Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi n-nefqa totali tal-Gvern fuq learning support assistants bħalissa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li n-nefqa totali tal-Gvern fuq salarji u allowances ta' learning support assistants li jaħdmu kemm fi skejjel statali, tal-knisja u indipendenti f'Malta u Għawdex u li tħallsu fix-xahar ta' Ġunju 2013 għall-perjodu ta' erba' ġimgħat bejn il-21 ta' Mejju u s-17 ta' Ġunju 2013 (jiġifieri salarju wieħed minn tlettax-il salarju f'sena kalendarja) kienet ta' €3,397,193.10c
Supply learning support assistants – taħriġ u kwalifiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk supply learning support assistants li bħalissa diġà għaddejjin b’ taħriġ biex jiksbu kwalifika rikonoxxuta hux se jkunu jistgħu jżommu posthom fl-iskola partikolari li qegħdin fiha bħalissa anke jekk b’kundizzjoni li jiksbu l-kwalifika f’perijodu definit, jew inkella hux se jkunu qed jitilfu posthom meta l-għażla ta’ learning support assistants tkun qed issir qabel dawk ta’ supply learning support assistants?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi meta jkollu vakanzi għall-Learning Support Assistants (LSAs) l-ewwel jimpjega n-nies kwalifikati. Huwa mportanti li kemm jista' jkun tfal b'diżabilita' jew b'xi kundizzjoni jkollhom appoġġ minn nies imħarrġa. Jekk ma jinstabux biżżejjed persuni kwalifikati, id-Direttorat jimpjega persuni fuq bażi temporanja bħala Supply LSAs, sakemm jinstabu nies kwalifikati. Jekk is-Supply LSAs jakkwistaw il-kwalifika meħtieġa meta joħorġu s-sejħiet għall-applikazzjoni għall-LSA I jew LSA II huma jkunu jistgħu japplikaw u hekk jiġu mpjegati fuq bażi indefinit.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tracer studies li saru mill-Ministeru għall-Edukazzjoni mill-1996 sal-lum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għas-snin 1997 sal-2011 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li kopja għas-sena 1996 ma hemmx u għas-sena 2012 għadha qed tinħadem id-data.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni, li kienet inbdiet qabel l-elezzjoni, dwar allegat frodi fl-użu ta' credit cards tal-Malta Air Traffic Services Ltd, liema cards kien intqal li kienu ġew użati minn uffiċjali għolja tal-istess kumpanija, li llum wieħed minnhom huwa uffiċjal għoli ħafna fid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili taħt Transport Malta u l-ieħor huwa rtirat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata fil-mument opportun.
12-il distrett elettorali — devoluzzjoni ta' proprjetajiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proċessi ta’ devoluzzjoni li tlestew mil-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali matul l-2012 u l-2013 sa Ġunju? Liema kienu l-proprjetajiet li għaddew għand il-kunsilli permezz ta’ dawn il-ftehim li ġew konklużi? F’kull każ, meta kien inbeda l-proċess għad-devoluzzjoni ta’ dawn il-proprjetajiet?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – stennija għal admission
Question
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm persuni li damu iktar minn 24 siegħa fuq stretcher fl-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei sakemm issejħu biex jingħataw sodda, xahar b'xahar, matul l-2012?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Patient Administration System tal-Isptar Mater Dei, in-numru ta’ pazjenti li damu fuq stretcher fl-Emerġenza għal iktar minn 24 siegħa sakemm ingħatatilhom sodda fis-sala bejn Jannar u Diċembru tas-sena 2012 huma total ta’ħames mija u sitta u għoxrin (526).
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar numru ta' referral applications li nżammu fl-Isptar Mater Dei qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ referral applications pendenti bejn is-16 ta' Novembru 2012 u 9 ta' Marzu 2013 kien jammonta għall-3891. Dawn kienu jinkludu referral tickets għall-Medical OutPatients (Gastro biss), Surgical Out-Patients, Orthopaedics, u l-Pain Clinic.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar fl-aħħar leġiżlatura fuq bejgħ ta' oqbra ġodda fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata u x’xogħol sar fuq il-proġett tat-tkabbir tal-istess Ċimiterju? X'kienet l-ispiża fl-aħħar leġiżlatura fuq dawn iż-żewġ inizjattivi?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li r-risposta għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Tistà l-Ministru tgħid meta kienet l-aħħar darba li sar audit mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul u x'kien ir-rizultat ta' dan l-audit?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-OHSA jagħmlu diversi audits fis-sezzjonijiet differenti tar-Residenza San Vinċenz de Paul. L-aħħar audit sar f’Lulju li għadda tal-X-Ray Unit fejn kien rakkomandat li jsiru radiation dose survey kif ukoll acceptance test reports. Dawn l-esperti ġew ikkuntattjati biex jitħejja rapport.
Slielem max-xtut fis-7 u t-12-il distrett elettorali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali tas-7 u t-12-il distrett elettorali li għamlu rapporti dwar slielem max-xtut li mhumiex f’kundizzjoni tajba u li jridu jiġu rranġati jew mibdula? Liema slielem kienu hekk irrapurtati?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 3143 u jgħid liema bordijiet ta’ għażla għal job vacancies li hemm bħalissa fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, huma diġà kostitwiti? Jista’ jgħid minn min huma kostitwiti dawn il-bordijiet u f’liema kapaċità qegħdin hemm il-membri ta-bordijiet? Sar xi tibdil fil-kostituzzjoni ta’ dawn il-bordijiet? Kien hemm xi entitajiet li qabel ma kenux irrapreżentati, u issa qed jiġu rrapreżentati, u viċi versa?
B’referenza għall- mistqosija parlamentari 3145, jista’ l-Ministru jgħid bil-pjanijiet il-ġodda, liema mill-iskejjel oriġinarjament ipprogrammati biex jinbnew mid-Diviżjoni tas-Servizzi Edukattivi fil-5 snin li jmiss mhumiex se jibnew minħabba pjanijiet ġodda mill-Ministeru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-pjan ta' bini ta' skejjel ġodda għadu qed jiġi diskuss.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3147, jista’ l-Ministru jikkonferma li d-daqs ideali ta’ popolazzjoni skolastika ta’ madwar 400 student u bil-bini ta’ skola ġdida waħda fis-sena immirata għal dik il-popolazzjoni, se jkunu qed jiġu akkomadati biss madwar nofs l-istudenti li kienu se jiġu akkomodati bil-pjan oriġinali tad-Diviżjoni għas-Servizzi Edukattivi? X’se jiġri mill-istudenti l-oħra li kienu se jiġu akkomdati bil-pjan oriġinali? F’dawn il-5 snin li ġejjin kemm se jkun tnaqqas l-investiment fl-edukazzjoni b’dan il-mod?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Mhux se jitnaqqas l-investiment. Il-pjan li qed jitfassal jaħseb għal skejjel medji u sekondarji li bejniethom ikunu biżżejjed biex jilqgħu fihom l-istudenti fil-ħames snin li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-istrateġija dwar l-early school leavers li tnediet mill-Gvern lejn il-bidu ta’ din il-leġiżlatura hija l-istess waħda li inkitbet fil-leġiżlatura preċedenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-istrateġija dwar l-early school leavers li tnediet mill-Gvern lejn il-bidu ta' din il-leġislatura hija l-istess waħda li nkitbet fil-leġislatura preċedenti iżda saret konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali f'Malta u Għawdex biex jiġbor is-sehem tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara li r-rata ta’ early school leavers f’Malta ġiet stabbilita li hi waħda ta’ 22%, huwiex kunfidenti li pajjiżna jilħaq il-mira maqbula mal-Unjoni Ewropea ta’ 10%?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern se jagħmel dak kollu possibli biex din il-mira tintlaħaq.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3514 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Billi xi ġimgħat ilu kien hemm rapport fil-media lokali dwar allegat użu tal-glysophate fuq prodotti agrikoli minn bdiewa Maltin, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ħa l-Ministeru dwar l-istess rapporti u l-konsegwenzi tagħhom?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li is-Sovritendenza tas-Saħħa Pubblika ma ħadet l-ebda azzjoni speċifika peress li kienet infurmata li kienu qed jittieħdu passi meħtieġa mill- Awtorita` Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li taħta taqa` ir-regolazzjoni ta’ tali prodotti. Għad-dettalji tal-passi li ttieħdu, nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili (MSDC) li taħta taqa’ l-Awtorita .
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm diskussjoni fil-laqgħat tar-reġjun tat-Tramuntana matul l-2012 u l-2013 sa’ Ġunju dwar il-ħtieġa ta’ speed camera/cameras fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar? Meta saru dawn id-diskussjonijiet u x’kienu l-pożizzjonijiet li ħadu d-diversi kunsill lokali ta’ dan ir-reġjun dwar din l-istess camera?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kumitat Reġjonali Tramuntana li fl-aħħar laqgħa li kellu u li nżammet it-Tlieta 9 ta’ Lulju 2013, kien hemm diskussjoni fuq l-ispeed cameras.
Infurmat li r-Reġjun Tramuntana talab lil Transport Malta permess għal żewġ
speed cameras
oħra, waħda fil-Mellieħa u oħra fin-Naxxar.
Sadanittant ninsab infurmat li kien il-Kumitat Konġunt tat-Tramuntana (illum xolt) li kien għamel l-ewwel talba għal speed camera fil-By Pass ta’ San Pawl il-Baħar, liema applikazzjoni kienet approvata minn Transport Malta lura fl-2009.
Jirriżulta li minħabba diżgwid bejn Transport Malta, il-Kumpanija Guard & Warden u l-Kumitat Konġunt tat-Tramuntana dan ix-xogħol qatt ma kien sar.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-CD b’dettalji partikolari li hu mistenni li jingħataw l-applikanti li se juru interess biex jieħdu sehem fil-land reclamation, kif rappurtat fil-media?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tac-CD b’dettalji partikolari li ngħatat lil 23 applikanti li wrew interess biex jieħdu sehem fil-land reclamation.
B’referenza għal-launch tal-espressjoni ta’ interess għar-reklamazzjoni tal-art, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif il-Gvern qed jaħseb li se tintuża din l-art reklamata, meta qed jingħad li “the government is not aiming for real estate development but a mix of projects” kif ġie rrappurtat li ddikjara s-segretarju parlamentari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-espressjoni ta’ interess għar-reklamazzjoni tal-art hija ntiża sabiex jinġabru ideat għall-żvilupp sostenibbli fl-ispazju tal-kosta u tal-baħar li jdawru l-gżejjer Maltin. Dawn l-ideat iridu jwasslu għall-proposti innovattivi li jkunu teknikament u finanzjarjament vijabbli kif ukoll ambjentalment sostenibbli. Il-Gvern huwa kommess li jikkunsidra kull proposta li tintbagħat dwar żvilupp ta’ proġetti innovattivi mir-riklamazzjoni tal-art, u l-għażla ssir għall-proġetti li jissodisfaw standards għolja fl-oqsma ambjentali, soċjali, ekonomiċi, ta’ ippjanar u żvilupp sostenibbli u li jassiguraw valur ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol