità tat-Trasport humiex intitolati għal spazju ta' uffiċċju u laptop fl-uffiċini ta' Trasport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi spazju f’uffiċċju u kompjuter jitqiesu bħala elementi bażiċi iżda essenzjali li ħaddiem għandu jkun ipprovdut bihom biex jagħmel xogħlu.
Transport Malta — post ta' corporate services director
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għall-post ta' corporate services director f’Transport Malta ħierġa internal call u mhux internal u external call? Veru li diġà hemm persuna identifikata għal dan il-post li diġà taħdem mat-Transport Malta u l-call for application ħierġa sempliċiment bħala proċedura? Kif se jkun aċċertat illi se tingħażel l-aktar persuna kkwalifikata u addattata għal dan il-post jekk mhux se jingħata ċans lil kull persuna li tħossha idonea għal dan il-post tapplika?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sejħa għall-applikazzjonijiet hija ta’ Chief Officer – Corporate Services (mhux Corporate Services Director). Hija prassi fi Transport Malta li tingħata opportunita’ lill- impjegati tagħha sabiex japplikaw għall-vakanzi fi ħdanha. Naċċerta lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm l-ebda persuna identifikata għall-dan il post u għalhekk kull applikant li għandu l-kriterji meħtiega skond il-Job Description ser ikun kkunsidrat u evalwat għal dan il-post permezz ta’ interview. Jekk kemm il-darba ma tkunx identifikata persuna interna, ssir sejħa pubblika.
Jista’ jikkonferma li Triq San Martin (il-parti ta' fuq li tiżbokka fi Vjal l-Indipendenza), fiż-Żurrieq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu mill-Kunsill Lokali biex id-dettalji ta' residenza mogħtija separatament ma tegħriqx mal-ewwel xita li tagħmel peress illi t-triq taqleb lejn id-dar tagħha u l-ilma tax-xita m'għandux fejn imur?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li l-parti tat-triq imsemmija taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Bubaqra, fi ħdan il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Dan il-każ se jgħaddi għall-attenzjoni tal-perit tal-Kunsill.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li Triq San Martin, fiż-Żurrieq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'passi se jittieħdu f'din it-triq biex jitneħħa periklu li nħoloq peress illi parti mit-triq sfrundat u hemm suspett illi dan ġara għax taħt wiċċ it-triq hemm bir li ċediet il-bokka tiegħu?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li l-parti tat-triq imsemmija taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Bubaqra, fi ħdan il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Infurmat ukoll li l-Kumitat Amministrattiv ta’ Bubaqra nforma lill-perit tal-Kunsill bil-każ u ħareġ l-ordni tax-xogħol lill-kuntrattur. Tali manutenzjoni għandha ssir fi żmien qasir.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk li skema tal-Micro Invest għadhiex u hux se tibqa’ miftuħa? Jekk se tibqa’ miftuħa, meta se tagħlaq tali skema?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninsab infurmat li fi żmien qasir, l-iskema tal-Micro Invest ser tiġi estiża għall-perjodu ta' sentejn u dan permezz ta' ħruġ ta' Avviż Legali li ser iġedded l-iskema sabiex tkopri spejjeż eliġibbli li jkunu minfuqa fuq perjodu ta' sentejn. Dan il-perjodu jkopri s-sentejn bejn l-ewwel ta' Jannar 2013 u l-aħħar ta' Diċembru 2014. L-aħħar applikazzjoni taħt din l-iskema tkun aċċetata sas-27 ta' Marzu tal-2015.